Illum previous editions

ILLUM 3 November 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1181920

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 31

I l-Prim Minsitru ħabbar li wasal iż-żmien li dik li s'issa kienet diskussjoni magħluqa, fil-kabinett, tidħol fl-isfera pubblika u l-poplu jgħid tiegħu dwar l-estensjoni tal-edukazzjoni obbligatorja għal 17 jew 18-il sena. Kif mistenni, din id- dikjarazzjoni qanqlet ħafna diskussjoni, mistoqsijiet, dubji u nuqqas ta' qbil jew qbil kawt. Iddominat l-idea żbaljata li ż-żgħażagħ kollha, wara s-sekondarja, se jqattgħu sena jew sentejn oħra 'fuq il-bank tal-iskola'. Fil-kuntest ta' poplu li baqagħlu ħafna x'jaqdef biex jimmodernizza ruħu u jitgħallem joħloq, aktar milli jikkopja, jixtri u jservi, il-proposta tagħmel sens jekk l-esperjenzi kurrikulari offruti fiż-żmien miżjud ikunu robusti u jwasslu għal xogħol ta' kwalità jew aktar studju li jirrendi liż-żgħażagħ, personalment u soċjalment. F'dinja daqshekk kumplessa u għaġġelija fir-ritmu tat- tibdil, l-Istat għandu l-obbligu li jara li niesu ma jibqgħux joperaw b'ħiliet bażiċi nieqsa jew b'ħiliet li m'għadhomx relevanti għas-seklu 21. L-istatistika uffiċjali (Labour Force Survey) titkellem weħidha. 52% tal-ħaddiema tagħna għandhom livell baxx ta' ħiliet. B'dan ir-repertorju daqshekk fqir ta' ħiliet, id- destin ta' ħafna Maltin huwa x-xogħol prekarju; xogħol li diffiċli li wieħed joħroġ minnu meta jidħol fih. Is-sitwazzjoni fil-kamp tal-ħiliet preżenti se tkompli tippersisti jekk ma nħarsux lejn xenarju edukattiv li joħlom, li jistenna ħafna minn uliedna, li jenfasizza ħiliet intelletwali għoljin u li jinkoraġġixxi l-istimulu ta' għerf indiġenu, kreattiv u innovattiv; għerf li jissarraf f 'ħiliet li joħolqu, aktar milli jaqdu. Jekk dawn is- sentejn 'żejda' jidħlu f 'din il-loġika u f 'dan il-qafas ta' ħsieb dwar l-edukazzjoni m'għandix problema li naqbel u nappoġġja din l-inizjattiva. Nemmen li sentejn oħra obbligatorji, flimkien ma' 11-il sena ta' edukazzjoni ta' kwalità, li rridu nkomplu naħdmu biex noffruhom lil kulħadd bħala dritt bażiku, għandhom jiżguraw li l-qasam tax-xogħol jitgħanna b'ħiliet li jirrendu u li l-kultura demokratika tal-pajjiż tkompli tissaħħaħ. L-estensjoni taż-żmien għandha sservi ta' pont għal aktar edukazzjoni formali, kif qiegħed jiġri llum, jew pont dirett għad-dinja tax-xogħol, kif parzjalment qiegħed iseħħ ukoll illum. Jibqa' għan ieħor, l-irkuprar ta' żgħażagħ li ħarġu mis- sistema bla ħiliet u li numru minnhom se jkunu parti mill- istatistika ta' dawk li jitilqu mill-edukazzjoni jew taħriġ b'mod bikri. Hawnhekk, l-għadma hija ferm aktar iebsa. Dan għaliex hemm numru mhux żgħir ta' żgħażagħ f 'din il-kategorija li jisħtu l-mument li marru l-iskola, li għalihom l-iskola hija l-akbar għadu, li jħossu li ma ħadu xejn mill-iskola, li telqu mill-iskola b'memorji mill-aktar koroh u b'rabja, li ħalfu li qatt aktar ma jirfsu l-għatba ta' istituzzjoni edukattiva formali, li jiftakru t-tgħajjir, il-bullying, it-tinbix u d-daħq ta' sħabhom kemm damu l-iskola u, allura, ma jridux jerġgħu jgħaddu mill- istess passjoni. Żgħażagħ li m'għandhomx sabar joqogħdu bilqiegħda ġurnata wara oħra, jew li ma jifilħux għall-eżercizzji akkademiċi repetittivi, it-tagħlim bl-amment u l-istudju li jkejjel il-memorja. Żgħażagħ ittimbrati, li ftit sabu għajnuna meta kellhom bżonnha. Żgħażagħ mitluqin għal riħhom, abbandunati mis- sistema u mill-ġenituri. Uħud mill-istejjer ta' dawn iż-żgħażagħ inqabdu fl-istudji kwalitattivi tagħna. Vuċijiet ta' żgħażagħ li rari jinstemgħu iżda li jeħtieġ jittieħdu bis- serjetà qabel ma nagħmlu xi pass fid-direzzjoni li qiegħda tissemma. Żgħażagħ li