Illum previous editions

ILLUM 9 December 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1060187

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 31

23 illum | Il-Ħadd 9 ta' Diċembru 2018 TV/Ċinema Films ġodda għal din il-ġimgħa Is-sensiela tal-boxing, Rocky waslet fit-tmien puntata tagħha. L-istorja ta' baħbuħ normali minn distrett fqir ta' Philadelphia li, kontra kull previst, isir kampjun tad-dinja qabdet bil-kbir l-immaġini tal-udjenzi, speċjalment fl-Amerka. Wara sitt episodji ta' suċċess, minkejja li l-livell beda jitbaxxa, fl- 2015 din is-serje ħadet żvolta,u billi l-protagonist Rocky Balboa (Stallone) issa kiber sew, sar il-promotur u l-kowċ tat-tifel illeġittimu tal-ewwel avversarju tiegħu fuq il-podju, Apollo Creed. Dan hu Adonis Creed (Jordan) li, taħt il-pariri u direzzjoni ta' Rocky, malajr beda javvanza 'l fuq fid-dinja tal- boxing professjonali fi Creed (2015). F' Rocky IV (1985), Apollo jinqatel waqt ġlieda boxing mir-Russu Ivan Drago (Lundgren), li wara tilef f 'taqtigħa ħarxa ma' Rocky. Għaldaqstant, kienet ħaġa xierqa u flokha li issa Adonis jiġġieled mal-kampjun qawwi Russu, Victor Drago (Monteanu), imħarreġ b'qilla minn missieru, Ivan. Adonis jipproponi biex jiżżewweġ lil Bianca (Thompson), li hi wkoll kantanta, u l-ħajja miżżewġa ġġib xi ftit għażż, biża' u traskuraġni fuq dan il-ġellied qabel jiffaċċja lill- avversarju potenti tiegħu. Meta missieru miet, hu kien għadu ma twellidx, għalhekk issa jrid vendetta kontra l-qattiel ta' missieru, però ma jidhirx li hu fi stat fiżiku li jagħmel dan. Tgħid se jkun ir-riżultat? Sorprizament, kemm fi Creed u kemm f 'din il-produzzjoni ġdida, Creed II, il-livell artistiku reġa' għola. Minbarra d-diversi ġlidiet li fih u t-taħriġ intens taż-żewġ boxers, parti sostanzjali tingħata għan-namur u l-ħajja miżżewġa tal-maħbubin flimkien, issa b'tarbija ċkejkna. L-andament hu wieħed li tobsru minn qabel x'se jissuċċiedi, iżda dan hu xogħol grandjuż li jentużjasma bis-sħiħ lill-ispettaturi u anki jippompja fihom l-adrenalina. It-tmiem jindika li kollox ma waqafx hawn! Creed 2 Atturi Ewlenin: Michael B. Jordan; Sylvester Stallone: Tessa Thompson; Florian Monteanu; Dolph Lundgren; Russell Hornsby; Brigitte Nielsen. Direttur: Steven Caple Jr. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 130 min. Ċert. 12A It-tfal żgħar mill-iskola primarja ta' St. Bernardette f 'Coventry reġgħu magħna fir-raba' film mis-serje Nativity, bl- isem, din id-darba, ta' Nativity Rocks! Iddireġut mill-istess Debbie Isitt. L-istaff ta' din l-iskola kull Milied jistennew li s-Sinjura Mrs. Keen (Imrie) se toħroġ b'xi ħaġa innovattiva. F'din is-sena, tixtieq li l-għalliema flimkien mat-tfal jorgannizzaw rock opera speċjali dwar il-ġrajja tat-twelid ta' Ġesù Bambin, biex turi li l-belt ta' Coventry tista' ssir l-Aqwa Belt tal-Milied tas-Sena. Fil-ftuħ, jasal Jerry Poppy (Lipkin) biex jingħaqad ma' ħuh Desmond, Mr. Poppy, li ilu ma jarah, meta jsir jaf li emigra lejn l-Awstralja. Fula maqsuma fil-manjieri ma' ħuh, dan il-baħbuħ, ferrieħi, paċpaċi, kummidjant