Illum previous editions

ILLUM 23 June 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1133770

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

illum | Il-Ħadd 23 ta' Ġunju 2019 Rakkont 20 B la qamar. Sema bla kwiekeb. Triq mudlama. Quddiemu baħħ. Warajh baħħ. Kien hemm skiet taqtgħu b'sikkina. U hu. Hu kien hemm. F'nofs ta' triq vojta. Bla dawl. Lanqas żiffa riħ ma kien hemm. La sinjal ta' xejn. Kollox minsi. Mitluq. Waħdu. Dak li kien. Waħdu. Ma kienx jaf fejn kellu jaqbad imur. Ħa nifs twil u għolla jdejh ma' wiċċu, iħoss it-tikmix li kien bħala parti mill-ġilda ta' ħaddejh. Tant kemm kienet xierfa idu, li bdiet tigriflu wiċċu stess. Donnu nħasad. Issa x'kellu jaqbad jagħmel? Fejn seta' jmur? Ma kien hawn ħadd. Ma kien hawn xejn. Ma kien sejjer imkien. U ma kien ġej minn imkien. Ma setax jiftakar x'kien qed jagħmel hemm. U lanqas min kien. "Jien min jien?" staqsa b'leħen baxx. Għal mument sema' leħnu jidwi. Imbagħad reġa' beda jirrenja s-silenzju assolut. Kien ser jaqbad jippanikja! Kienet ser taqbad ittih rasu! Ma kien qed jara xejn. Ċappa dlam. Kif seta jitlaq minn hemm? Fejn kellu jaqbad imur? Ried jitlaq minn hawn u jmur 'il bogħod. Imma kif? U fejn? "Jien min jien?" reġa' għajjat u din id-darba seta' jinduna li leħnu kien wassal aktar 'il bogħod. Xejn. Skiet. Ħadd ma wieġbu. Għalxejn, għax donnu kien waħdu. Hu u d-dlam. Id-dlam u hu. Resaq lejn il-ġenb tat-triq u ra ġebla kbira. Mingħajr ma ħasibha darbtejn, mar ipoġġi bilqiegħda fuqha. Biex jikser dik il-ħemda monotona li kienet qiegħda taħkmu minn ġewwa, beda jsaffar waħdu. U ħassu skomdu. Induna li kellu xi ħaġa fil-but tal-qalziet li kienet qiegħda ddejqu. Qam bilwieqfa u għamel idejh fuq il-but. Ħariġha bil-mod u ħass nifsu jinqata'. Din...din x'kienet qiegħda tagħmel fil-but tiegħu? Tgħid kien poġġihielu xi ħadd? Tgħid kienu għamluhielu hemm biex ibeżżgħuh? Tgħid riedu jirrikattawh? Imma min? Hu ma kien jaf lil ħadd. U f 'dak il-ħin ma seta' jaħseb f 'ħadd li ried jagħmillu d-deni. Għolliha 'l fuq quddiem wiċċu u ħares lejha. Għal mument tbissem għaliex ħass li hekk kellu jagħmel. Imma ma kienx jaf għalfejn kienet qiegħda hemm. Sikkina kbira tal-laħam. Fil-but tal-qalziet tiegħu. Dik x'kienet qiegħda tagħmel hemm? Għal mument dar iħares warajh biex jara kienx hemm xi ħadd qed isus warajh. Biex jara jekk min kien poġġihielu hemm, kienx għadu hemmhekk. Iżda xejn. U ħadd. Ma kien hemm ħadd warajh. Beda jkemmex moħħu u jipprova jara aħjar. Iżda ma setax. Lanqas dellu stess ma kien qed jara. Kien hemm wisq dlam. U wisq monotonija. Imbagħad sema' ħoss ta' tħaxwix quddiemu. Għal mument iffriża qisu statwa. Imbagħad dar iħares quddiemu f 'salt wieħed. Inħasad. Kien dak il-ħin li raha. Ħarbitlu karba! Il-ħemda nkisret! Sema' xi ġwienaħ ta' għasafar itiru minn qalb il-friegħi ta' siġar li hu ma kienx qiegħed jara, f 'xi naħa minnhom, oblivju għal għajnejh. "Int min int?" staqsieha, taqbdu r-rogħda. Malajr kemm jista' jkun, reġa' poġġa dik is-sikkina li kellu f 'idejh fil-but ta' wara, ħalli ma tilħaqx taraha. Kixef snienu biex jagħmilha li taparsi kollox kien jidher sew. Biex hi ma tindunax x'kellu f 'idu. Kieku żgur kienet tibża' minnu! Imnalla kien hemm id-dlam! Kienet qiegħda eżatt quddiemu, eqreb milli xtaq, tħares lejh b'espressjoni trankwilla. Din żgur ma kinitx qiegħda hemm ftit