Illum previous editions

ILLUM 6 January 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1068296

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 31

Aħbarijiet 6 Tkompli minn paġna 5 Xenarju ħafna iktar diffiċli għall-elezzjonijiet tal-MEPs Jekk iwassal sal-elezzjoni tal- Parlament is-saħħa tiegħu terġa' tiġi eżaminata, din id-darba mill-poplu. Issa li qam dan il-każ tas-separazzjoni se tkun ħafna iktar diffiċli li Delia jirreżisti l-għajta għar-riżenja tiegħu jekk id-distakk bejn iż-żewġ partiti jikber. Din il-gazzetta diġà analizzat xi jkun l-aħjar u l-agħar riżultat f 'Mejju għall-PN. L-aħjar u allura riżultat li jsaħħaħ lil Delia jkun tnaqqis tad-distakk għal madwar 15,000-17,000 vot, vantaġġ għall-Partit Laburista. L-agħar xenarju huwa li jiżdied id-distakk, anke jekk jiżdied b'500 vot biss. Distakk ikbar ifisser li s-swaba' kollha jippuntaw lejn Delia bħala Kap u l-probabilità hija li jekk is-sentenza fil-każ ta' separazzjoni ma tkunx inqatgħet jerġa' jitqajjem dan l-ispettru. L-2019 għalhekk se tkun sena kruċjali għal Delia, li jista' jissaħħaħ però jista' wkoll jisparixxi mix-xenarju politiku. Dawk li jistgħu jitilgħu, jekk Delia jinżel... Jekk iseħħ it-tieni xenarju u allura jinżel Delia, tibda tiġrija oħra fil-PN. Din id- darba l-Kunsillieri u t-tesserati jkollhom jibdew ifittxu lil xi ħadd biex litteralment 'isalva' lill-partit mill-abbissi. Dawk li l-aktar illi jidher li jista' jkunu fuq quddiem sa issa huma li ġejjin; Beppe Fenech Adami, li għandu esperjenza kbira fil-partit, għandu l-appoġġ ta' ħafna mill-grupp parlamentari, huwa meqjus bħala persuna li se tiġġieled lill-Partit Laburista 'head on' u huwa iben Eddie Fenech Adami. Imbagħad għandek lil Claudio Grech u lil Roberta Metsola, it-tnejn kienu mistennijin ikunu kandidati għat-tmexxija tal-partit fl-2017. Għal raġuni jew oħra dawn baqgħu lura, għalkemm wieħed jifhem li huma t-tnejn kandidati eleġibbli, b'esperjenza u immaġini iktar moderata minn dik ta' Fenech Adami. Hemm ukoll, minn barra, l-Avukat Bernard Grech. Bħal Fenech Adami, Grech għandu kapaċità tajba li jitkellem u jippreżenta argument u għandu numru dejjem ta' segwaċi li dejjem qed jikber. Tfittxija sempliċi fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu turi numru ta' nies li apparti li qed jifirħu lil dan l-avukat minn Birżebbuġa, qed iħeġġuh biex jersaq 'il quddiem għat-tmexxija tal-partit. Grech għandu l-iżvantaġġ illi għadu ġdid u persuna minn barra u allura jista' jkun li jekk Delia jinżel, il-Kunsillieri u t-tesserati ma tantx ikunu fl-aptit għal persuna oħra "minn barra". Min-naħa l-oħra Grech jista' jkun dak il-fattur li jgħaqqad iż-żewġ fazzjonijiet (pro-Delia - anti-Delia) flimkien, xi ħaġa li fi-verità l-PN jeħtieġ jagħmel b'urġenza kbira. Joseph Muscat: jitlaq jew jibqa'? Din is-sena hija kruċjali għal Muscat ukoll. Fiha jista' jiddeċiedi li jitlaq jew jibqa'. Sors li tkellem ma' din il-gazzetta qal li Muscat kien qal lill-Kabinett tiegħu li jrid jitlaq biżżejjed żmien wara l-elezzjoni ġenerali imma biżżejjed 'il bogħod minn oħra biex il-mexxej il-ġdid/a jkun jista' jsib postu. Dik tal-MEPs għalhekk tista' tkun l-aħħar elezzjoni ta' Muscat bħala Mexxej Laburista. Muscat ilu jġib maġġoranzi straordinarji minn meta kien elett. Mill-2009, Muscat qatt ma kiseb maġġoranza ta' inqas minn 30,000 vot f 'kull elezzjoni fuq bażi nazzjonali. Fl-aħħar elezzjoni l-PL ġab kważi 40,000 vot maġġoranza jekk taqta' l-voti tal-Partit Demokratiku minn dawk tal-PN. Il-probabilità hija li Muscat irid itemm il-karriera tiegħu 'on a high' u jerġa' jirbaħ b'maġġoranza storika. Dan ix-xenarju qed jidher dejjem iktar realistiku. Qed juruh is-sondaġġi illi minkejja li indikaw titjib għal Delia, għadhom qed juru lill-PN lura ħafna f 'termini ta' intenzjoni tal-vot u qed tindikah ukoll is-sitwazzjoni interna tal-PN, li ħżienet sew mill-aħħar elezzjoni. Jiġifieri rebħa ikbar għal Muscat mhux se tkun xi ħaġa ta' barra minn hawn, anzi hija probabbilità. Il-Panama tibqa' tiġri warajh... Dan ix-xenarju ta' rebħ mhux qed jikkunsidra żvolta drammatika fil-kwistjoni tal- Panama li baqgħet l-akbar uġigħ ta' ras għal Muscat u l-Gvern Laburista. Matul l-2018 