Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1130626
Aħbarijiet 6 illum | Il-Ħadd 16 ta' Ġunju 2019 Minn Yendrick Cioffi ŻEWĠ ġenituri li tkellmu mal- gazzetta ILLUM, urew it-tħassib u r-rabja tagħhom wara li binthom li għad għandha biss ħames snin tħalliet waħedha, fi triq traffikuża, tistenna l-iskola tiftaħ. "Ħallewli t-tifla waħedha. Telquha hemm fi triq mimlija karozzi. Tgħidx kif twerwret," qaltilna din l-omm b'qalbha maqsuma. Il-gazzetta ILLUM rat filmati meħuda minn kameras tas-sigurtà li juru kif din it-tifla waslet l-iskola għall-ħabta tas-6:30am. Għall-bidu, ix-xufiera tal-vann tal- iskola baqgħet magħha tistenna, iżda wara ftit tal-ħin telqet, bit-tifla ssib ruħha waħedha tistenna l-iskola tiftaħ. Ma jilħaqx jgħaddi ħafna ħin meta t-tifla tibda tidher skomda u taqbad tippanikja, tippassiġġa fuq il-bankina ma tafx x'se tagħmel u tibki. "Immaġina kieku qasmet it-triq. Dak il-ħin tkun mimlija karozzi u vannijiet tad-delivery," qaltilna l-omm. "Minn dakinhar saret tibża' taqbad il-vann. Kif tirkeb mill-ewwel jimtlewlha għajnejha bid-dmugħ," qaltilna l-omm. Wara li għaddew madwar ħames minuti, mara anzjana tinnota lit-tifla u tidher tipprova tikkalmaha tant li baqgħet magħha madwar tmien minuti sakemm bdew jaslu tfal oħra tal-iskola. Dan ifisser illi kieku ma għaddietx dik l-anzjana, it-tifla ta' ħames snin kienet se tispiċċa tagħmel kważi kwarta waħedha. Fi kliem l-omm, f 'dak il-ħin, seta' jiġri minn kollox. "Imnalla kienet hi. Imma immaġina kieku flok l-anzjana għadda xi ħadd li kellu intenzjonijiet ħżiena," qaltilna l-omm inkwetata. Iżda staqsejna lill-ġenituri jekk dan kienx każ ta' darba, bl-omm tispjega kif ħafna drabi t-tifla tasal qabel tiftaħ l-iskola iżda normalment tkun ma' tfal oħra akbar minnha. Fil-fatt, l-omm urietna filmati oħra ta' tfal żgħar jistennew quddiem l-iskola u spjegat magħna kif ilha żmien tiġbed l-attenzjoni inkluż tal-Ministeru għall- Edukazzjoni, il-Kummissarju għat-Tfal u saħansitra tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Minkejja dan, kompliet tispjega magħna l-omm, qatt ma sar xejn dwar l-ilmenti tagħha u mhux l-ewwel darba li baqgħet bla risposti. Kien dan li wassal lill-ġenituri biex jitkellmu mal- gazzetta ILLUM. Iżda dan mhux każ iżolat hekk kif din il-gazzetta tkellmet ma' aktar ġenituri li għad għandhom tfal żgħar li jmorru skejjel privati u tal-Knisja (bħal din it- tifla), li jaslu l-iskola qabel tiftaħ. 'Ħallewli lit-tifla waħedha u mwerwra tistenna l-iskola tiftaħ' Żewġ ġenituri jilmentaw kif binthom li għad għandha ħames snin spiċċat waħedha tistenna l-iskola tiftaħ, iżda jidher li dan mhux każ iżolat. L-iskejjel għandhom jiftħu qabel? It-tfal qed jitwasslu kmieni wisq? Tal-vannijiet għandhom jitilqu lit-tfal waħedhom? X'jaħsbu x-xufiera? Il-gazzetta bagħtet sett ta' mistoqsijiet lill-Ministeru għall- Edukazzjoni tistaqsi jekk tfal jistgħux jitwasslu l-iskejjel qabel jiftħu u jekk hemmx direttiva dwar il-ħinijiet li fihom għandhom jiftħu l-iskejjel. Madanakollu, ġaladarba din l-iskola partikolari hija tal-Knisja, il-Ministeru ma weġibx, bil-kelliema titlobna ngħaddu l-mistoqsijiet lis-Segretarjat tal-Kurja għall-Edukazzjoni Nisranija. L-ILLUM tkellmet mad-Delegat tal- Arċisqof Patri Charles Mallia li insista li l-problema hija li t-tfal qed jitwasslu kmieni żżejjed u mhux li l-iskejjel qed ikunu għadhom magħluqa. "Fis-6:30am jiena nkun għadni lanqas tlaqt mill-Kunvent. It-tfal ma għandhomx jitwasslu f 'dawk il- ħinijiet," saħaq Patri Charles. Mistoqsi jekk hemmx xi direttiva fi xħin jinfetħu l-iskejjel, Patri Charles wieġeb fin-negattiv iżda saħaq li l-iskejjel diġà qed jiftħu qabel u hemm skejjel tal-Knisja li saħansitra jiftħu qabel dawk tal-Istat. "Biex tiftaħ skola aktar kmieni trid iġġib impjegat," kompla jfakkar id- Delegat tal-Arċisqof. