Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1133770
9 Aħbarijiet Il-Ħadd 23 ta' Ġunju 2019 | illum Minn Yendrick Cioffi "LA Gonzi u lanqas Simon Busuttil ma sejħu l-Kunsill Ġenerali biex jikkonfermahom bħala kap wara ż-żewġ telfiet tal-2009 u l-2014 fl- elezzjoni tal-Parlament Ewropew." Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM it-tabib Frank Portelli, li ħareġ għonqu għal Adrian Delia kif għamel diversi drabi, inkluż fi żmien il-kampanja għall- elezzjoni ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista meta Delia kien iffaċjat b'allegazzjonijiet serji u sejħiet mill-ogħla organi tal-Partit biex jissospendi l-kandidatura tiegħu. Wara ġimgħa pjuttost imqallba għal Adrian Delia, b'laqgħat jaħarqu tal- Kumitat Eżekuttiv u anke tal-Grupp Parlamentari, apparti r-riżenja ta' Pierre Portelli minn Chairperson Eżekuttiv tal-midja tal-Partit, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' Portelli dwar it-triq 'il quddiem għall-Partit Nazzjonalista. Fakkarna lil Portelli li meta kien kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, hu kien ikkommetta ruħu li jirriżenja jekk ma jnaqqasx id-distakk fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u anke tal-Kunsilli Lokali. Kien għalhekk li staqsejnieh jekk, ġaladarba l-Partit Nazzjonalista tilef b'distakki akbar, Adrian Delia għandux jirriżenja. "Adrian Delia kien qal li se jimxi fuq skeda differenti. It-tesserati għażlu dik l-iskeda u Delia miexi fuqha, jiġifieri li hu jwassal lill- partit sal-elezzjoni," wieġeb Portelli. F'intervista ma' din l-istess gazzetta, l-eks Prim Ministru u Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi kien saħaq li s-suġġeriment tiegħu lil Adrian Delia huwa biex "jieħu hu stess l-inizjattiva biex it-tmexxija tiegħu terġa' tiġi kkonfermata skont ir-regoli tal-istatut." Dwar dan staqsejna lil Frank Portelli li dlonk insista li l-istatut ma jgħidx hekk u li l-Kunsill Ġenerali jitlaqqa' biex jikkonferma jew jeleġġi Kap wara l-elezzjoni ġenerali. Kien hawn li insista li la Gonzi u lanqas Simon Busuttil ma sejħu lill-Kunsill Ġenerali biex jikkonfermahom bħala Kap wara ż-żewġ telfiet fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009 u tal- 2014. Meta Gonzi kien għadu Kap tal- Partit Nazzjonalista, il-Partit kien tilef l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009 b'distakk ta' aktar minn 35,000 vot, filwaqt li Simon Busuttil tilef l-istess elezzjonijiet fl-2014 bi ftit inqas minn 34,000 vot. Apparti minn hekk, Frank Portelli kompla joħroġ għonqu għall-Kap Nazzjonalista jisħaq li Delia huwa l-ewwel Kap tal-Partit Nazzjonalista li ġie magħżul mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri bl-iktar mod demokratiku possibbli. 'L-akbar problema għall-PN huwa min ma aċċettax l-elezzjoni tal-Kap' F'għeluq is-sena minn meta Adrian Delia sar Kap tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri f 'Settembru tas-sena li għaddiet, mal-ILLUM, Frank Portelli kien qal li waħda mill-aqwa affarijiet li wettaq Delia kemm ilu Kap kienet li offra l-id ta' ħbiberija lil kulħadd. Staqsejna lil Portelli x'kien jagħmel kieku kien minflok Delia u minkejja li jkun offra l-id tal-ħbiberija jkun hemm għad ta' Deputati u esponenti fil- Partit li jibqgħu ma jkunux iridu jaħdmu miegħu akkost ta' kollox. Ftit li xejn ħabbel rasu. "Jekk ma jridux jaħdmu miegħi akkost ta' kollox kont immur għand il-100,000 persuna li ma vvutawx u nwassal il-messaġġ lil dawn," saħaq Portelli. "Dawn hemm aktar ċans li jisimgħu." Fil-fatt meta mistoqsi x'jaħseb li hi l-akbar problema li għandu l-Partit Nazzjonalista bħalissa, Portelli la semma lil Delia u lanqas lill- kumplament tat-tmexxija. "L-akbar problema hija min ma aċċettax ir-riżultat tal-elezzjoni tal- Kap u min baqa' jikteb fuq Facebook jgħajjar lill-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista," kompla jgħid Portelli. 