Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1141801
Sports 26 illum Il-Ħadd 14 ta' Lulju 2019 TIMMY Agius - plejer importanti ta' Marsaxlokk ASC li permezz tal-wirjiet tiegħu xprunahom biex jiksbu post fil-Kamjonat Premier. Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il- waterpolo? Minn dejjem kont inħobb l-isport. Kont nilgħab kemm il-futbol kif ukoll il-waterpolo waqt ix-xhur xitwin u sajfin. Madankollu ta' tnax- il sena kelli nagħżel u kien għalhekk li ffukajt fuq il-waterpolo. Ħsibt li iktar għandi ċans navvanza f 'dan l-isport. Il-gwida ta' Kurt Dowling kienet strumentali fl-ewwel snin tiegħi f 'din il-logħba u kien bis- saħħa tiegħu li sirt dak il-plejer tal- waterpolo li jien illum. X'tikkummenta fuq l-istaġun li għadda ma' Valletta? Ifhem l-affarijiet ma marrux għalkollox kif xtaqna. Minkejja kollox kelli relazzjoni tajba mal- kowċ Anthony Farrugia (Panelli) u għeni sabiex niżviluppa l-ħiliet tiegħi għax kien jemmen fija. B'xorti ħażina, l-istaġun li għadda ġara bil-kontra taħt il-gwida ta' Bogdan Rath. Ma tantx ftehemna ħafna u kienet ħaġa frustranti li t-tim tilef kull logħba iktar u iktar għax jien ma ġejtx mogħti ċ-ċans nagħti l-kontribut tiegħi. Xorta nemmen li fl-isport titgħallem minn kull sitwazzjoni sabiex darb'oħra jkollok esperjenza aħjar. Kif qed tħares lejn il-kampjonat tas- sajf ma' Marsaxlokk? Ninsab kuntent li qiegħed ma' Marsaxlokk. Mal-ewwel tawni merħba kbira u sa mill-ewwel minuta ħassejtni qisni qiegħed id-dar. M'hemmx xi ngħidu meta int tingħaqad mat-tim rebbieħ tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni, mingħajr ma' trid tħoss xi ftit tal- pressjoni żejda. Naf li l-plejers sħabi kapaċi jqumu għall-okkażjoni u taħt il-gwida tal-kowċ ta' esperjenza Joe Cremona, ninsab kunfidenti li jekk naħdmu sew għandu jkollna staġun pożittiv. X'tikkummenta fuq ir-riżorsi (pixxina) li fihom titħarrġu u tilagħbu f 'Malta? Il-faċilitajiet tal-pixxina nazzjonali huma tajbin ferm għalkemm nemmen li qed nużawha b'mod esaġerat. Dan ifisser li hemm ħafna klabbs li qed jagħmlu użu minnha. Idealment il-pixxina tal-50 metru tkun maqsuma bejn tliet timijiet sabiex il-kowċis ikollhom iktar spazju fejn iħarrġu. Naf iżda li dan kollu jista' jfisser li jkun hemm bżonn ta' aktar staff fil-pixxina u forsi sigħat itwal iżda fl-opinjoni tiegħi dik hi t-triq 'l quddiem. Il-problema tal-lasti għal kull tim fit-taħriġ sa fl-aħħar ġiet solvuta u dan kollu kien ta' benefiċċju għall- klabbs. M'hemmx xi ngħidu, hemm bżonn ta' pixxina oħra għalkemm kuntent bil-proġetti li qed isiru. Jidher li ser jinbnew tlieta jew erba' pixxini oħra f 'Marsaskala, Valletta, Sirens u Marsaxlokk. Minn hawn nirringrazzja lil Sport Malta li qed jinvestu sew fil-faċilitajiet li għandna f 'Tal-Qroqq. X'sagrifiċċji jinvolvi li tkun plejers tal-waterpolo? L-ewwel u qabel kollox trid tagħmel ħafna sagrifiċċji