Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1133770
D iffiċli żżid kliem ta' indinjazzjoni dwar it-traġedji li qed iseħħu fl-industrija tal-bini fuq skala regolari ma' dak li diġà ntqal. Li nagħti l-kondoljanzi lil min spiċċa mejjet u solidarjietà ma' min spiċċa bla dar huma affarijiet ovvji, imma meħtieġa. Nispera li dawn ma jispiċċawx minsija meta 'tfaqqa'' xi kwestjoni oħra (li mhux darba jew tnejn tkun ċuċata, u mhux bħal f 'dawn il-każi traġedja). U l-vittmi tal-industrija tal-bini mhumiex biss dawk li spiċċaw b'darhom imġarrfa; vittmi ta' traġedja li qed jikxfu kemm bosta minnha 'Maltin tat-triq' spiċċajna vulnerabbli u bla sigurtà f 'darna għax xi ħadd li jiddeċiedi li 'jinvesti' ħdejna, li ovvjament għandu r-riħ fil- poppa fil-qagħda pro-buisness li hawn, jaħseb li jista' jagħmel li jrid anke askapitu ta' darna u ħajjitna. Qed nirreferi wkoll għal vittmi oħra ta' din it-traġedja, nies li aktarx ġejjin minn barra, li spiss qed iweġġgħu u jitilfu ħajjithom fuq lantijiet tax-xogħol li għandhom livell ta' sigurtà mill-agħar. (Qarib tiegħi li jaħdem fl-industrija tal-bini mir-Renju Unit – li issa ħerġin mill-Unjoni Ewropea – dejjem jistaqsini jekk Malta hix tassew membru ta' din l-għaqda Ewropea meta jinnota kemm il-livell ta' sigurtà fuq ix-xogħol hawn hu baxx u ineżistenti, meta mqabbel ma' dawk li r-Renju Unit kellu jadotta sforz l-UE. Bħal affarijiet oħra favur iż-żgħir tal-Unjoni mid- dehra, din hi ħaġa li baqgħet fuq il-karta). Rigward dawn il-ħaddiema, in-nuqqas t'azzjoni min-naħa tal-unions (tneħħi xi stqarrija mingħajr effett) hi tat-twaħħix. Għamlu tajjeb ferm l-organizzaturi tal-protesta tat-18 ta' Ġunju li rabtu t-traġedji ta' dawn it- tnejn (min qed taqagħlu daru u min qed imut) għax tassew huma. Vittmi oħra ta' din l-industrija huma dawk li qed isibuha diffiċli ferm biex ikollhom saqaf fuq rashom mingħajr sagrifiċċji enormi u minkejja li l-kwantità ta' bini fis-suq kuljum tiżdied konsiderevolment. Dan tas- saqaf għal ġieħna, suppost dritt bażiku. Hemm ukoll dawk li qed ibatu mit-tbiċċir tal-kampanja li, vera, hi tagħna wkoll, imma fil-verità dawk li jbatu l-aktar mill-qirda tagħha huma dawk li jifilħu l-anqas finanzjarjament. Min għandu qligħ jiflaħ isiefer darbtejn jew aktar jistrieħ fil-kwiet. Min jaqla' ftit, il- kampanja tagħna biss għandu. Dawn, u bosta oħra, huma t-traġedji li l-industrija tal-bini fil-mod selvaġġ li bih hi mħaddma qed tħalli. Madankollu fil-bqija tal-artiklu ser nipprova mmur lil hinn minn dmugħ u kundanni u jmiss ftit il-kaġun ta' danakollu. Ekonomija mnellħa Il-protesta li saret fit-18 ta' Ġunju kienet tajba u meħtieġa. Jekk sforz ta' din l-inizjattivà u ta' oħrajn simili tiżdied is- sigurtà kemm ta' min joqgħod qrib fejn qed isir xi xogħol u, nittama min jaħdem f 'dan il-qasam, ikun inkiseb riżultat. Madankollu jeħtieġ li wieħed imur lil hinn mit-traġedji immedjati u jara l-kaġun li minħabba fih l-industirja tal-ġebla għanda il-ħakma li għandha fuq pajjiżna. Kaġun ewlieni li jagħti