Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1141801
Sports 25 Il-Ħadd 14 ta' Lulju 2019 | illum 'Ninsab lesta biex inkompli nirsisti ħa nġib riżultati ferm iżjed pożittivi' BEJN il-25 u t-30 ta' Ġunju li għadda, il-Malta Employees Sports Association, tellgħet kontinġent ta' atleti ġewwa Salzburg fl-Awstrija sabiex hemmhekk jikkompetu fil- European Company Sports Games. Din issir kull sena f 'pajjiż differenti fejn Malta, għalkemm ċkejkna, xorta waħda jirnexxielha tikseb riżultati tajba u tikseb diversi midalji. Waħda mill- atleti li kisbet suċċess f 'dawn il-Logħbiet kienet proprju Gianella Bugeja Persiano li tatna iktar dettalji. "Minn kważi sena ilu kont ippjanata li nitla' nikkompeti ġewwa Salzburg. Kelli ħsieb li nikkompeti kemm fuq it- trakka kif ukoll fis-City Run li kellha ssir ġewwa Salzburg ukoll. Meta wasalna Salzburg konna sorpriżi bit-temp sħun li kien hemm. It- temperaturi kienu qed jilħqu d-39 Grad Celcius. Mill-programm konna nafu li kellna ntellqu f 'ħinijiet mhux komuni għalina bħal pereżempju wara d-9am jew wara nofsinhar. Sabiex wieħed jitla' jikkompeti barra, irid l-ewwel jieħu sehem fi tlielaq li jiġu organizzati ġewwa Malta. F'dawn it-tlielaq, kull persuna tkun qed tirrappreżenta l-awtorità jew il-kumpanija li wieħed jaħdem fiha. Fil- każ tiegħi, jiena kont qed nirrappreżenta lil Transport Malta fejn hawnhekk nixtieq nirringrazzjaha tal-appoġġ kontinwu li tagħtini. Il-problema tal-atleti tista' tkun li minn meta l-atleta tippjana li trid tmur ittellaq sa meta tasal il-ġurnata tat-tellieqa, jinqalgħu ħafna affarijiet fosthom injuries li l-ebda atleta ma tieħu gost bihom jew ikollha kontroll fuqhom. Xahar biss wara n-nofs maratona li għamilt ġewwa Pisa f 'Diċembru tas-sena 2018, waqt li kont qed nitħarreġ ħassejt bħal tiċrita fil-hamstring. Sfortunatament kelli nieħu ftit ġimgħat ta' mistrieħ u ħafna trattament. Sa dawn il-logħob bqajt inħoss skumdità iżda bis-saħħa tal- kowċ tiegħi Ivan Rozhnov, dejjem irnexxielna nduru ma' kull problema li tista' tinqala' ħalli kemm jista' jkun ma naqtax lura. L-ewwel tellieqa tiegħi kellha tkun il-Ġimgħa 28 ta' Ġunju. Jien kelli nieħu sehem fil-5K u l-ħin tat- tellieqa tal-kategorija tiegħi kien fid-9.20am. L-atleti jkunu ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom, Franza, Italja, Norveġja u iżjed pajjiżi Ewropej. Għaldaqstant wieħed jistenna li l-livell ma jkunx baxx. Meta wieħed ikun se jibda tellieqa, ma tkunx taf ma' liema livelll se tkun u għalhekk hemmhekk l-atleta jrid iżomm f 'moħħu biss li l-iżjed ħaġa importanti hija l-ħin u l-prestazzjoni tiegħu. Kont xi ftit beżgħana minħabba l-uġigħ li stajt inħoss iżda kont konvinta li t-tellieqa rrid nibdiha u nispiċċaha. Bdejt it-tellieqa bil-pass tiegħi u ħafna mill-atleti ħarġu b'saħħithom fejn jien mal-ewwel tliet dawriet kont fis-sitt post. Bqajt inżomm mal-pass tiegħi fejn irnexxieli naqbeż tliet atleti u bdejt inżomm mal- atleta ta' qabli jiġifieri dik li kienet fit-tieni post. Tista' tgħid li matul it-tellieqa kollha żammejt ma' Apartin Renata, l-atleta mill-Iżrael. Kien hemm mumenti fejn bdejt negħja u anke ħassejt ftit uġigħ u bdejt inżomm distanza ta' bejn 30m u 50m minn magħha. Iżda fl-aħħar lap, ħassejt li kien għad fadalli daqsxejn enerġija u għalhekk tajt kollox - sprint finish u għaddejt lill-atleta mill-Iżrael bi tliet milli- sekondi. Minħabba f 'hekk ksibt it-tieni post. Fl-istess ġurnata, kien ippjanat li nagħmel l-1500m. Sfortunatament, minħabba l-uġigħ fil-hamstring, kont ili ma ntellaq f '1500m. Iżda la kienet ippjanata fil- programm tiegħi, emmint fija nnifsi u li kont kapaċi nagħmilha wkoll. Bħalma għidt, is-sħana kienet kbira u konna ilna mis-7.30am ġewwa t-trakka jiġifieri l-ħin ta' stennija bejn tellieqa u oħra kien twil ħafna. Bdejt it-tellieqa u mill- bidu nett sibt posti fit-tieni post iżda fl-aħħar lap tal- 1500m kien hemm atleta min-Norveġja li ħaditni b'għaxar sekondi u b'hekk spiċċajt fit-tieni post. L-għada ta' dawn it-tlielaq, kien se jkun hemm City Run u din it-tellieqa kienet se tibda fis-1.30pm. Tista' timmaġina s-sħana kemm kienet qalila fejn anke biss timxi fiha tħoss is-sħana aħseb u ara tiġri! Iżda kemm jien kif ukoll il-Maltin l-oħra ma qtajniex qalbna. Mill-Ġimgħa kont naf xi wħud mill-atleti li kien se jkun hemm u għalhekk kont diġà naf x'livell kien se jkun hemm. Bdejt mill- bidu nett inżomm ma' Apartin Renata, l-atleta li ġrejt magħha fuq it-trakka. Ippruvajt inżomm magħha kemm nista' iżda mat- tielet kilometru, jien bdejt ninqata' ftit u kien hemm anke 100m distanza. Meta mbagħad bdejt noqrob lejn l- aħħar kilometru, erġajt ħassejt li stajt nagħfas u meta ntebħet li jien kont ġejja bis-saħħa kollha minn warajha, hi għamlet l-istess. Bid-differenza mal-ewwel tellieqa li kellna fuq it- trakka, hi daħlet ftit milli- sekondi biss qabli. Kont kuntenta xorta waħda għaliex l-ewwel nett l-istess atleta ma tellqitx fit-tellieqa tal-1500m u f 'kundizzjonijiet daqshekk sħan, mhux faċli tiġri u żżomm il-pass. Kienet esperjenza pożittiva ħafna. Il-kumitat kollu kien ferm ta' għajnuna fejn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill-MESA għal opportunità daqshekk sabiħa, lil Transport Malta tas-sapport kontinwu, SportMalta għall-flexi training scheme kif ukoll lill-isponsors tiegħi kollha fosthom Garmin Malta, Continental Cars u TeamSport Malta. Grazzi minn qalbi lil kulħadd u ninsab lesta biex inkompli nirsisti ħa nġib riżultati ferm iżjed pożittivi!" minn Cristian Antony Muscat Gianella Bugeja Persiano (fin-nofs)