Illum previous editions

ILLUM 4 December 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/758490

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

W ieħed mill- missirijiet tal- filosofija moderna, Immanuel Kant għex ħajtu fil- belt prussjana ta' Konigsberg (Kaliningrad tal-lum li tagħmel parti mir-Russja). Kellu ħajtu arloġġ. Kien iqum kuljum fil-ħamsa ta' filgħodu u wara t-te, kien ipejjep il-pipa. Meta kien jgħallem, kien joħroġ mid- dar fit-tmienja ta' filgħodu bumm. Wara li jirritorna d-dar biex jikteb u jistudja, kien jieqaf fis-siegħa neqsin kwart sabiex jiltaqa' ma ftit ħbieb għall-ikel u jiddiskuti magħhom fuq il-politika, ix-xjenza u t-temp. Imbagħad fil-ħamsa ta' filgħaxija eżatt, kien imur jimxi waħdu. Dejjem kien jieħu l-istess triq, tant li din issemmiet il-mixja tal-Filosofu. Wara l-mixja, kien jerġa' jaqra sal-għaxra ta' bil-lejl u wara jmur jorqod. Ħajtu tant kemm kienet metodika, li l-abitanti ta' Konigsberg kienu jirregolaw l-arloġġ tagħhom skont il-movimenti tiegħu. Skont il-leġġenda, darbtejn biss ma ħariġx jimxi fil-5pm: darba biex jixtri kopja ta' Émile ta' Rousseau u darb'oħra meta waslet l-aħbar tar- Revoluzzjoni Franċiża u ried isir jaf aktar. Min jaf kieku Kant kien jgħix illum, kemm- il darba ma kienx joħroġ jimxi fil-5pm? Frankament, minkejja li jidher li għaddejjin minn żmien inċert b'ħafna taqlib, niddubita kemm fil-fatt qed jiġru avvenimenti li jimmeritaw li l-filosofu ma jmurx għall-mixja tas-soltu tiegħu. Sar ħafna diskors dwar il-vot tal-Brexit u l-elezzjoni ta' Trump imma ma nafx kemm fil-fatt dawn huma avvenimenti daqshekk epokali. Fil-pront jiġini f 'moħħi dak il-qawl franċiż, Plus ça change, plus c'est la même chose, aktar ma jinbidlu l-affarijiet, aktar kollox jibqa' l-istess. Probabbilment, din hija eżaġerazzjoni u fil-fatt jinbidlu affarijiet imma mhux bil-mod radikali li bosta jkunu qed jistennew. Dan diġà bdejna naraw fil-proċess tal-Brexit li r-Renju Unit mhix kapaċi taqta' r-rabtiet tagħha mal-Unjoni Ewropea bil-mod kliniku u ta' malajr li min kien favur il-Brexit ried. Bosta huma dawk li jaħsbu li l-Unjoni Ewropea qiegħda fix-xifer tal-irdum u li ma ddumx ma tikkrolla. Wara l-Brexit issa qed jistennew li l-vot tal-lum fl-Italja kif ukoll l-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla fi Franza, fl-Olanda u fil-Ġermanja se jaċċelleraw ix-xoljiment tal-Unjoni. Niddubita ferm kemm dan jista' jiġri, fil-fatt għalkemm il- kawtela tagħti parir li wieħed qatt ma jkun kategoriku. Ħafna drabi n-nies jivvutaw minħabba raġunijiet ferm personali. M'hemmx dubju li l-vot dwar il-Brexit kien fil-maġġorparti vot kontra l-mod ta' tmexxija ta' Londra u l-perċezzjoni li r-Renju Unit kien qed titgħabba b'wisq immigranti u qajla dwar ir-regolamenti u d-direttivi li joħorġu minn Brussell. U l-istess jidher li ser ikun il-każ fir-referendum kostituzzjonali Taljan li qiegħed isir illum li qed jispiċċa bħala plebixxit fuq it-tmexxija ta' Renzi. Jekk dan hux sew, ma nafx. Jidher li Renzi rabat il-futur politiku tiegħu mal-approvazzjoni ta' dan il-pakkett kostituzzjonali u ddikjara kemm-il darba li jirriżenja jekk ma jgħaddhiex. Fil-fatt, ikkampanja bis- sħiħ sabiex l-elettorat Taljan japprovah. Madankollu, l-istħarriġ tal-opinjoni ma tantx hu tant ta' konfort għalih. Imma kif kulħadd jaf, hu l-vot li jgħodd, mhux l-istħarriġ tal-opinjoni. Tajjeb li wieħed jiċċara ftit affarijiet. Dan mhux referendum abrogattiv li jrid jivvota nofs l-elettorat biex ikun validu. Dan hu referendum kostituzzjonali sabiex ikunu