saħħa kbira lill-iżvilupatturi hi li din hi l-unika industrija labour intensive li għad baqa'. Waqt li fis-snin 70, 80 u l-bidu tas-snin 90 kien hem industriji oħra bħal dawk tal-manifattura li jassorbu eluf ta' ħaddiema, minn nofs is- snin 90 dawn bdew imajnaw konsiderevolment. Is-servizzi offshore u tal-logħob tal- azzard iġibu l-kapital. Hi l-industrija tal-bini madankollu, li direttament u indirettament tferra' dan fil- bqija tal-ekonomija. Problema oħra hi li tal- anqas mill-Indipendenza 'l hawn tal-anqas, anke fi żmien fejn kien hemm industriji li jħaddmu ħafna nies li mhumiex il-bini, il-ġebla dejjem kienet investiment li jirrendi. Wara l-1987 il-valur tal-bini baqa' dejjem jogħla konsiderevolment. Fl-aħħar snin, il-qligħ marbut ma' investiment f 'dan is-settur sploda. U dan il-qligħ ma jinvolvix biss lill-investituri l-kbar li, ovvjament, qed jieklu l-biċċa l-kbira tat-torta. Hemm ħafna nies bi qligħ mhux baxx imma lanqas kbir ħafna li qed igawdu (u li tispjega għalfejn il-PL sejjer tant tajjeb fl-elezzjonijiet). Ejja nieħdu persuna li ġemmgħet €120,000, li mhumiex ftit imma lanqas huma xi kapital ta' barra minn hawn li ftit nies jirnexxielhom ifaddlu. X'investiment jaqbillha tagħmel illum persuna bħal din li jirrendilha qligħ sew u fi ftit żmien? Xi darba (meta kellek imgħxax ta' madwar 5%) persuna ta' dan it-tip kienet titħajjar tpoġġi ċifra bħal din il-bank. Illum dan spiċċa. X'investiment hu vijabbli? Tixtri appartament u tikrih. B'hekk tibda tara numru ta' mijiet ta' ewri żejda fix-xahar. Dawn m'għandhomx interess li l-affarijiet jinbidlu, ambjent u mhux ambjent. Hemm imbagħad id-domma tat-tkabbir ekonomiku li dwarha kont ktibt f 'artiklu ieħor. Jekk ser nibqgħu nassumu li hu ovvju u tajjeb minn ewl id-dinja li l-ekonomija tibqa' dejjem tikber, irridu nkunu lesti naffaċjaw il-konsegwenzi ta' dan, fosthom li Malta tibqa' kalamita għal nies jiġu jaqilgħu ewro (il-vittmi) jew bosta ewri minn hawn, bil-pressjoni li dan iwassal għaliha fuq akkomodazzjoni u infrastruttura. Vera li hemm limiti ta' daqs u infrastruttura ta' kemm il-pajjiż jiflaħ ikompli jibni, u ġustament min hu kontra l-ħakma tal-iżviluppaturi spiss jipponta lejn dawn. Madankollu sakemm naslu li niġu wiċċ imb wiċċ mad-daqs u l-limiti tagħna fadal. Jekk irid ikun effettiv u jaqbad il-barri minn qrunu, il-moviment kontra l-ħakma tal-iżviluppaturi jeħtieġ jiġbed lejh ekonomisti li kapaċi jipproponu mudell ekonomiku differenti. Inkella nibqgħu nibku meta sseħħ traġedja (u dan hu sew), imma ma nibdlux fundamentalment l-istampa l-kbira. Michael Grech huwa lettur u opinjonista Il-bini u l-għelt tiegħu Jekk irid ikun e ettiv u jaqbad il-barri minn qrunu, il-moviment kontra l-ħakma tal-iżviluppaturi jeħtieġ jiġbed lejh ekonomisti li kapaċi jipproponu mudell ekonomiku di erenti illum | Il-Ħadd 23 ta' Ġunju 2019 18 Opinjoni MICHAEL GRECH Jekk ser nibqgħu nassumu li hu ovvju u tajjeb minn ewl id-dinja li l-ekonomija tibqa' dejjem tikber, irridu nkunu lesti na aċjaw il-konsegwenzi