ilu! Għax kieku kien jaraha! Kien jaraha żgur! U żgur ma kinitx rat dik is- sikkina. Għaliex kieku kienet tibża' minnu! Iva, kienet tibża' minnu! Kienet qisha xi żingara b'ballun tal-kristall jixgħel f 'idejha. Kellha maktur skur imdawwar ma' rasha u kienet liebsa par imsielet kbar li kienu qegħdin jirriflettu mad-dawl tal-ballun. Anke għajnejha kellhom rifless mixgħul fihom u seta' jinduna li kienu par għajnejn skuri aktar minn dak id-dlam li ftit qabel kien qed jieklu minn ġewwa u jdejqu. Niżżel ħarstu magħha u nduna li kienet liebsa libsa skura li kienet tgħattiha sa isfel nett. Għalkemm kienet liebsa kollox skur, f 'dak id-dlam li issa kien milgħub minn dak il-ballun tal-kristall imdaqqas, seta' jinnota li l-ġilda ta' wiċċha kienet fina, fina u kellha tbissima li kienet tqajjimlek ġismek xewk xewk. Mhux għax kienet tal-biża'. Imma għaliex kienet sabiħa. Kienet sabiħa b'mod li huwa ma setax ifisser. "Issa jmissek it-tielet xewqa..." qaltlu b'leħen kalm. Infaqa' jidħaq. Sema' leħnu jidħaq b'leħen għoli f 'dawk l-inħawi fejn ma kellux l-iċken idea fejn kienu qegħdin. "X'tielet xewqa hi?" staqsieha. "Jiena żingara li naqta' x-xewqat. Inti diġà tlabtni l-ewwel u t-tieni xewqa. Issa fadallek l-aħħar waħda," qaltlu. Ressqet il-ballun li kien qed jixgħel eqreb lejn wiċċha u għal mument baqa' hemm sieket, jifliha sew. Imma kif jista' jkun? Dan x'kien qed jiġri? Jekk hu lanqas biss qatt ma kien għadu raha? Jekk hu lanqas biss ma kien jaf din il-persuna min hi? Jekk hu lanqas biss kien jaf min kien huwa stess? "Int qiegħda titmejjel bija?" staqsieha lanqas irid jemmen dak li kienet qiegħda tgħidlu. "Sinjur, jiena lilek diġà qtajtlek żewġ xewqat...imma t-tieni xewqa tiegħek kienet biex jiena nreġġa' l-affarijiet kif kienu qabel ma inti tlabtni l-ewwel xewqa tiegħek," qaltlu b'leħen paċenzjuż, qisha kienet qiegħda tfiehem tifel ċkejken fil-primarja. "Għalhekk inti ma tiftakar xejn, għaliex reġġajt kollox lura lejn kif kienu l-affarijiet qabel ma inti għamilt ix- xewqat tiegħek." "U issa?" staqsieha, iħoss il- kurżità tieklu minn ġewwa. "Issa baqgħalek xewqa waħda. Attent kif tużaha..." qaltlu, tikxef snienha fi tbissima sfurzata. "Jien min jien?" staqsieha bla ma qagħad jaħsibha. "Imma inti xi trid bħala xewqa?" staqsietu. "Ifhem, jiena mhu ser nitlef xejn għax insaqsik taqtagħli xewqti, mhux hekk?" staqsieha kważi jidħaq bih innifsu li kien qed jemmen li din il-mara ma kinitx qiegħda tipprova tgħaddih minn għajn il-labra. "X'inhi x-xewqa tiegħek sinjur?" staqsietu. "Owkej," qalilha jħoss l-għaraq nieżel minn ma' moħħu. "Ma tantx qiegħed nemmnek, imma ma fiha xejn ħażin. X'jista'? Ma jiġri xejn. Jien irrid inkun naf min jien." "Tajba din..." qaltlu dik iż-żingara, hekk kif għolliet il-ballun 'il fuq u qatgħetlu xewqtu, tisparixxi darba għal dejjem minn fejn kienet ġiet. "Dik kienet l-ewwel xewqa tiegħek!" Logan Karl telaq għal għonq it-triq mingħajr ma reġa' ħares lura. Iż-żingara kienet ippruvat twaqqaf dak li kellu jiġri llejla. Niżżel is-sikkina 'l isfel aktar fil-fond tal-but ta' wara, hekk kif beda jitbissem waħdu hu u miexi lejn id-dar miftehma. Issa kien ftakar. Tliet xewqat. U hu kien użahom kollha. Illejla kellu jseħħ delitt. U Logan Karl kien il-qattiel. Sharon Calleja Tliet xewqat

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 23 June 2019