Illum previous editions

ILLUM 3 November 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1181920

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 31

13 "Muscat jgħid li r-rapport eżonerah meta dan mhux minnu. Ma nstabux biżżejjed provi u l-firem ma jaqblux..." Jieqaf u jgħid li eżatt kif ħarġet l-allegazzjoni l-Prim Ministru mill- ewwel irrimarka dwar firem foloz jew li ma jaqblux. Qed jimplika li l-firem ġew iffalsifikati appposta biex id-dokument (declarataion of trust) jidher falz? "Ma nafx qed nistaqsi," jgħid Aquilina li jfakkar illi ħafna informazjoni baqgħet ma waslitx minn Dubaj, il- pajjiż marbut ma' 17 Black. 'Il-klijenteliżmu mhux illum beda imma dan il-Gvern qed jeċċella fih' Minkejja dan kollu u anke stejjer oħrajn (VGH, Gaffarena, Cafe Premiere ...) il-Partit Laburista baqa' popolari ħafna u baqa' jirbaħ l-elezzjonijiet b'maġġoranzi enormi. Kif jispjega dan? "Il-problema hija l-prattika oxxena tal-klijenteliżmu. Il-Gvern jużaha biex jibqa' jieħu l-kunsens tal-poplu filwaqt li jgħatti dnubietu," qal Aquilina. Imma kif jista' jkun li 40,000 maġġoranza tispjegaha biss bil- klijenteliżmu? "Il-klijenteliżmu mhux illum beda imma dan il-Gvern qed jeċċella fih ħafna, minn appuntamenti fl-isptar..." "Din il-mentalità, lin-nies tinżlilhom għasel, li jakkwistaw xi ħaġa meta dik ix-xi ħaġa hija dritt tagħhom," jgħid. "Jekk qabżuni għal operazzjoni ma nifhimx li forsi qed naqbeż lil xi ħadd li forsi għandu dritt u bżonn aktar minni?" Huwa qal ukoll illi fost sezzjoni tal- poplu hawn qtigħ ta' qalb, xi ħaġa li qal illi ma tgħinx biex il-Gvern jitlef l-appoġġ. Imma mhux qed isemmi l-Oppożizzjoni. L-Oppożizzjoni ma tinsabx f 'sitwazzjoni tajba, li jfisser illi hija parti mill-problema. X'għandha tagħmel? "Meta qed ngħidu li hawn dan l-abbuż kollu, importanti li n-nies jinżlu fit- toroq jipprotestaw. Irridu nikkonvinċu lin-nies biex ma jaqtgħux qalbhom u l-poplu għandu juri diżapprovazzjoni. X'jagħmlu l-partiti affari tagħhom, aħna qed nagħmlu attività kull xahar ... jekk ħaddieħor hux qed jagħmel dak li hemm bżonn ma nistax ngħid però r-realtà hija evidenti għal kulħadd." 'Daphne għenet ħafna iktar milli kemm hemm min jaħseb li tellfet' Mingħajr ma niġġeneralizzaw jew noffendu, nirrimarkaw illi ħafna minn dawk li jsegwu lill-Repubblika huma ġeneralment minn klassi soċjali partikolari u huma votanti Nazzjonalisti. M'hemm xejn ħażin f 'dan, iżda biex Repubblika tikber u l-għajta tkun aktar popolari hemm bżonn ukoll l-appoġġ ta' nies differenti, b'ideat u ħsibjiet dfferenti. L-idea li 'aħna bravi' u kull min jaqbilx magħna huwa 'ħamallu, injorant u korrott' ma tgħinx! Aquilina jammetti li s-sitwazzjoni kif spjegata mhix 'il bogħod, għalkemm jgħid ukoll illi fost dawk li jattendu l-attivitajiet tagħhom hemm nies li fl- 2013 ivvutaw lill-Partit Laburista. "Kuntenti? Żgur li le però għas- sena li ilna neżistu għamilna progress għalkemm għad fadal. Irridu li Repubblika tibqa', anke meta aħna ma nibqgħux fiha." Imma tagħtihom tort lil ċerta nies iħossu li għandhom jibqgħu lura milli jattendu u jkunu parti mill-messaġġ ta' Repubblika? Nies li jammettu u jafu li Caruana Galizia kellha stejjer tajbin u li heżżu lill-gvern, però mbagħad li ddejqu bl-element ta' klassiżmu u kważi mibegħda, anke kontra persuni komuni. Aquilina jfakkar f 'Carlo Alberto Dalla Chiesa, li kien maqtul flimkien ma' membri tal-familja