wħud minnhom lanqas l-akbar inċentiv fiskali ma jġibhom lura lejn l-edukazzjoni formali. Żgħażagħ li, b'sopriża mill-isbaħ, sibnihom attivi fl-edukazzjoni informali, f 'taħriġ relatat max-xogħol jew f 'passatempi li jitolbu għerf u tagħrif tekniku. F'kuntest fejn se jkun hemm numru mhux żgħir ta' żgħażagħ li twerwru hekk kif semgħu bil-proposta tal-Prim Ministru, ma nistgħu qatt naċċetaw li s-sena jew sentejn tal-estensjoni jirrepetu l-11-il sena li fallew tant tfal. Aktar mill-istess ma tistax tkun għażla. Il-proposta trid timxi paripassu ma' investigazzjoni serja tas-sistema edukattiva tal-lum; studju komprensiv tas-sistema edukattiva li jgħarbel xi frott ħalliet in-nefqa fl-edukazzjoni, b'awditjar ta' kull inizjattiva li ttieħdet fil-qasam. Mingħajr din l-istampa ma nistgħux intejbu l-esperjenza obbligatorja ta' issa u nibnu sentejn li huma pont importanti għal aktar studju jew dħul fid-dinja tax-xogħol. Ma' dan il-pass investigattiv, u r-riflessjoni kritika, pubblika u trasparenti li ssegwi, jibdew jinbnew il-possibilitajiet konkreti ta' din l-inizjattiva. Hawnhekk, l-evidenza mibnija fuq esperjenzi barranin, flimkien mal-vuċijiet tal- imsieħba lokali għandhom iwasslu għal strateġija li sservi lill-istudenti billi toffri sena jew sentejn flessibbli biżżejjed biex toħloq xenarji multipliċi fejn iż-żgħażagħ jistgħu jkomplu b'mod tassew produttiv l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom. Mhux bilfors li kulħadd irid jattendi l-'iskola'. Hemm ħafna żgħażagħ li jistgħu jidħlu dirett fid-dinja tax- xogħol mis-sekondarja, u l-istudju jew taħriġ jagħmluh part-time, f 'postijiet differenti, inkluż il-post tax-xogħol, billi jattendu fiżikament jew b'mod virtwali. Possibilitajiet offruti minn entitajiet lokali kif ukoll minn istituzzjonijiet barranin, ibbażati Malta jew 'l hinn minnha. Inizjattivi edukattivi organizzati f 'istituzzjoni, jew meħuda personalment u akkredidati mill-awtoritajiet kompetenti. Daqshekk jista' jkun flessibbli x-xenarju edukattiv f 'din is-sena jew sentejn. Dawk li jimpjegaw liż-żgħażagħ dirett mis- sekondarja jridu jaċċettaw li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma prijorità għall- ħaddiema żgħażagħ tagħhom, u għandhom jagħmlu minn kollox biex isostnu kull sforz fid-direzzjoni ta' aktar edukazzjoni u taħriġ. Leġiżlazzjoni b'saħħitha f 'dan ir-rigward hija indispensabbli. L-għajnuna finanzjarja, permezz ta' fond nazzjonali li jwennes l-inizjattiva, għandu jgħin speċifikament liż-żgħażagħ li normalment ma jibqgħux fl-edukazzjoni u t-taħriġ. In-nefqa għal din l-inizjattiva mhix żgħira u l-bżonn għal aktar professjonisti speċjalizzati biex joffru servizzi lil żgħażagħ żvantaġġjati se tikber qatigħ. Filwaqt li nistqarr li ma qbiltx mal-għażla tal-kuntest tal-aħbar, u ħassejt li l-politiku għaġġel jagħti l-aħbar qabel ma kellu f 'idejh dettalji importanti li normalment wieħed jistenna ma' aħbar kbira bħal din, il-bxara reġgħet poġġiet lill-edukazzjoi fiċ-ċentru tad-diskussjoni pubblika. Malta diġà għandha l-qafas organizzattiv u strutturali biex tibni din l-inizjattiva. M'aħniex se nivvintaw ir-rota mill-ġdid. Din l-aħbar għandha sservi ta' mument ta' riflessjoni nazzjonali dwar l-istat tal- edukazzjoni u toffri possibilità ta' azzjoni konkreta b'risq uliedna u pajjiżna. Carmel Borg huwa Professur fl-Università ta' Malta 17 illum | Il-Ħadd 3 ta' Novembru 2019 Opinjoni L-edukazzjoni wara s-sekondarja... Dritt u obbligu ta' kulħadd CARMEL BORG L-Istat għandu l-obbligu li jara li niesu ma jibqgħux joperaw b'ħiliet bażiċi nieqsa jew b'ħiliet li m'għadhomx relevanti għas-seklu 21

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 3 November 2019