'Is-Segretarju Ġenerali ma għandux ikun Deputat' Komplejna nitkellmu miegħu dwar il-fatt li Delia mhux waħdu jmexxi l-Partit. Staqsejnieh x'jaħseb li għandhom jagħmlu uffiċjali oħra. Beda bid-dixxiplina, b'Portelli jisħaq li l-whip għandu jassigura li din tkun f 'postha. "Is-Segretarju Ġenerali ma għandux ikun Deputat. Irid ikun full-time biex jieħu ħsieb jorganizza l-Partit," insista Portelli waqt li saħaq li ż-żewġ viċi kapijiet għandhom jaħdmu aktar mill-qrib mal-Kap. Tkellem ukoll dwar l-Uffiċċju Elcom, jiġifieri l-uffiċċju tal-PN li jieħu ħsieb l-elezzjonijiet. Fi kliem Portelli, dan għandu jaġġorna ruħu għal żminijietna, għax skontu, weħel fil-passat. Fuq kollox appella biex jinżamm kuntatt man-nies u jsiru aktar żjarat fid-djar partikolarment fin-Nofsinhar tal-pajjiż. Kien hawn li insista li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ iwassal tliet messaġġi "pożittivi," jiġifieri li l-immigrazzjoni tista' tkun ikkontrollata (anke jekk ma elaborax kif), li l-futur jista' jkun aħjar u li l-arma tal-Partit Nazzjonalista mhijiex xi ħaġa ta' "stmerrija jew assoċjata mal-mibegħda." Ladarba semma lis-Segretarju Ġenerali ma stajniex ma nistaqsuhx fuq l-argument ta' Clyde Puli li r-riżultat ma kienx wieħed gravi meta wieħed jikkunsidra l-fatt li s-sondaġġi kienu bassru telfiet akbar. Dwar dan Portelli kien skjett. "Ir- riżultat huwa l-aqwa sondaġġ." Portelli jisħaq li l-PN għandu jitkellem mal-100,000 li ma vvutawx Hemm min jargumenta li anke jekk is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista titranġa jew saħansitra tinbidel it- tmexxija, waħda mill-akbar problemi li għandu l-Partit Nazzjonalista hija li minħabba l-kunflitti u s-sitwazzjoni li jinsab fiha, sar kważi kważi irrelevanti. Iżda Portelli ma jaqbel xejn ma' dan waqt li reġa' fakkar kif 'il fuq minn 100,000 persuna ma vvutawx u li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jmur ikellimhom. 'Niddistakkaw lill-PN minn dik il-mażra tal-mibegħda' Fl-aħħar nett, staqsejna lil Portelli x'jaħseb li għandha tkun it-triq 'il quddiem għall-Partit Nazzjonalista. Id-dixxiplina reġgħet kienet fuq nett tal- lista tiegħu. "Immilita kemm trid imma darba tittieħed deċiżjoni trid taċċettaha," saħaq Portelli. It-tieni appell tiegħu kien biex il-Partit Nazzjonalista jkollu messaġġ ċar bħalma ma kien l-islowgan "Xogħol, Ġustizzja u Libertà," fl-elezzjoni tal-1987. "Mhux 2,000 proposta," kompla Portelli. It-tielet appell kien biex jibqa' dejjem viċin in-nies. Fl-aħħar nett temm jisħaq li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ "jiddistakka" lilu nnifsu "mill-mażra tal-mibegħda." "Trid tkun kburi li int Nazzjonalist… Jien Malti kburi. Kburi mill-wirt Malti, mil-lingwa u mir-reliġjon, għalhekk Religio et Patria. Ma għandix għalfejn nirreżenja għax niftaħar bil-wirt u l-istorja tagħna l-Maltin," temm jisħaq Portelli. 'La Gonzi u lanqas Busuttil ma talbu lill-Kunsill Ġenerali jikkonfermahom' Frank Portelli jisħaq mal-ILLUM li Adrian Delia kien elett biex iwassal lill-PN sal-Elezzjoni Ġenerali waqt li insista li la Lawrence Gonzi u lanqas Simon Busuttil ma talbu l-vot tal-Kunsill Ġenerali meta tilfu l-elezzjonijiet Ewropej fl-2009 u fl-2014 Lawrence Gonzi Adrian Delia Simon Busuttil Frank Portelli