Illum previous editions

ILLUM 2 June 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1124839

Contents of this Issue

Navigation

Page 25 of 31

Sports 26 illum Il-Ħadd 2 ta' Ġunju 2019 minn Cristian Antony Muscat DAN l-aħħar Swieqi Phoenix Volleyball rebħu għal darb'oħra il-kampjonati nazzjonali kollha tal-juniors tal-volleyball, inkluż dawk tal-U-14, U-16 u U-18, u dawn għall-ħames sena konsekuttiva. F'din l-intervista tkellimna mat- Technical Director u Head Coach, Leonard Zammit Munro, dwar il- proġett fit-tul mat-tfal u ż-żgħażagħ li wassal għal dan ir-riżultat, u dwar kif il-klabb, permezz ta' proġett tal-Unjoni Ewropea, qed jgħin sabiex jingħelbu sfidi li jaffaċċjaw atleti bniet tul il-karriera sportiva tagħhom. B'dawk ta' dan l-istaġun s'issa ntrebħu 15-il titlu minn Swieqi Phoenix Volleyball f 'ħames snin biss. Spjegali daqsxejn x'inhi l-filosofija wara dan s-suċċess. Il-klabb beda l-avventura tiegħu fil-volleyball seba' snin ilu biss meta twaqqfet in-nursery bi ftit tfal. Kemm jien kif ukoll il-president tal- klabb, Orlando Bonnici naħsbuha bl-istess mod fuq ħafna affarijiet, fosthom li t-tfal u n-nursery huma l-bażi tas-suċċess fl-isports, u li bħala 'benchmark' għall-'best practice' għandna dejjem inħarsu lil hinn minn xtutna. F'liema sena bdejtu taraw il-frott ta'dan l-investiment? Wara sentejn ta' ħidma intensiva, fl-istaġun 2014/15 irbaħħna l-ewwel kampjonati tagħna, dawk tal-U14 u U16. Minn dak iż-żmien 'l hawn, irbaħna kull kampjonat nazzjonali tal-U14, U16 u U18. Pass strateġiku ieħor li wassalna għal fejn ninsabu llum hu li minn kmieni ddeċidejna li ndaħħlu t-tfal tan-nursery fit-Tieni Divizjoni. Kien pass kuraġġuż, u għalkemm fl-ewwel staġun tlifna kull logħba, eventwalment, wara tliet snin, u dejjem bi plejers żgħażagħ, wasalna biex nirbħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Dan tana d-dritt li nilagħbu fis-Superleague nazzjonali dan l-istaġun, fejn b'sorpriża għal ħafna, ksibna t-tielet post. X'inhuma l-prijoritajiet tiegħek bħala kowċ? Flimkien ma' bażi teknika soda, nisħaq ħafna li plejers tfal u żgħażagħ għandhom jifhmu sew il-kuntest tattiku ta'dak li qegħdin jitgħallmu. Dan jgħinhom sabiex jiżviluppaw aktar malajr u jrawmu sens tattitku individwali. Jien nemmen ukoll li kull plejer għandu d-dover li jkompli jiżviluppa l-logħba tiegħu, inkluż il-ħiliet tekniċi, anke jekk ilu jilgħab fl- ogħla livelli. Fuq kollox, il-plejers adulti li jingħaqdu magħna għandhom l-obbligu li jifhmu u jħaddnu l-filosfija tagħna, u li jagħtu l-eżempju lill-plejers żgħażagħ li jilagħbu magħhom. Bħala klabb, intom qegħdin involuti fi proġett tal-Unjoni Ewropea li jiffoka fuq sfidi li jiffaċċjaw atleti tfajliet u nisa. Tista' tgħidilna aktar dwar dan? Swieqi Phoenix Volleyball huwa wieħed minn erba' klabbs tal- volleyball Ewropej li qed imexxu proġett Erasmus+ bl-isem ta' DONA – Dual Careers for Women Athletes. Dan il-proġett għandu l-iskop illi janalizza l-isfidi li jaffaċċjaw plejers nisa u bniet fil-volleyball, fejn għandu x'jaqsam il-bilanċ bejn xogħol jew studju, u l-isport, u li jiżviluppa metodoloġija f 'livell ta' klabb sabiex jgħin lill-atleti jegħlbu dawn l-isfidi, u jibqgħu jipprattikaw l-isport. Il-proġett, li jinvolvi madwar 250 plejer tal-volleyball, qed isir bil-kollaborazzjoni tal- Università ta' Ljubljana (Slovenja), De Sport Maatschappij Foundation (Olanda) u The European Athlete as Student (EAS) Dual Career Network (ibbażat f 'Malta). X'inhuma l-pjanijiet għas-Swieqi Phoenix fil-ġejjieni? Għalkemm ser inkomplu nsaħħu it-tim tas-superleague tagħna għall- istaġun li jmiss, beħsiebna nkomplu fuq it-triq li qbadna. L-iżvilupp tat-tfal bħala atleti, u t-tkabbir tan- nursery, li llum tħaddan mal-50 tifla, ser jibqa' l-għan tal-ħidma tagħna. Għal aktar informazzjoni dwar Swieqi Phoenix Volleyball wieħed jista' jikkuntattja lil Phoenix Sports Club fuq 79449359 jew 99473395, jew iżur il-paġna fuq Facebook Swieqi Phoenix Volleyball Malta. Proġett għall-iżvilupp ta' atleti żgħażagħ beda jagħti l-frott

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 2 June 2019