approvati bidliet kostituzzjonali peress li ma għaddewx bil-vot ta' żewġ terżi miż-żewġt ikmamar tal-Parlament. Anke jekk jivvutaw nofs tużżana min- nies, ikun validu. U fil-fatt, ħadd mhu qiegħed jipproponi l-astensjoni. F'dan ir-referendum, it- Taljani se jintalbu japprovaw bosta bidliet radikali għall- kostituzzjoni Taljana imma l-aktar waħda importanti hija r-riforma tas-Senat. F'dan il-vot, il-ħares ta' Benito Mussolini qiegħed jilgħab parti importanti. Dan peress li l-kostituzzjoni Taljana ta' wara l-gwerra kellha bħala għan prinċipali li ma tirrepetiex ruħha l-esperjenza ta' għoxrin sena ta' tmexxija dittatorjali bħalma kienet dik tal-partit faxxista. Oriġinarjament, il-ħsieb tal-Assemblea Kostitwenti kien li jiġi abolit is-Senat tar- Renju li kien pjuttost jixbaħ il-House of Lords, innominat esklussivament mir-Re minn fost diversi kategoriji differenti u li ma kienx jagħti l-fiduċja lill-gvern. Is-Senat tar-Renju kien sar istituzzjoni ferm marġinali taħt ir-reġim faxxist għalkemm qatt ma ġie abolit. Madankollu, l-Assemblea Kostitwenti eventwalment iddeċidiet li minfloku toħloq is-Senat tar-Repubblika maħtur fuq bażi reġjonali, ħlief għal ftit senaturi ta' nomina presidenzjali bl-istess poteri tal-Kamra tad-Deputati. L-Italja huwa wieħed mill- ftit pajjiżi fid-dinja li għandu l-bikameraliżmu perfett, biż-żewġt ikmamar tal- Parlament ikollhom poteri identiċi. Minħabba f 'hekk, il-proċess leġiżlattiv huwa spiss twil iżżejjed għaliex jekk liġi tinbidel f 'kamra, trid terġa' tinbidel fil-kamra l-oħra qabel ma tintbagħat għand il-President li jista' dejjem jerġa jibgħatha lura sabiex tiġi rikunsidrata. Barra minn hekk, il- kostituzzjoni ġiet iddiżinjata b'mod tali li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru Taljan hi dgħajfa. Ministru propost mill-Prim Ministru għall- kabinett, irid jiġi approvat mill-President. Meta Berlusconi ried jaħtar lill- avukat tiegħu Cesare Previti bħala ministru tal-ġustizzja fl-ewwel gvern tiegħu, il-president Oscar Luigi Scalfaro oġġezzjona u nħatar minflok ministru tad-difiża. Probabbilment kien diġà sema' ħafna stejjer fuqu u fil-fatt, Previti eventwalment spiċċa l-ħabs minħabba li kien xtara mħallef biex sentenza tal-qorti tinqata' favur Berlusconi. Barra minn hekk, Prim Ministru Taljan ma jistax ikeċċi Ministru mill-kabinett. Problema oħra tas-sistema Taljana hija li bis-sistema elettorali preżenti, is-Senat jinħatar fuq bażi reġjonali mentri fil-Kamra tad-Deputati min iġib maġġoranza relattiva tal-voti jieħu premju tal- maġġoranza biex ikollu maġġoranza tas-siġġijiet. B'hekk, faċli jkollok riżultat elettorali li tagħti maġġoranza mod fil-Kamra u oħra fis- Senat. Ġara hekk fit-tieni gvern ta' Prodi meta l-Ulivo ġab għoxrin elf vot aktar mill-koalizzjoni ta' Berlusconi fl-elezzjoni tal-Kamra u anke fl-aħħar elezzjoni meta l-partit Demokratiku ta' PierLuigi Bersani ma rnexxielux iġib maġġoranza fis-Senat. Illum, Renzi jirnexxielu jmexxi għax għandu l-appoġġ ta' bosta senaturi li telgħu ma' Berlusconi imma llum qegħdin ma' Alfano u Verdini li spiċċaw jappoġġjaw lil Renzi. Bir-riforma proposta, is-senat tar-Repubblika ser jinbidel radikalment. Fil- preżent, is-Senat hu magħmul minn 315-il senatur eletti mir-reġjuni u mit-Taljani li jgħixu barra mill-Italja. Hemm ukoll erba' senaturi maħturin għal ħajjitħom mill- President kif ukoll il-President emeritu Napoletano. Jekk jgħaddi r-referendum, is- Senat mhux ser jibqa' jiġi elett direttament mill-poplu imma jkun kompost minn wieħed u għoxrin sindku u erba' u