Illum previous editions

ILLUM 6 January 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1068296

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 6 ta' Jannar 2019 20 Rakkont G ħalkemm kultant l-opposti jattiraw lil xulxin, jiena u Maggie konna naqblu f 'kollox. Jekk kienet tippreferi ċertu tip ta' ikel, għid lil Eric ser jogħġbu l-istess... jekk xi kulur partikolari... aħdar... l-istess, jekk konna noħorġu, għid mhux ser nillatikaw żgur għax l-istess post kien ser jinżlilna għasel! Insomma, f 'Maggie jiena kont sibt persuna eżatt kif dejjem xtaqt. Persuna li tifhimni. Persuna li turini li tħobbni. Maggie. Malli kont naraha, il-kamra fejn kont inkun kienet tixgħel b'dija fittizja ta' mħabba spettakolari. Kemm kienet sabiħa! Xagħar twil iswed lixx, għajnejn kbar kulur il-kafè mdardar bil- ħalib... xufftejn ħomor nar, mingħajr bżonn ta' ebda rtokk, pulita, dejjem tilbes ħwejjeġ li jixirqulha... insomma, Maggie għalija kienet perfetta! U xejn ma kien ser jibdel dan. Le, xejn. U lili qatt ma kienet issejjaħli Eric. Anzi, dejjem tgħajjatli 'qalbi'. "Qalbi, x'ser nagħmlu għall- aħħar tas-sena?" staqsietni b'dawk l-għajnejn kbar u sbieħ, hekk kif konna qegħdin nieħdu kafè f 'ħanut prestiġġjuż li konna nħobbu niffrekwentaw flimkien. "Ma nafx għadni... lanqas ħsibt!" weġibtha, nomgħod pastina żgħira li kien tana tal- ħanut fuq il-plattina maġenb il-kikkra tal-kafè mmerraq u miżgħud bir-ragħwa. "Tridx immorru l-opera?" staqsietni, iżżomm il-kikkra tagħha f 'idejha, għadha mhux mittiefsa. "Hux opera...immorru nixorbu xarba... niżfnu żifna..." weġibtha mingħajr tlaqliq. Oħroġ il-għaġeb, kont inħossni komdu nkellimha fuq kollox. Imma donnu dakinhar kellha tkun l-ewwel darba li jiena u Maggie ma kellniex naqblu. "Qalbi... inti bis-serjetà? Nixorbu? U trid issuq lura lejn id-dar? Min jaf kemm ser ikun hawn roadblocks tal-pulizija?" "U ejja, Maggie...issa ngħidlek jien f 'liema bar immorru nixorbu u ngħaddik minn triq imwarrba fejn kważi ħadd ma jaf biha!" kważi stagħġibt. Ngħidilhom il-verità, il-ħsieb li mmur ningħalaq ġo sala mudlama, nisma' l-għajjat u nara kostumi esaġerati ma kienx ser ikun il-gost u pjaċir tiegħi kif kelli ngħaddi l-bidu tas-sena l-ġdida. Ħalliha li fil- Milied, kont stedint lil Maggie tiltaqa' għall-ewwel darba ma' tal-familja tiegħi... u issa ħassejt li għall-ewwel tas-sena kellna nieħdu naqra gost flimkien. Jiena u hi. U kont ilni ftit ma nixrob xarba sew. Rajtha tħares lejja u ma weġbitnix. Forsi ma kinitx taf x'kellha taqbad tgħidli. Jew forsi kienet qatgħet qalbha li tipperswadini sabiex immorru naraw dik l-imbierka opera li kienet twebblet biha. "Eric..." Ħasditni. Qatt ma kienet issejjaħli b'ismi. Ħarist lejha. "Jien inħobbok tafx...allaħares jiġri xi ħaġa" "U xi tridu jiġri, għażiża