inkixfu pagamenti li saru fil-kumpanija 17 Black, target client ta' żewġ kumpaniji fil-Panama li kienu fetħu Konrad Mizzi u Keith Schembri u aktar tard kien żvelat ukoll is-sid. Is-sid ta' 17 Black, Yorgen Fenech huwa Direttur tal-kumpanija Electrogas li bniet u qed tmexxi l-Power Station. F'dan it-trijangolu għad hemm biċċa barra, jiġifieri ta' min hija l-kumpanija Macbridge illi hija mdaħħla fil-moviment ta' flus mill-Ażerbajġan u l-aġent tal-LNG f 'Malta għal kumpaniji miftuħin fil-Panama ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri. Jekk ikun żvelat ta' min hija din il-kumpanija, iċ-ċirku jgħaqad u jkun ħafna aktar ċar min kien imdaħħal u min le, fil-kwistjoni kollha. Din tista' tkompli tagħmel pressjoni kbira fuq Muscat biex jagħmel dak li jidher li ma jridx jew ma jistax jagħmel fil-konfront ta' dawn it-tnejn. L-2019 tista' tkun is-sena illi fiha jkollna l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni kriminali fuq 17 Black u allura fuq Schembri u Mizzi, inkjesta oħra li tista' ttappan mhux ftit lil Muscat u l-Gvern tiegħu jekk imqar titfa' dubju illi l-€1.4 miljun f '17 Black kienu definittivament sejrin fiż- żewġ kumpaniji u li wara kollox 17 Black kienet target client ta' dawn it-tnejn biss. Il-kwistjoni tal-Panama ilha mill-2015 tkun dik il-bastun fir-rota għal Muscat. L-2019 taf tkun deċiżiva dwar din il-kwistjoni li sfortunatament se tibqa' mwaħħla fil-wirt ta' Muscat bħala Prim Ministru. Tul din is-sena wkoll mistenni jkompli jinstema' l-każ li fetaħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-kwistjoni tal- kuntratt tal-VGH, kuntratt ieħor b'dell tqil u b'ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba. Jekk jinżel Muscat... Jekk Muscat jiddeċiedi li jirreżenja fl-2019 (jew iħabbar li se jagħmel dan matul din is-sena) hemm numru ta' nies li mistennijin igawdu sew f 'dan ix-xenarju. Miriam Dalli hija waħda mill- favoriti biex tieħu post Muscat. Diġà qed tkun ippożizzjonata biex tkun l-aktar kandidata li ġġib voti fl-elezzjoni tal-MEPs. Jekk Dalli tikseb ammont kbir ta' voti tkun allura ngħatat vot qawwi ta' kunfidenza mil- Laburisti stess wara kampanja personali li tagħtiha immaġini b'saħħitha u vantaġġ fuq kandidati oħrajn. Jekk Muscat jiddeċiedi li jitlaq iżda hemm ukoll il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li huwa favorit. Minkejja li m'għandux l-immaġini ta' Dalli, Fearne huwa politiku li jaf jikkampanja u jaf jindirizza l-bżonnijiet diretti tad-delegati u tesserati. Għandu l-vantaġġ ta' wieħed mill-akbar Ministeri u għandu l-vantaġġ ukoll li huwa Deputat Prim Ministru u allura din is- sena deher ħafna drabi minflok il-Prim Ministru. Fosthom meta ntalab li jsir dibattitu dwar 17 Black fil-Parlament mill-Oppożizzjoni, fl-Istrina u anke waqt Rockestra. Minn ritratti li jtellgħu diġà jidher li qed jorganizza attivitajiet u (forsi mhux b'kumbinazzjoni) diġà spiċċa fuq l-ewwel paġna tal- Orizzont ġimagħtejn ilu. Fuq il- front nazzjonali Fearne mistenni jkompli jimbotta ċerti proġetti u jittama li Muscat ikollu biżżejjed safar fl-2019 biex jeħodlu postu hu bħala Deputat PM kemm jista' jkun drabi. B'Fearne Prim Ministru, il-futur ta' ċerti nies fil-Gvern, primarjament il-kompetitur dirett tiegħu fuq id-distrett (Konrad Mizzi) jista' jkun xi ftit jew wisq imdendel. Qed jissemmew ukoll l-ismijiet ta' Ian Borg u Robert Abela, b'dak tal-ewwel iktar probabbli mit-tieni. Kif fakkarna nhar il-Ħadd li għadda Borg kien l-aktar Ministru popolari fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra u allura dan jgħin. Fl-aħħar sena mexxa wieħed mill-aktar Ministeri ffukati, effettivi u li kienu qed iħallu frott li jidher minn kulħadd, apparti l-Ministeru tal-Finanzi. Dan ipoġġi lil Borg f 'pożizzjoni tajba, għalkemm mhux ċar jekk għandux appoġġ biżżejjed fi ħdan il-partit. Dwar Abela ftit huwa magħruf għalkemm s'issa ma jidhirx illi qed ikun wisq fuq quddiem. Nistennew u naraw! Il-Partit Laburista mingħajr illum | Il-Ħadd 6 ta' Jannar 2019 Muscat u Delia; l-2019 tista' tfisser biex tkun l-aktar kandidata Il-Partit Laburista mingħajr Il-Partit Laburista mingħajr

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 January 2019