Illum previous editions

ILLUM 24 February 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1085420

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 24 ta' Frar 2019 20 Rakkont U hekk malli bdejt nisma' l-ħoss tat-takkuna taż-żarbun tiegħi stess ittakkan bil-qalb fuq il-madum abjad tal- kuritur, l-istess ħsieb reġa' beda jberren f 'moħħi. Tajt daqqa t'għajn ħafifa lejn il-veduta urbana, mimlija bini mdaqqas mit-twieqi kbar tal-istess kuritur hekk kif kont għaddejja b'pass mgħaġġel lejn il-lift forsi finalment nerġa' nara l-arja ta' barra wara ġurnata sħiħa xogħol. Ma ridtx noqgħod naħli ħini nerġa' nħares lejn dawk il- blokok kbar tal-konkrit li kont naf eżatt kif kienu. Il-veduti li kienu joffru dawn il-kurituri bla kulur, kont nafhom iżjed milli bl-amment. Kont naf kull kantuniera, kull angolu, kull tabella, il-lampi tad- dawl u l-ħbula mdendlin magħhom kollha... kollox. Saħansitra kont drajt anke fejn kienu jpoġġu l-ħamiem u l-għasafar tal-bejt biex joqogħdu jnemmsu t-toroq mimlija traffiku t'hemm taħt u jagħmlu xogħolhom. U dak il-ħin waqaft. Il-ħsieb. Dak il-ħsieb li dejjem kien iberren f 'moħħi, reġa' ġie u ħa kontroll ta' dak il-mument. Għalaqt għajnejja, ippruvajt nieħu nifs fit-tul iżda ma stajtx. Kontra qalbi, erġajt ftakart. Andrè. Andrè kien telaqni. Hekk. Mingħajr rimors. Mingħajr ebda tip ta' spjegazzjoni. Xejn. Ħalla warajh baħħ kbir. Solitudni. Uġigħ li trid tkun għaddejt minnu biex tkun taf xi jfisser. Kultant, meta kont niftakar fih, kont inħoss l-intern ta' ġismi kollu juġgħani. Qisu jsir parti għalih. Qisu ma jibqax jappartjeni lil ġismi. Isir parti minn vojt kbir. Vojt insapportabbli. Kont ħabbejtu. Ħabbejtu ta' veru. U kieku stajt kont nagħtih id-dinja. Id-dinja kollha. Imma kont naf... Kont naf li ma riedx dak li stajt noffrilu jien. Ried iżjed. Ried lil ħaddieħor. U għal mument xtaqt nikkalma lili nnifsi bil-ħsieb li ħadd ma seta' jħobbu kif kont ħabbejtu jien. Kemm xtaqt... Xtaqt kont werqa alka fuq wiċċ il-baħar. Kieku ħadd ma kien isibni. Ħadd ma kien iweġġagħni. Kont inkun bla emozzjonijiet. Kien ikun aktar faċli. Ħafna aktar faċli. Imbagħad ftakart li kont għadni x-xogħol, erġajt ftaħt għajnejja, ħallejt il-viżta terġa' toqgħod lura għad- dawl qawwi li kien dieħel mit-twieqi u irħejtilha b'ġirja waħda lejn il-lift. Kont naf li kont qiegħda waħdi hawn fuq, għax dejjem jiena kont nitlaq lejn id-dar l-aħħar waħda. Dan ix-xogħol kien għal qalbi. U għalkemm kemm kien ilu li telaqni Andrè kont waqajt lura f 'ħafna oqsma, ix-xogħol kien jagħtini ċertu sens ta' wens. Meta kont inkun qiegħda hawn, kont inħossni nehda fix-xogħol. Malli nfetħu l-bibien tal-lift, dħalt niġri ġo fih qisni waħda tlaqt minn moħħi. Ħassejtni nieżla l-ħames sulari li kien hemm u sibt ruħi fl-apertura familjari tal-ħġieġ li kienet tieħdok 'il barra. "Ċaw għalikom," sellimt liż-żewġt irġiel li kienu appik biex jibdew jieħdu l-pensjoni u mingħajr ma tajthom ċans jibdew parlata bla sens tas- soltu li kienet tirrepeti ruħha kull filgħaxija, ħaffift lejn it-triq, inżomm il-basket f 'idi u nkebbeb il-kowt eqreb lejja għall-irdoss. Għalkemm kien diġà kważi Marzu, kien għadu qed jagħmel is-sirda u ħassejt ir-riħ frisk ta' barra jmellisli wiċċi u jikxifli xagħri lura minn ma' wiċċi. Din il-parti tar-raħal kienet tkun mimlija nies, min għaddej jixtri, min sejjer passiġġata, min lesta mix- xogħol, min kien sejjer jiekol ikla mal-familja... u kulħadd għaddej b'ħajtu. U t-takkuna taż-żarbun tiegħi ma smajthiex ittektek, bl-istorbju li kien hawn. Dak il-ħin waqaft u dort inħares lura lejn il-bini fejn kont naħdem. It-tabella kbira tal-azzar, il-ħġieġ modern li kien iżejjen dan il-bini ddisinjat mill- aqwa disinjaturi ta' Malta u l-irtokki perfetti tal-faċċata, kienu jagħmluh bini distint u ta' ċertu preġju. Iżda bħalissa ftit kien jimpurtani minn dan. F'dak il-preċiż mument, ħassejt qisu ħsieb jidħol f 'moħħi. Ħassejt li kont insejt xi ħaġa warajja. Hemm fuq. Ġo dak l-uffiċċju. Ġieli ġralkom hekk? Tħossu li tkunu nsejtu xi ħaġa