Illum previous editions

ILLUM 14 July 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1141801

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 31

NHAR l-Erbgħa, il-Malta Airport Foundation inawgurat it-torri ta' Xutu f 'Wied iż-Żurrieq, li ġie rrestawrat reċentement mill-istess Fondazzjoni flimkien ma' Din l-Art Ħelwa, l-organizzazzjoni gwardjana ta' dan is-sit storiku. Il-ftuħ mill-ġdid ta' dan it-torri kien tassew sinifikanti kemm għall-Malta Airport Foundation u kemm għal Din l-Art Ħelwa. Dan għaliex, ir-restawr tat-torri Ta' Xutu kien l-ewwel proġett li bdiet taħdem fuqu l-Malta Airport Foundation u l-10 proġett ta' restawr ta' fortifikazzjoni ta' mal-kosta għall- organizzazzjoni Din l-Art Ħelwa. Il-proġett Ta' Xutu sewa mal-€250,000 u ġie ffinanzjat kompletament mill-Malta Airport Foundation. Barra mir-restawrazzjoni tat-torri nnifsu, il-proġett inkluda wkoll ir-riabilitazzjoni tal-garigue ta' maż-żona fejn jinsab it-torri, li hija wkoll waħda mill-34 sit terrestri li jiffurmaw in-network lokali ta' Natura 2000. "L-appoġġ tal-Fondazzjoni għal dan il-proġett mhuwiex ser jieqaf hawnhekk mal-ftuħ tat-torri. Il- Fondazzjoni hija impenjata li tibqa' tgħin fiż-żamma ta' dan is-sit tant importanti u l-promozzjoni tiegħu, biex b'hekk aktar turisti u Maltin jiskopri din il-ġawhra fin-Nofsinhar ta' Malta," qal iċ-Chairman tal-Malta Airport Foundation, is-Sur Fredrick Mifsud Bonnici. Il-Malta Airport Foundation twaqqfet fl-2014 bħala parti minn approċċ ġdid adottat mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta lejn ir- responsabbilità korporattiva. Il-missjoni tal-Fondazzjoni, li hija amministrata b'mod indipendenti mill-ajruport, hija li tappoġġja proġetti u inizjattivi sostenibbli li jissalvagwardjaw il-wirt lokali u l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li jtejbu l-prodott turistiku tal-gżejjer Maltin. Il-President Eżekuttiv ta' Din l-Art Ħelwa, Alex Torpiano rringrazzja lill-Malta Airport Foundation għall- appoġġ finanzjarju u l-inkoraġġiment li tat tul il-proċess, li ppermettew li dan il-proġett, li ma kienx nieqes mill-isfidi tiegħu, jitlesta. Il-Professur Torpiano kellu wkoll kliem ta' ringrazzjament għall- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-pariri ta' liema kienu kruċjali minħabba l-importanza ambjentali tas-sit, il-Kunsill Lokali tal-Qrendi u l-voluntiera kollha ta' Din l-Art Ħelwa. Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta Alan Borg irrimarka li permezz tal- Fondazzjoni l-ajruport diġà investa sinifikattivament fi proġetti ta' restawr, riċerka u li għandhom x'jaqsmu mad-dinja tal-baħar. Dawn il-proġetti kollha jikkontribwixxu sabiex jarrikkixxu l-vaganzi tat-turisti li jagħżlu lil Malta għall-btala tagħhom u jgħinu lill- ajruport jagħti lura lill-komunità li fiha jopera. Il-Ministru tat-Turiżmu Dr Konrad Mizzi faħħar ix-xogħol li sar fil-proġett ta' restawrazzjoni u landscaping madwar it-Torri Ta' Xutu, filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dan jikkumplementa l-isforzi tal- Ministeru li huma mmirati lejn it- titjib tal-prodott turistiku tal-gżejjer. Il-Ministru Mizzi kellu wkoll kliem ta' tifħir għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta li, permezz tal-Malta Airport Foundation, qed jaħdem sabiex itejjeb il-kwalità ta' dak li għandu x'joffri n-Nofsinhar ta' Malta. Restawr ta' €250,000 fuq it-Torri ta' Xutu mill-Malta Airport Foundation Aktar dwar it-Torri Ta' Xutu It-Torri ta' Xutu f 'Wied iż-Żurrieq inbena taħt ir-renju tal-Gran Mastru Giovanni Paolo Lascaris. Dan it-torri kien l-ewwel wieħed li nbena bil-ħnejjiet u b'hekk kien sod biżżejjed sabiex ikun mgħammar b'kanun fuq il-bejt. Din il-bidla kienet arkitettonikament sinifikanti u, fil-fatt, Ta' Xutu serva bħala prototip għal sensiela ta' torrijiet li nbnew mal-kosta mis-suċċessur ta' Lascaris; il-Gran Mastru De Redin. Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, it-torri kien jintuża mill-Pulizija tal-Kosta bħala post minn fejn tiġi mgħassa l-kosta. Ta' Xutu kien ukoll għassa tal- pulizija sal-2002, f 'liema sena kien ġie abbandunat. illum | Il-Ħadd 14 ta' Lulju 2019 20 Aħbarijiet

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 14 July 2019