tiegħi?" staqsejtha kważi nixraq fl-aħħar bela' kafè li kien qed jinżilli għasel. "Qalbi..." U dak il-ħin, qabdet tixrob il-kafè bla aktar kliem. U jumejn wara, ġara kollox eżatt kif kont ippjanajt jien. Ilbist l-isbaħ qmis li kelli, ingravata kulur il-baħar imqalleb fix-xitwa, ġlekk u qalziet skuri, irranġajt il-frenża lura ħalli ma tinżilx f 'għajnejja, żanżant naqra fwieħa tal- ksuħat li kont għadni kemm iddubbajt mingħand oħti ż-żgħira u erħejtilha bil- karozza lejn id-dar fejn kienet toqgħod Maggie. U malli wasalt quddiem id- dar tagħha, kważi nqatagħli n-nifs bi sbuħitha! Kemm ħassejtni xxurtjat dak il-ħin, hekk kif rajt dik it-tbissima tagħha tirrifletti f 'wiċċ perfett, imżejjen b'xagħar mgħolli 'l fuq għall-okkażjoni, liebsa kowt oħxon, aħdar u taħt indunajt li kienet liebsa xi libsa għax saqajha dehru mikxufin. Bilkemm flaħt inkellimha. "Inħobbok, qalbi," qaltli minn bejn snienha sbieħ u bojod. "Anke jien, Maggie," weġibtha. U dħalna fil-karozza. Kont għażilt bar fejn kont ilni nixtieq immur. Kien attrezzat b'mod modern, kbir u sabiħ, u kien imżejjen b'mod tassew eleganti għall-okkażjoni. F'rokna minnhom kellu siġra kbira tal-Milied u malli tidħol kienet tilqgħek l-atmosfera ferriħija tal-mużika li kien qed idoqq id-dj li kien hemm fuq tip ta' armatura tal-injam ħalli jkun jidher prominenti. Ir-riħa tfuħ ta' ikel daħlet f 'imnifsejja. Hawnhekk kien jiġi ffrekwentat minn nies distinti u ta' ċertu klassi. Billi jiena stess kont diġà lħaqt pożizzjoni tajba f 'ditta minnhom, kont naf ċertu nies li kienu jiġu hawn. U dejjem kont ħassejt ix-xewqa li niġi. Għamilt mossa lil Maggie u ntfajna mal-bar. Oħroġ il-għaġeb, rajt lil Maggie qisha naqra eċċitata. Donnha ma kinitx qiegħda f 'postha. "Xi ġralek sbejħa?" staqsejtha jien, hekk kif xtrajt flixkun vodka u bdejt inferra' fit-tazza tiegħi u tagħha. "U le xejn... imma qiegħda ninkwieta minħabba li smajt fuq it-televiżjoni biex ma nixorbux u nsuqu," qaltli b'leħen baxx, bilkemm jinstema'. "U ejja Maggie. Ser tibqa' sejra biha din? Mhux diġà ddiskutejnieha? Toqgħodx tinkwieta!" U dak il-ħin, ġew madwarna xi għaxart iħbieb tiegħi minn tax-xogħol u lanqas ħallewni nkompli nkellimha! Billi kienu man-nisa tagħhom, dawk marru jitkellmu ma' Maggie u jiena ħassejtni komdu nkompli magħhom. U flixkun iġib ieħor. U ieħor. U anke ieħor. U xrobna. Xrobna sew. Ngħidilkom il-verità, fl-aħħar parti tas-serata, hekk kif kienu ilhom li qagħdu jgħoddu l-bidu tas-sena l-ġdida xi sagħtejn jew anke aktar, ma bqajtx nara sew sal-aħħar. Donnu ċ-ċpar kien beda jtappanli l-viżta tan- nuċċali tad-ditta li kelli quddiem għajnejja. Ħarist lejn Maggie u rajtha titkellem man-nisa ta' sħabi u tħares lejja minn taħt. Wiċċha kien donnu qed idur quddiemi. "Qalbi" rajt xufftejha jgħiduli bilmod. "Trid