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma' Emanuel Falzon u Justin Said, mill- Koperattiva tal-Minibuses li insistew mal-ILLUM li għalkemm xogħol ix- xufiera huwa li jwasslu lit-tfal sal-iskola, ma jaqblux li dawn għandhom jitilquhom jekk tkun għadha magħluqa. Iż-żewġ kelliema saħqu li l-ebda tifla, aħseb u ara ta' ħames snin ma għandha titħalla waħedha quddiem skola, tant li minkejja li x-xufiera tal- vann inkwistjoni mhijiex membru tal-koperattiva, lesti biex xorta waħda jiġbdulha l-attenzjoni. Mistoqsija jekk jiltaqgħux ma' każi fejn meta jwasslu lit- tfal isibu l-iskejjel magħluqa, kemm Falzon u anke Said qalu li dawk tal-Gvern jiftħu kmieni, iżda numru mill-iskejjel privati u tal- Knisja jsibuhom magħluqa. Fil-fatt appellaw biex din is- sitwazzjoni tkun rimedjata. "Ġieli naslu bit-tfal fis-sebgħa u l-iskejjel xorta waħda jkunu magħluqa. Nitfu l-vannijiet u nistennew mat-tfal. Ġieli nimblukkaw it- triq," spjegalna Said li huwa s-Segretarju tal- Koperattiva. "Ikollok tfal tal- kindergarten se tħallihom waħedhom?" 'Ġieli l-ġenituri stess jitolbuna li ngħaddu kmieni għat-tfal' Iżda tal- vannijiet għalfejn jgħaddu għalihom daqshekk kmieni? Kemm Falzon u anke Said insistew li huma l-iskejjel li għandhom jiftħu qabel u li ġieli jkun hemm ġenituri li jagħmlulhom pressjoni biex jiġbru lit-tfal kmieni, minħabba li jkunu qed jaħdmu. "Anke waranofsinhar. Trid iżżomm f 'moħħok fejn se twassal lit-tfal, għax daqqa għand iz-zija u daqqa għand in-nanna," kompla jgħidilna Said. 'Minħabba n-nofstanhari nitgerfxu u t-tfal jispiċċaw jistennew' Il-kelliema saħqu magħna li sfida oħra li jiltaqgħu magħha hija meta l-iskejjel ikunu bin-nofstanhari. "L-ebda skola ma tispiċċa fl-istess ħin. Aħna rridu nħabblu moħħna biex nirranġaw u naqdu lil kulħadd u tfal ġieli jispiċċaw jistennewna," qalilna Said. Fil-fatt, Falzon spjega kif il-Koperattiva ilha snin twal tissuġġerixxi li l-iskejjel kollha jaqtgħu n-nofstanhari, biex kollha jżommu l-istess slots. "Jekk hemm bżonn jispiċċaw ġimgħa jew ħmistax qabel." 'Żdied ħafna x-xogħol u kellna ninvestu ħafna flus' L-uffiċjali fakkru wkoll li fl-aħħar xhur, ġaladarba aktar ġenituri qed jagħmlu użu mit-trasport b'xejn, ix-xogħol tagħhom żdied ħafna. "Il-membri tagħna diġà għamlu investiment ta' €2.5 miljun biex biddlu l-vannijiet tagħhom ma' oħrajn akbar biex jaqdu aktar nies," spjegalna Falzon. Said spjegalna kif ħafna qed jixtru vannijiet li jesgħu 19-il passiġġier jew aktar u li kull wieħed, apparti l-permessi meħtieġa, jiswa madwar €73,000 "Aħna bla sussidji u bla xejn," qalilna Said. "Nippruvaw naqdu lil kulħadd." 'Hemm bżonn aktar koordinazzjoni bejn l-iskejjel' Marbut ma' dan, Falzon appella għal aktar koordinazzjoni bejn l-iskejjel, biex ix-xufiera jkunu jistgħu jippjanaw aħjar ix-xogħol u l-vjaġġi tagħhom. "Jekk kultant żmien l-iskejjel kollha jorganizzaw laqgħat għall- għalliema, għalfejn ma jkunux fl-istess ġurnata?" staqsa Falzon. "Hekk aħna nkunu nistgħu nippjanaw aħjar, nużaw dawk il-ħinijet biex nagħmlu service tal-vann jew indaħħlu xogħol ieħor, mhux nispiċċaw b'idejna fuq żaqqna," kompla jispjegalna. "Hemm bżonn naħdmu aktar flimkien." 'Aħna mmorru lil hinn mir-responsabbilità tagħna u noqogħdu nistennew mat-tfal' 'It-tfal qed jitwasslu l-iskola kmieni żżejjed' Fr Charles Mallia Emanuel Falzon Justun Said