jieħu permess biex jgħin lil Mr. Johnson (Boys), li jinsab taħt stress qawwi b'dan l-inkarigu. Fix-xena jidħol Doru (Bartle), tifel li tilef lil missieru u issa qed tieħu ħsiebu Miss Shelly (George), ħaddiema soċjali. Dan jagħmel ħbieb ma' Barnaby (Turnbull) tfajjel skartat minn sħabu ta' skola oħra li ġej minn familja sinjura. Hu jieħu lil Jerry u Doru fid-dar lussuża tal-familja tiegħu b'riżultati farseski. Biex jieħu ħsieb din ir-reċta jinkariga ruħu d-direttur Emmanuel Cavendish (Revel Horwood), bniedem kburi li ma jintgħoġobx mit-tfal. Missier Doru qed ifittxu ma' kullimkien u jidher li kollox se jagħqad fir-reċta rock tal-Milied matul it- triqat tal-belt sa fuq il-palk apert. Nativity Rocks! jiżvolġi bl-istess sitwazzjonijiet umoristici, kaotiċi u ta' qtigħ il-qalb tal- films ta' qabel. Punt importanti li hu tajjeb li jinnotawh it-tfal u l-ġenituri hu li f 'dan iż-żmien ta' ferħ naħsbu fil-fqar u l-batuti. Żgur li dan il-lejl mhux se jkun wieħed ta' skiet! Nativity Rocks! Carmel Bonnici Atturi Ewlenin: Simon Lipkin; Craig Revel Horwood; Daniel Boys; Anna Chancellor; Helen George; Celia Imrie; Rupert Turnbull; Brian Bartle. Direttriċi: Debbie Isitt. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 110 min. Ċert: U. L-ewwel direttur Taljan li rnexxielu jagħti dekor u fotografija lussuża lill- films tal-biża' u t-twerwir ta' pajjiżu hu Dario Argento b'films stilizzati bħal Profondo Rosso (Deep Red) (1975) u Suspiria (1977). Żgur li l-kulur aħmar qawwi tad-demm dejjem iddomina fix-xogħlijiet tiegħu. Tfajjel li tassew impressjona ruħu b'dawn il-films hu Luca Guadagnino, fejn anki l-kuluri skuri jgħajjtu tal-kartelluni ta' dawn il-produzzjonijiet kienu affaxxinawh bil-kbir. Infatti, Suspiria baqa' jħabbat ġo moħħu, u meta laħaq direttur ix-xewqa li jerġa' jiffilmjah baqgħet tkebbes ġo fih. F'Berlin tas-snin sebgħin, Suzie Bannion (Johnson), żeffiena żagħżugħa Amerikana tmur għall-provi għand truppa famuża taż- żfin, Helena Markos Dance Company, fejn hi timpressjona b'qawwa lil Madame Blanc (Swinton) bil-kapaċità tagħha. Meta hi takkwista l-irwol prinċipali, Olga li kienet tokKupa dan il-post takkuża lid-diretturi femminili li huma sħaħar. Hekk kif it-taħriġ jintensifika ruħu, Suzie u Madame Blanc isiru aktar intimi. Psikjatra inkwiżittiv flimkien ma' żeffiena jippruvaw jiskopru s-sigriet misterjuż ta' din il-kumpanija u anki jidħlu fis-sotterran tal-post b'riżultati makabri ta' xi setta reliġjuża. Dan it-tieni attentat ta' Suspiria hu ħafna aktar twil minn dak tal-ewwel produzzjoni, magħmul b'dik il- pretenzjoni kbira li nibtet fil-moħħ tad-direttur. Il-klassiku jibqa' dejjem dak oriġinali b'andament iżjed dirett. Il-protagonista tal-film ta' 31 sena, Jessica Harper, hawn għandha parti ċkejkna. Suspiria Atturi Ewlenin: Finn Cole; Asa Butterfield; Hermione Corfield; Michael Sheen; Nick Frost; Simon Pegg. Direttur: Caspian Mills. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 104 min Ċert. 15

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 December 2018