Illum previous editions

ILLUM 6 January 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1068296

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 31

23 illum | Il-Ħadd 6 ta' Jannar 2019 TV/Ċinema L-aqwa films tal-2018 ILLISTA tal-aqwa 20 film tas-sena li għaddiet, skont il-preferenza u l-opinjoni tiegħi hi din. Kulħadd għandu l-gosti tiegħu u liberament tistgħu ma taqblu xejn mal-għażla li għamilt. 1. The Florida Project. Tassew issorprendejt ruħi b'dan il-film indipendenti Amerikan, dwar tifla mimlija entużjażmu u mqarba li però tingwalaha ma' ommha, moħħ ir-riħ u li lesta tagħmel kollox għall-flus. Huma jgħixu fi blokk appartamenti ta' faqar fuq in-naħa l-oħra ta' triq prinċipali faċċata ta' Disney World. Id-direttur Sean Baker li diġà' bbrilla qabel b'Tangerine issa ssupera lilu nnifsu. 2.Three Billboards Outside Ebbing, Missouri. Wara xi xhur tistenna għalxejn biex il-pulizija jsolvu l-każ tal-qtil ta' bintha, omm tikri tliet billboards qabel tidħol fil-belt, fejn takkuża lill-pulizija b'inkompetenza u tqajjem furur kbir. Reġgħet uriet kemm Frances McDormand hi attriċi dipendibbli u kompetenti bir-rebħ tat-tieni Oscar tal-karriera tagħha. 3. The Darkest Hour. Hawn ukoll l-attur Gary Oldman rebaħ l-Oscar, b'irtokk kbir fuqu bħal Winston Churchill, il-Prim Ministru Ingliż li ma riedx iċedi lil Hitler minkejja probabilita' ta' telfa fit-Tieni Gwerra Dinjija. 4. All the Money in the World. L-istorja vera tal-ħtif ta' John Paul Getty III, ġuvni ta' 16-il sena u tad-devota ommu li tistinka biex tipperswadi lill-biljunarju nannuh, Getty Snr. biex iħallas r-rahan. Dan jirrifjuta. Christopher Plummer msejjaħ malajr ħadem din il-parti f 'ġimgħa u rnexxielu jirbaħ l-Oscar għall-parti sekondarja. 5. A Star is Born. Din il-produzzjoni hija t-tielet waħda għal fuq il-liżar ċinemtografiku. Mużiċist li jgħin il-karriera ta' waħda kantanta jtieha għax-xorb bil-konsegwenza li l-karriera tiegħu tmajna bil- kbir waqt li tagħha tisplodi 'l fuq. Verament ibbrillaw Bradley Cooper u ssorprendejt ruħi bil-kbir bil- kariżma u kapaċità ta' Lady Gaga, hawn kważi mingħajr irtokk. 6. A Quiet Place. Film tal-biża' tassew sempliċi u intelliġenti fl-istess ħin, fejn familja jkollhom jgħixu f 'silenzju kważi perfett minħabba mostri aljeni għomja li jattakkaw mal-iċken ħoss. Tassew affaxxinanti dan il-film kważi mingħajr djalogu. 7. The Hate U Give. Tfajla sewda tkun xhud meta pulizija jispara u joqtol lill-ħabib tagħha tat- tfulija. Wara, ippressata minn kull naħa miċ-ċittadini tal-post, hi trid tqum fuq tagħha u tixhed il- verità. Amandla Sternberg fil-parti prinċipali hi meraviljuża. 8. Mary Poppins Returns. In-nanny perfetta, wara ħafna snin, terġa' tiġi mis-sħab biex tgħin lit-tfal tat-tifel u oħtu issa adulti li kienet ferħet qabel, biex dawn ikunu jistgħu jgawdu s-seħer tat-tfulija nieqes minnhom. Replika divertenti tax-xogħol tal- 1964. 9. Hostiles. Kaptan leġġendarju li jobgħod lill-Indjani, taħt ordni stretta jkollu jwassal lil Cheyenne Chief u l-familja tiegħu fuq vjaġġ twil ħafna minn territorju perikoluż. Fl-aħħar tinbet ammirazzjoni bejn dawn it-tnejn. Wara snin twal ta' kefrija fuq l-Indjani/Amerikani fuq il-liżar il-kbir, il-kuxjenza qed issa tniggeż lil dawk li serqulhom it- territorju tagħhom. 10. The Shape of Water. Fantasija ħelwa u pjaċevoli dwar mara li tnaddaf f 'faċilità militari sigrieta fis-snin sittin u li tifforma relazzjoni intima u unika ma' kreatura li tgħix kemm fuq l-art u kemm fl-ilma li tinsab maqbuda u msakkra hemm ġew. Oħrajn: 11. Widows 12. Incredibles 2 13. Spectre 14. Phantom Thread 15. Jurassic World 16. Bad Times at the El Royale 17. American Animals 18. The Happy Prince 19. Black Panther 20. Mortal Engines Carmel Bonnici Tulip Fever huwa dramm romantiku storiku bbażat minn fuq in-novella tal-istess isem ta' Deborah Moggach. Meta xi ħadd isemmi t-tulipani, il- ħsieb mill-ewwel imur fuq il-pajjiż sabiħ tal-Olanda. Infatti, dan il-film hu ambjentat f 'dan il-pajjiż fis-seklu 17 matul perjodu ta' manija intensa għal dawn il-fjuri li jfuħu. Sophia Sandvoort (Vikander) hija tfajla orfni miżżewġa kontra qalbha lil Cornelis (Waltz), negozjant sinjur u influwenti, ħafna akbar minnha. B'hekk, ħutha l-bniet setgħu jivvjaġġaw għal New Amsterdam (li wara saret New York) fejn kien hemm zija tistenniehom u hi setgħet teħles minn ħajja mizerabbli ta' faqar kbir. Cornelis li hu armel bla tfal, jixtieq ikollu eredi mis-sbejħa tieni mara tiegħu u anki jinkariga pittur biex ikollu ritratt ta' martu bħala tifkira. Minn xħin tara lill-pittur Jan van Loos (DeHaan) quddiemha, hi tinkaram bis- sħiħ warajh. B'rieda qawwija li teħles minn raġel li ħaditu kontra qalbha, tibda relazzjoni intensa ma' Jan u anki ddaħħal bejn il-basla u qoxritha lil waħda ħabiba tagħha li żewġha jbigħ it- tulipani. F'dan in-negozju, il-maħbubin jaraw triq li minnha jistgħu jistgħanaw u anki jixtru l-libertà' tagħhom. Diversi kritiċi huma tal-opinjoni li Tulip Fever hu attraenti ħafna għall-għajnejn, b'fotografija eċċellenti u lussuża, però bi storja kumplessa, b'ħafna tidwir u inċidenti supplimentari li ma jwasslu mkien. Il-perjodu tal-ġrajja hu maqbud sewwa, bil-kostumi jiddominaw kull xena. Din hija melodramma pjuttost nostalġika li kienet ferm popolari fis- snin ħamsin, speċjalment fiċ-ċinema Taljana. Film ġdid għal din il-ġimgħa Atturi Ewlenin: Alicia Vikander; Christophe Waltz; Dane DeHaan; Jack O'Connell; Holiday Grainger; Judi Denċh; Tom Hollander; Zach Galifianakis. Direttur: Justin Chadwick. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 107 min. Ċert. 15.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 January 2019