filwaqt li tikkompeti bl-aqwa mod possibbli. Hemm involuti ħafna sigħat ta' taħriġ fil-pixxina kif ukoll fil-gym. Xi kultant mhux daqshekk faċli li żżomm il-moral għoli iżda l-premju li tmur fil-pixxina u tagħti l-aqwa tiegħek huwa kbir. Apparti minn hekk aħna l-plejers nagħtu kuraġġ lil xulxin u dak hu l-vantaġġ li tkun f 'tim. Il-motivazzjoni tiegħi hi dejjem li nkun aħjar mis-sessjoni ta' taħriġ ta' qabel. Nammetti li jien ngħix il-waterpolo. Inħobbu wisq dan l-isport u ma nibdlu ma' xejn. Kif jirnexxielek tlaħħaq mat- taħriġ, l-istudju / ix-xogħol u mal- waterpolo? Naħseb li l-iktar ħaġa importanti f 'ħajjet atleta hi proprju kif torganizza sew il-ġurnata. Trid tkun kapaċi toħloq bilanċ sabiex tirnexxi kemm fix-xogħol personali tiegħek kif ukoll fil-waterpolo. Meta kont immur il-pixxina wara ġurnata stressanti ta' xogħol u studju tani ċ-ċans li nieħu ftit ir-ruħ u nieqaf filwaqt li nikkonċentra fuq il- logħba li nkun ser nilgħab. U dawk is-sagħtejn narahom veru manna għalija għax ibiddluli l-burdata għal waħda tajba. Taqbel mas-sistema tal-play-offs? Naqbel mija fil-mija! Il-mumenti drammatiċi li joffru l-play-offs huma uniċi. Naf li r-rebbieħ tal-kampjonat għandu jiġi deċiż skont il-klassifika iżda tajjeb li nagħtu lill-partitarji dak l-inċentiv żejjed biex jiġu jaraw dawn il-logħbiet deċiżivi. Dawn l-istess partitarji jridu jaraw dawn il-logħbiet eċitanti. Il-kowċis kollha jafu r-regoli tal-istaġun minn qabel u jridu jorganizzaw mill-aħjar li jistgħu dawn il-logħbiet deċiżivi. Min jirnexxielu jirbaħ il-play-offs tabilħaqq ikun jistħoqqlu li jsir champion. Tqis li fil-futur tilgħab mat-tim nazzjonali tal-waterpolo mmexxi minn Karl Izzo? Meta skorjajt fid-debutt tiegħi mat-tim nazzjonali ħassejtni ferħan se ntir. Dan kien mument fejn ħassejtni kburi bil-karriera tiegħi u ninsab grat lejn Karl Izzo li tani ċ-ċans naqta' xewqti. M'hemmx unur aktar milli tirrappreżenta lil pajjiżek fl-isport li tant tkun tħobb. Għandi relazzjoni tajba mal- kowċ u nwiegħdu li nkun dejjem disponibbli għas-selezzjoni Maltija. Issa ser nikkonċentra fuq it-tim ta' Marsaxlokk sabiex immur tajjeb magħhom matul dan l-istaġun. Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo? Għadni kemm iffirmajt kuntratt ta' erba' snin ma' Marsaxlokk għax naf li hu klabb ambizzjuż ferm. Ninsab kburi li nagħmel parti minn klabb kbir bħal dan u ninsab ħerqan biex ngħin lit-tim jikseb l-objettivi tiegħu. Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo. Il-waterpolo għallimni ħafna kif għandi nagħmel parti minn tim. Tani ħafna kunfidenza kif għandi nemmen fija nnifsi fil-ħajja tiegħi ta' kuljum. Għalija l-waterpolo mhux biss sport iżda wkoll stil ta' ħajja. Jekk tieħu dan l-isport bis-serjetà, jagħtik ħafna lura. 'Il-waterpolo tani ħafna kunfidenza kif għandi nemmen fija nnifsi' minn Cristian Antony Muscat Timmy Agius flimkien ma' Karl Izzo