tiegħu mill- mafja. Huwa jgħid li dan huwa meqjus eroj fl-Itaja, anke jekk darba nqabad li kien qiegħed fil-mażunerija li qajmet skandlu. "Dan ma jneħħix mill-fatt li huwa eroj," jgħid Aquilina. "Lil dawk li kienu jiddejqu bil-mod kif kienet tikteb Daphne, għandhom jew m'għandhomx raġun, jiena ngħidilhom li jaqblilhom jappoġġjaw l-għajta tagħna, anke b'mod egoistiku. Għandna bżonn aktar Daphnes f 'Malta għax huwa importanti li l-ġurnalist jesponi lill-politiċi, jekk hux Prim Ministru jew Chief of Staff, li jkunu korrotti." Huwa jgħid u jerġa' jappella illi Daphne għenet ħafna iktar milli kemm hemm min jaħseb li tellfet. 'Kienet iżolata mill-forzi politiċi kollha' Imma donnu hawn din l-idea, speċjalment fost ħafna segwaċi ta' Daphne, illi din bilfors xi ħadd mill- Gvern kien, Robert, inti x'taħseb? Kien xi ħadd mill-Gvern li qatilha? Huwa jgħid li jemmen li l-Gvern huwa responsabbli, "anke jekk dan ma jfissirx li nemmen li qatilha hu. Nemmen iżda li l-PL u l-Gvern għamluha aktar faċli li tinqatel, wara snin ta' demonizzazzjoni." Huwa jerġa' jagħmel paralleliżmu mal-mafja u jgħid illi l-mafja tiżola lil dawk li tkun trid tattakka. "Jiena nemmen li Daphne ġiet iżolata b'mod sistematiku. Kienu jsejħulha saħħara ..." Imma min iżolaha? Għal min qed jirreferi? "Kienet iżolata mhux biss mill-PL, imma mill-forzi politiċi kollha ta' Malta. Min qatilha għamel kalkolu taż-żmien," qal f 'referenza tal-fatt illi fiż-żmien li nqatlet kienet qed tiġi kkritikata fil-PN ukoll. 'Il-Gvern mhux jippermetti li l-investigazzjonijiet isiru bis- serjetà' Imbagħad jagħmel allegazzjoni pjuttost serja jekk mhux gravi wkoll. "Aħna nemmnu li l-Gvern mhux jippermetti li l-investigazzjonijiet isiru bis-serjetà." Infakkru li ħafna nies jgħidu li l-poplu m'għandux il-lussu joqgħod jagħżel il-maġistrat u l-pulizija li se jinvestiga, lussu li qed jakkużaw lill-familja ta' Daphne bih. "Hi ma kellhiex il-lussu tkun persuna normali..." Għaldaqstant, il-gazzetta tistaqsi, "imma l-Gvern fejn mhux qed jagħmel xogħlu sew?" "Kien hemm storja m'ilux fuq The Sunday Times li hemm suspett fuq negozjant. Ġie interrogat? Ma ġiex. Issemma intermedjarju. Ġie investigat? Ma ġiex. Kien hemm allegazzjoni li l-Ministru Cardona ltaqa' ma' wieħed mill-akkużati bil-qtil ta' Caruana Galizia. Ġie interrogat? Naf fiċ-ċert li ma kienx," jallega Aquilina. "Għalina dan huwa xokkanti. M'għandekx tagħmel distinzjoni bejn politiku u persuna oħra. Għalhekk nemmnu li l-affarijiet mhux qed isiru sew." U jerġa': "jiena ċert li m'hemmx rieda li jinqabad il-mandant," reġa' allega Aquilina. Imma din mhix stqarrija riskjuża li qed jagħmel? Issa jekk jinqabad il- mandant (u nisperaw f 'Alla li jinqabad) mhux ovvja li dan il-kliem se jiġi kollu għal wiċċu? "Ifhem, jiena nifhem li finalment se ssir ġustizzja, minkejja kollox," jgħid Aquilina li jerġa' jirrepeti illi b'dak kollu li għamel il-PM qed juri li ma jridx li l-mandant jinqabad. "Kważi kulħadd jirrikonoxxi li hawn korruzzjoni kbira imma ħafna jgħidu li m'hemmx mod ieħor. Dan huwa li qed nippruvaw inbiddlu aħna. Biex min għandu jħallas, iħallas." Intervista Il-Ħadd 3 ta' Novembru 2019 | illum 'Malta biex nesponu l-korruzzjoni' "Jiena ċert li m'hemmx rieda li jinqabad il-mandant... jiena nifhem li finalment se ssir ġustizzja, minkejja kollox" Ritratt: James Bianchi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 November 2019