sebgħin kunslier reġjonali u ħames senaturi maħturin mill-President. Barra minn hekk, is-Senat mhux ser jibqa' jilleġiżla ħlief fuq materji kostituzzjonali. Fir-rigward tal-leġislazzjoni ordinarja, is-Senat ikollu rwol biss jekk terz tas-Senaturi jitolbu li abbozz tal-liġi diġà approvat fil-Kamra jiġi rivedut. F'dak il-każ, is-Senat ikollu ċans ta' xahar sabiex jirrevedi l-abbozz u jibagħtu lura lill-Kamra li jkollha l-kelma tal-aħħar. Barra minn hekk, jekk ir- riforma proposta tgħaddi, is-Senat mhux se jibqa' jivvota l-fiduċja lill-gvern u lanqas japprova l-liġi finanzjarja (il- baġit). Din ir-riforma kostituzzjonali qasmet kemm il-klassi politika kif ukoll l-opinjoni pubblika. Barra Renzi u l-maġġorparti tal-partit Demokratiku, il- president Napoletano u l-eks prim ministru Prodi ħarġu favuriha bit-tama li l-Italja ssir aktar faċli biex tiggvernaha. Madankollu, minoranza fil- partit Demokratiku mmexxija mill-eks segretarju Pier Luigi Bersani u l-eks prim ministru Massimo D'Alema huma kontrieha. Kważi l-kostituzzjonalisti kollha inkluż żewġ presidenti emeriti tal-Qorti Kostituzzjonali, Gustavo Zagrebelsky u Valerio Onida, kif ukoll l-eks Kummissarju Ewropew u eks Prim Ministru Mario Monti huma kontrieha. Il-biża' ta' min hu kontriha l-aktar ġej minħabba l-liġi elettorali approvata fl- 2015. F'kull kostitwenza, il-votanti jivvutaw għal-lista proposta mill-partiti f 'mitt ċirkoskrizzjoni u jistgħu biss jesprimu żewġ preferenzi. Min ikun fl-ewwel post tal-lista jiġi elett jekk il-partit tiegħu jirbaħ biżżejjed voti u jaqbeż 3% tal-voti nazzjonali. Id-deputati l-oħrajn jinħatru skond il- preferenzi tal-votanti. Barra minn hekk, il-partit li jġib tal- anqas 40% tal-voti, jakkwista 54% tad-deputati. Jekk l-ebda partit ma jilħaq 40% fl-ewwel round, isir round ieħor bejn l-aktar żewġ partiti li jkunu ġabu voti ħalli min jirbaħ minnhom jieħu l-premju ta' maġġoranza. B'din is-sistema, jista' jkollok gvern anke b'xi 20% tal-voti jekk l-assenteiżmu jkun qawwi. U dan ifisser ukoll li t-triq għal xi mexxej populista bħal Beppe Grillo ser issir aktar faċli għax mhux ser jibqa' l-kontra-piż ta' Senat li jikkontrolla l-proċess demokratiku. Renzi kkonċeda li l-liġi elettorali, imlaqma l-Italicum trid tinbidel u hemm ċans tajjeb li l-Qorti Kostituzzjonali tiddikjaraha li mhix kostituzzjonali kif kienet iddikjarat il-liġi ta' qabilha, l-hekk imsejħa Porcellum. Il-mistoqsija li tqum hi għala ma biddielhiex qabel ir- referendum. Jidher li Renzi qed jistenna l-esitu tal-vot tal-lum ħalli jara u jiddeċiedi x'ser tkun l-aħjar sistema elettorali li tagħtih vantaġġ fuq il-Moviment 5 Stelle li qiegħed ras imb'ras mal-Partit Demokratiku fl-istħarriġ tal- opinjoni. F'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, l-Italja batiet ħafna biex twettaq bosta riformi li kienet teħtieġ f 'kull qasam. Madankollu, din hi riforma perikoluża li tista' timmina s-sinsla tal-istat demokratiku. Għalkemm il-bikameraliżmu perfett jeħtieġ jiġi superat, jidher li l-poteri tas-Senat tnaqqsu b'mod wisq drastiku. Tant li hemm min jgħid li aħjar ġie abolit. Imma l-aktar ħaġa nkwetanti hija l-liġi elettorali li biex tiżgura l-governabbiltà tagħti wisq poter lis-segretarji tal-partiti u ma tirrispettax ir-rieda populari. Ikun x'ikun l-esitu tal-vot, l-Ewropa mhix ser tispiċċa u kulħadd jista' jibqa' jieħu l-mixja li s-soltu jieħu. illum | Il-Ħadd 4 ta' Diċembru 2016 Opinjoni 18 Il-mixja tas-soltu AĦBARIJIET ONLINE .COM.MT JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 4 December 2016