Illum previous editions

ILLUM 6 January 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1068296

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 31

14 Aħbarijiet illum | Il-Ħadd 6 ta' Jannar 2019 Minn Yendrick Cioffi LAĦWA Alfred u George Degiorgio, li qed ikunu akkużati, flimkien ma' Vince Muscat, bil-qtil tal- ġurnalista Daphne Caruana Galizia, talbu mill-ġdid li jingħataw il-ħelsien mill-arrest u lesti jżommu fuqhom ċippa elettronika biex il-Pulizija jkunu jafu fejn jinsabu. Apparti minn hekk, Degiorgio qed jitolbu wkoll kumpens għax qed jisħqu li nkisrulhom id-drittijiet tagħhom meta baqgħu ma ngħatawx il-ħelsien. L-irġiel ilhom arrestati minn Diċembru tal-2017. Il-ħelsien mill-arrest intalab diversi drabi iżda dejjem ġie rrifjutat. Apparti l-akkużi dwar il-qtil ta' Caruana Galizia, l-aħwa qed ikunu akkużati wkoll b'ħasil ta' flus. F'dan il-każ, huma kienu ngħataw il-ħelsien mill-arrest anke jekk huma baqgħu jinżammu arrestati, ġaladarba fil-każ tal-qtil ta' Caruana Galizia, din l-istess talba dejjem ġiet irrifjutata. Fit-talba tagħhom quddiem l-Ewwel Awla tal-Qorti Ċivili, l-aħwa Degiorgio fakkru li huma kienu ngħataw il-ħelsien mill-arrest mill-Qorti tal- Maġistrati iżda dan kien ġie revokat wara appell tal- Avukat Ġenerali. L-Avukat William Cuschieri, f 'isem l-akkużati, saħaq li l-Qrati Kriminali ma jistgħu qatt jagħtu l-ħelsien mill-arrest lil dawn l-aħwa, hekk kif qrati differenti esprimew opinjonijiet diversi. Fi kliemu, dan imur kontra l-prinċipji tal-Qrati Kostituzzjonali u Ewropej fejn jidħol il-ħelsien mill- arrest. "L-istat Malti qed ifalli lil dawn l-irġiel meta jibqa' ma jintroduċix sistema ta' tteggjar elettroniku għall- persuni li jingħataw il- ħelsien mill-arrest," saħaq Cuschieri. Kompla jgħid li d-drittijiet ta' dawn il-persuni qed ikompli jinkiser meta l-liġi tagħti l-fakultà lill-Avukat Ġenerali li jappella mid- deċiżjonijiet dwar ħelsien mill-arrest mogħtija mill- Qorti tal-Maġistrati, iżda l-persuna akkużata ma tistax. Għalhekk, fl-applikazzjoni tagħhom, l-aħwa Degiorgio qed jitolbu lill-Qorti tiddikjara li nkisrulhom id- drittijiet tagħhom, tagħtihom il-ħelsien mill-arrest u anke jingħataw kumpens għad- danni li sofrew. L-aħwa Degiorgio lesti li jżommu fuqhom ċippa basta jingħataw il-ħelsien mill-arrest Jisħqu li meta baqgħu jinżammu arrestati nkisrulhom id-drittijiet tagħhom u għalhekk qed jitolbu wkoll kumpens għad-danni. Sentenza sospiża għal żagħżugħ li seraq €54,000 mingħand ommu ŻAGĦŻUGĦ ta' 19-il sena minn Birżebbuġa tressaq il-Qorti u nstab ħati li seraq €54,000 mid- dar ta' ommu. Huwa ngħata sentenza ta' sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin. L-omm, li xehdet bid-dmugħ f 'għajnejha, qalet illi l-familja kienet għaddejja minn separazzjoni diffiċli u li jekk tipproċedi aktar kontra binha tkun qed tkissru minflok tgħinu. Iż-żagħżugħ li qal li jaħdem fil-loġistika, tressaq quddiem il- Maġistrat Charmaine Galea akkużat b'serq u fabrikazzjoni tal- evidenza. L-Ispettur Mario Xiberras u Roderick Attard li kienu qed imexxu l-Prosekuzzjoni qalu li ż-żagħżugħ ħeba l-€54,000, li seraq mingħand ta' ommu, f 'basket li fih jinżamm il-laptop u f 'kaxxa taż-żraben fil-kamra tas-sodda. Il-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni tiegħu u l-fatt illi rritorna l-flus. Il-Maġistrat Galea wissiet liż- żagħżugħ biex joqgħod attent u ma jiksirx il-liġi, speċjalment fit-tliet snin li ġejjin għax jispiċċa l-ħabs. Sentejn u nofs ħabs għal żagħżugħ li fl-ewwel tas-sena kiser imnieħer raġel ŻAGĦŻUGĦ ingħata sentenza ta' sentejn u nofs ħabs wara li wieġeb ħati li fl-ewwel jum tas-sena kiser imnieħer persuna oħra waqt ġlieda f 'Paceville u dan fi żmien li kien qed jiskonta sentenza sospiża. Iż-żagħżugħ ta' 23 sena mis-Somalja kien akkużat li weġġa' raġel ieħor u li kiser sentenza sospiża li kienet ingħatatlu f 'Mejju li għadda fuq reat simili. L-Ispettur Matthew Spagnol spjega kif malli waslu fuq il-post sabu lill-vittma mal-art mitluf minn sensih. Fil-Qorti nstema' kif il-vittma sofra minn ksur f 'imnieħru. Il-vittma kien fis-sakra, meta mad- daqqa waqa' mal-art u ħabat rasu. Meta l-akkużat wieġeb ħati, il-Qorti wissietu li jista' jeħel sa sentejn ħabs minħabba li kiser sentenza sospiża, madanakollu huwa insista li xorta waħda se jibqa' jwieġeb ħati. Il-Prosekuzzjoni insistiet li l-akkużat kien ingħata ċans mill- Qorti iżda hu ramih u għalhekk insistiet li għandu jingħata sentenza effettiva. Huwa ngħata sentenza ta' sitt xhur ħabs għal dan ir-reat u sentejn oħra hekk kif is-sentenza sospiża nqalbet għal waħda effettiva. Iwieġeb mhux ħati li seraq l-istess pompa tal-petrol li seraq ix-xahar l-għadda RAĠEL wieġeb mhux ħati li seraq ammont ta' flus minn pompa tal-petrol, l-istess pompa li x-xahar li għadda kien instab ħati li seraq. L-Ispettur Roderick Attard, ressaq lir-raġel li għandu 32 sena u akkużah li billejl fid-29 ta' Diċembru u fit-2 ta' Jannar, seraq mill- pompa tal-petrol. Kien akkużat ukoll li kkawża ħsara u li wettaq dawn ir-reati fi żmien li kien qed jiskonta sentenza sospiża mogħtija lilu x-xahar li għadda, meta nstab ħati li seraq mill- istess pompa. Id-Difiża talbet għall- ħelsien mill-arrest waqt li insistiet li r-raġel għandu indirizz fiss u għandu l-familja tiegħu f 'Malta. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall- ħelsien mill-arrest kemm għax ir-raġel qed jiskonta sentenza sospiża u anke minħabba l-kondotta tiegħu. Il-Qorti ordnat li r-raġel jinżamm arrestat.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 January 2019