immorru?" staqsietni. Lanqas kont rajtha ġejja ħdejja! Għorokt ftit għajnejja u ħarist lejha. Ma kontx qed naraha ċara. "Immorru ta, imma mhux issa," weġibtha, inħossni kemxejn imqareb u nħares lejn il-flixkun tal-whisky li kont qed nixrob minnu. Dawk l-imgħarrqin ta' sħabi kienu ħalltu x-xorb u kien ħadni sew! "Eric qed tinkwetani..." qaltli. "U le, tinkwieta xejn, sabiħa tiegħi!" komplejt ngħidilha. U biex inkun għidt kollox, ġebbidna sagħtejn oħra. U ngħidilkom li lil sħabi kont qed narahom għoqda sħiħa. "Tiflaħ issuq?" staqsietni Maggie, kemxejn inkwetata hekk kif ratni qed inkaxkar saqajja sakemm wasalna ħdejn il-karozza. "U ma tafx!" weġibtha, nidħaq bija nnifsi. Kemm kont ħadt gost! Imma din li rasi kienet qiegħda ddur, kienet qed iddejjaqni mhux ftit! "Qalbi." qaltli. "U ejja." "Tridx inċempel lil xi ħadd jiġi għalina?" staqsietni. Ma ridtx naf. Jien kont se nsuq lura. U ajma, mhux pass kien hawn jew! Lanqas li ridt ngħaddi mill-awtostrada t-twila tal-Amerika! Dħaqt waħdi b'dak il-ħsieb. Dħalna fil-karozza, qabbadtha u minn hemm u minn hawn tlaqna. Biex inkun sinċier, ikolli nistqarr li dik it-triq li tant kont fassalt sew f 'moħħi bdejt ninsa' fejn kienet qiegħda, bejn ħabba x-xorb u l-għejja, ma bdejtx insib tarf u malli ksirt liwja partikolari, sibt ruħi fit-triq il- prinċipali li kienet tagħti għan- naħa ta' wara tar-raħal! U malli ħriġt ħassejt impatt qawwi, brejk, ħadid jinkiser, ħġieġ jinfaqa', Maggie tgħaddi minn ġol-ħġieġa ta' quddiem, rasi taħbat mal-ġenb tax-xażi tal- karozza, riħa ta' roti maħruqa, duħħan... dlam... xejn iżjed. U kwiet... kien hemm kwiet taqtgħu b'sikkina. Stenbaħt l-isptar. Kienu għaddew xi ħmistax minn dakinhar. Kont għamilt xi ħmistax illupjat sew. U l-ewwel ħaġa li niftakar malli ftaħt għajnejja bil-mod, kien wiċċ oħti ż-żgħira tħares lejja mill-ġenb, imnikkta, b'għajnejn imdemma'. "Maggie?" staqsejtha jien, b'xufftejja xotti, ngħolli kemxejn idi ħalli nagħmlilha mossa, imma kullimkien kien jinħass muġugħ sew. Għamlitli le b'rasha. "Maggie?" erġajt staqsejtha. Żgur kien hemm xi żball! Maggie kienet għadha ħajja! Oħti qabditli idi bil-mod u għamlithieli fuq farrett kbir meħjut li kelli fuq sidri. "Maggie hawn qiegħda" qaltli bid-dmugħ f 'għajnejha. "Ma nistax nifhem" weġibtha. Imbagħad dawwart ħarsti lejn it-tieqa tal-kamra, rajt in-nida mżellġa mal-ħġieġ fuq in-naħa ta' barra, ħassejt ir-riħ ivenven madwar l-isptar b'mod konstanti. Ma xtaqtx inkun naf. Imma kellhom jgħiduli. "Maggie mietet l-isptar ftit wara u Eric, billi kellek bżonn trapjant urġenti tal-qalb u kien hemm hi" qalli l-professur ftit wara. "Qalbi" bdejt ngħajjat jien fl-isptar, bid-dmugħ iġelben minn ħaddejja. "Qalbi......" Qalbi Sharon Calleja

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 January 2019