warajkom ix-xogħol? Kemmixt moħħi u bdejt ingerger minn taħt. Ressaqt il-basket li kelli mdendel ma' kusi quddiem wiċċi u ftaħtu, ngħammex għajnejja bix-xemx li kienet għadha b'saħħitha. Bdejt ngħawwar idi ġo fih u ħriġt il-mowbajl. Imbagħad il-portmoni mdaqqas, imbagħad iċ- ċavetta tad-dar. "Fidila..." għedt minn taħt, poġġejt kollox lura f 'postu u tlaqt 'l hemm, nimxi lejn il-parkeġġ ħalli noħroġ bil-mixi min-naħa ta' wara u nkun eqreb lejn id-dar. Billi ma tantx kelli bogħod lejn l-appartament fejn kont noqgħod, kont niġi bil-mixi. Filgħodu ma tantx kont issib fejn tipparkja u l-parkeġġ kien ikun imbullat karozzi ta' kull tip u lewn. U eżatt malli kont ser inkompli nimxi, qalbi għamlet tikk. Andrè. Kien qiegħed hemm, miexi fuq il-bankina tan-naħa l-oħra tat-triq, għaddej lambranzetta ma' oħra, jidħaq kemm jiflaħ. U anke hi... anke hi kienet qiegħda ċċarrat xufftejha. Għal mument, kont ser naqsam it-triq u nagħtih ħasla! Mhux sew telaqni hekk mingħajr ma tani raġuni għalfejn, kif u x'fatta! Dan x'ħasibni lili? Xi pupazz li tista' tużah imbagħad tarmih hekk, mingħajr valur? Mingħajr qalb? Mingħajr emozzjonijiet? U hekk malli daru t-tnejn lura jħarsu lejja, indunajt li ma kienx hu. Ma kienx Andrè. Kont qiegħda nimmaġina. Kont qiegħda nimmaġinah kullimkien. U żammejt ruħi komposta ħalli ma ninfaqax nibki quddiem dawn iż-żewġ stranġieri li kienu nnotawni niskanta nħares lejhom minn wara. Baxxejt rasi u tlaqt lejn id- dar. Ma ridtx nerġa' naħseb fuqu. Iżda kont qiegħda nħossni skomda. Mhux minħabba Andrè biss. Imma kelli preżentiment qawwi li kont insejt xi ħaġa warajja l-uffiċċju. Tgħid indur lura? Tgħid immur niċċekkja ħallejtx xi ħaġa warajja hemm? Imma xi stajt insejt? Kollox donnu kont poġġejt fil-basket. Forsi xi proġett? Kont ħallejt xi proġett nofs leħja? Imma kif jista' jkun! Jien is- soltu niċċekkja kollox darba, darbtejn, tlieta. Imma hekk malli wasalt fi triqti, daħħalt iċ-ċavetta fil-bieb tal-komun, tlajt it-taraġ u ersaqt lejn il-bieb tal-appartament, dan is-sens li kont insejt xi ħaġa warajja donnu aktar beda jikber. Ħadt nifs twil u dħalt ġewwa. Mort nixgħel id-dawl. Iżda donnu l-iswiċċ ma kienx qed jaħdem sew. Ajma ħej! Issa x'kien ġara? Poġġejt bilqiegħda fuq is- sufan u ħarist lejn ir-ritratti li kelli mdendla mal-ħajt. Wieħed kien tal- gradwazzjoni, ieħor mal- ħbieb, ieħor ma' tal-familja... Kemm kont ilni ma nkellimhom. Jew niltaqa' magħhom. Minħabba Andrè lil kulħadd kont qtajt. Kont sirt ngħix għalih biss. U f 'dak il-mument, bdejt naħseb li l-ħajja kienet sabiħa. Il-ħajja kienet wisq sabiħa biex taħliha mdejqa fuq persuna waħda. Kelli aptit noħroġ. Immur niltaqa' ma' tal-familja, mal- ħbieb... Iżda fl-istess ħin, dak il- ħsieb li kont insejt xi ħaġa warajja l-uffiċċju, kien qed jikolni minn ġewwa. Qbadt u qomt bilwieqfa, erġajt lebbitt il-kowt miegħi, ġbidt il-basket għal ma' spallejja u tlaqt inħaffef 'il barra f 'nifs wieħed. Kelli bilfors immur. Ridt immur nara. Ħassejt li kont insejt xi ħaġa importanti. Ħaffift tul it-triq kollha. Għaġġilt u ħassejt nifsi kważi jinqata'. Ridt nilħaq il-bini miftuħ qabel ma' dawk tas-siġurtà kienu jitilqu lejn id-dar. U wasalt. Wasalt quddiem il-bini tax- xogħol. Mingħajr ebda ħsieb ieħor, ġrejt b'kemm kelli saħħa 'l ġewwa. Dawk iż-żewġt irġiel ta' qabel kienu għadhom hemm. Ma ħaristx lejhom. Ġrejt lejn il-lift u tlajt fis-sular lejn l-uffiċċju tiegħi. Ridt insib dak li kont insejt. Għax ma kontx ser inħossni komda qabel ma nkun naf eżatt... U dak il-ħin, eżatt malli wasalt quddiem l-uffiċċju tal- ħġieġ tiegħi, ħassejtni ninqata' mill-art bil-qata'. Qabditni r-rogħda... Indunajt. Naf x'kont insejt warajja. Lili nnifsi. Rajtni hemm, mixħuta mal- art b'għajnejja miftuħin beraħ u ħalqi mbexxaq. Dak li nsejt warajja kont jien. Il-flixkun tal-pirmli qawwija kien għadu f 'idi, vojt. Kont blajthom kollha, waħda waħda. Ġisem bla ħajja. Ġisem bla ruħ. Kont qiegħda naħseb fih. Andrè. Sharon Calleja Dak li nsejt

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 February 2019