Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1068296
9 Aħbarijiet Il-Ħadd 6 ta' Jannar 2019 | illum x'jista' jinbidel u x'għandu jsir? importanti mill-ġid komuni li jinħoloq permezz tad-dritt ta' assoċjazzjoni li jeżerċitaw l-imseħbin fil-unjin. Dan wassal għal ħsieb li sħubija obbligatorja teqred din l-anomalija. Dan il-ħsieb huwa msejjes fuq il-fatt li l-ġid komuni għandu jieħu preċedenza fuq l-interessi individwali. Oħrajn li jfittxu l-kompromess jisħqu li diment li l-impjegati li mhumiex imseħbin f 'unjin qed jibbenefikaw minn ftehim kollettiv għandhom jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja tas-servizz li qed jingħataw mill-unjin anke jekk indirettament. Sa ċertu punt din ukoll timmitiga l-anomalija msemmija. Il- kontroversja tkompli tikkarga minn dawk li jissuġġerixxu li fil-ftehim kollettiv (u allura bi ftehim bejn min iħaddem u l-unjin) ikun hemm klawsola speċifika li tistipula li min jiġi ingaġġat mal-kumpanija jew biex impjegat jingħata promozzjoni jrid ikun imsieħeb fil-Unjin. Barra minn hekk hemm min jisħaq li l-ekwivalenti tal- miżata tal-unjin għandha tinqata' wkoll mill-paga tal-impjegati li mhumiex imseħbin fl-unjin. Irridu nżommu f 'moħħna wkoll lil dawk il-kumpaniji fejn il-unjins mhumiex preżenti jew huma preżenti imma m'hemmx ftehim kollettiv. Mhux se nivvintaw ir-rota Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti l-interpretazzjoni tal-Libertà ta' Assoċjazzjoni tinkludi d-dritt ta' disassoċjazzjoni jiġifieri d-dritt li ma tisseħibx ma' unjin u allura s-sħubija obbligatorja mhix permessa. Iżda f 'pajjiżi oħra bħall- Kanada, l-Awstrija, New Zealand, il-Messiku, il- Filippini nsibu forom differenti ta' arranġamenti siguri ta' unjin li jippromovu sħubija mandatorja. F'Malta x'se nagħmlu? L-għażliet huma tnejn: jew li nħallu kollox kif inhu u nħallu l-unjins jirsistu huma biex ikabbru l-imsieħba tagħhom f 'suq liberu jew inkella l-Gvern jintervjeni billi joħloq mekkaniżmi jekk hemm bżonn anke legali biex jinkoraġġixxi, u mhux jimponi, sħubija obbligatorja. Jien nemmen bi sħiħ li iktar ma jikbru l-unjins u tinfirex kultura ta' trejdunjoniżmu mibnija fuq l-ugwaljanza u s-solidarjetà fuq il- post tax-xogħol kulħadd għandu jiggwadanja. F'dal-kuntest jiena nistenna li jittieħdu dawn l-azzjonijiet: L-ewwel għandu jitfassal qafas: il-Gvern permezz tal-Employment Relations Board għandu jipprepara studju dwar l-implikazzjonijiet ta' sħubija obbligatorja. Dan l-istudju għandu jiġi diskuss bl-iskop li jitfasslu rakkomandazzjonijiet lill- Gvern, mill-Kunsill Malti għall- Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. L-ewwel pass għandu jkun salv l-implikazzjonijiet legali dwar id-dritt ta' assoċjazzjoni dawk il- postijiet tax-xogħol li huma regolati minn ftehim kollettiv għandhom jitħallew jidħlu fi ftehim volontarju permezz tal-ftehim kollettiv innifsu biex jistabbilixxu li l-impjegati li jibbenefikaw mill-ftehim kollettiv iżda mhumiex imseħbin fil- unjin jikkontribwixxu l-ekwivalenti tal-miżata tal- unjin permezz tas-sistema taċ-check-off (qtugħ mill- paga li jkun trasferit lil unjin biex jagħmel tajjeb għal spejjeż amministrattivi tan- negozjar). It-tieni pass huwa li tkun ikkunsidrata l-possibbiltà li bi ftehim bejn min iħaddem u l-unjin f 'ċertu benefiċċji li jingħataw lill-impjegati fuq il-post tax- xogħol bħal taħriġ intern, skema ta' assikurazzjoni, skemi ta' pensjonijiet jiddaħħal il-kriterju ta' "sħubija fil-unjin" biex wieħed jibbenefika minn dawn l-inizzjattivi. It-tielet pass irid iwassal biex f 'dawk il-postijiet tax-xogħol fejn m'hemmx unjin rappreżentata l-Gvern jista' joħloq inċentivi fiskali lil min iħaddem kemm-il darba l-maġġoranza tal- impjegati jissieħbu f 'unjin. B'din il-miżura min iħaddem ikun inkorraġut iħaddem relazzjonijiet industrijali professjonali u ma jirreżistix is-sħubija fil-unjin. Irid jingħad li hemm min iħaddem li jabbuża billi jhedded bi tkeċċija lil dawn l-impjegati li jiddeċiedu jidħlu fil-unjin. F'każi bħal dawn huwa diffiċli ferm biex il-vittma (l-impjegat) iressaq il-provi quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Ma nistgħux nistennew li qalba kulturali għal sħubija obbligatorja ssir f 'daqqa. U jista' jkun li l-ideal jibqa' ma jintlaħaqx. Ma jfissirx li ma nagħmlu xejn. L-istatus quo mhux is- soluzzjoni.