Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/776049
Aħbarijiet 7 Il-Ħadd 22 ta' Jannar 2017 | illum Thursday TVM 20:50 'Ir-razziżmu ma nesperjenzahx daqshekk f 'ħajjitna' Veru li l-Maltin razzisti? L-ILLUM titkellem ma' żewġ ġenituri adottivi ta' tfal Etjopjani , Marco Cremona u Maria Borg Vella Minn Albert Gauci Cunningham MHUX neċessarjament faċli li tadotta t-tfal, u probabbilment tinstema' iktar ta' sfida li tadotta tfal mill-Etjopja. F'soċjetà aktar virtwali, fejn kulħadd jista' jgħid dak li jħoss instantanjament u fejn il-veduti xenofobiċi għandhom l-akbar sors biex jiġu mwassla, kemm hi diffiċli li jkollok tfal li huma ta' karnaġġjon skur? Fil- ħajja ta' kuljum, il-ġenituri ta' dawn it-tfal vera li jiltaqgħu ma' sentiment, xi kultant qawwi ħafna, ta' razziżmu? L-ILLUM tkellmet ma' Marco Cremona u Maria Borg Vella, ġenituri adottivi ta' tfal Etjopjani, dwar l-esperjenza tagħhom u ta' żewġhom/marthom fit-trobbija ta' tfal ta' karnoġġjon skur. Minkejja li s-sentiment xenofobiku jista' jkun xi drabi amplifikat, Cremona jwissi kontra element ta' paranojja. "Kien hemm inċidenti, mela, f 'dawn l-aħħar sitt snin u li jikkonċernaw lil uliedi. Imma trid toqgħod attent li ma taqax f 'ċerta paranojja. Jekk it-tfal tiegħek qed jilagħbu waħedhom fl-iskola, mhux neċessarjament ifisser li huwa riżultat ta' razziżmu. Darba kellna t-tifla fil-pushchair bil-pigtails u kien hemm tifel li qal lill-ommu, 'look mummy a teddy bear'. Allura dak se ngħid li hu razziżmu?" Cremona jiftakar li kien hemm każ partikolari ta' tgħajjir fil- konfront ta' wieħed minn uliedu, "wara li aċċertajna li dan kien każ ta' tgħajjir preċiżament minħabba l-karnaġġjon ta' binti, ġbidna l-attenzjoni tal-iskola. U ħadu azzjoni." Cremona jaċċerta li l-każi li ltaqgħu magħhom u li kienu jinvolvu razziżmu kienu ftit u iżolati, "jien darba saħansitra kien hemm persuna li tefgħatni fuq 'lista ta' għedewwa tal-pajjiż' għax addottajt lil uliedi, imma altru minn hekk, fil-ħajja ta' kuljum ma nħossux dan ir-razziżmu fuqi jew fuq uliedi. Jista' jkun, biex inkun għidt kollox, li dan hu minħabba li t-tfal tiegħi għadhom żgħar." Ma' dan is-sentiment taqbel perfettament Maria Borg Vella, li bħal Cremona għandha żewġt itfal, tifel u tifla, it-tnejn mill-Etjopja. "Iva, naqbel mas-sentiment ta' Cremona. Aħna ma nħossux ċertu sentiment ta' razziżmu li huwa espress f 'dak li naraw tul ħajjitna kuljum, imma," qalet Borg Vella li tagħmel l-istess punt ta' Cremona qabilha li "jista jkun li dan għax għadhom tfal." "Nispera li sejra ħażin, imma naħseb li meta jitfarfru u joħorġu mill-konfini tal-komunità fejn ngħixu, jistgħu jiffaċċjaw il- problemi. Ma naħsibx li l-affarijiet jibqgħu mexjin daqshekk ħarir." Minkejja li Borg Vella ssemmi inċident partikolari fil-bandli fejn żewġha Victor ġie akkużat li "mlew lil Malta bis-suwed," sostniet ukoll li, "s'issa u ġeneralment l-esperjenza tiegħi, ta' Victor u ta' Victoria u Craig kienet waħda mill-aktar pożittiva," sentiment li Cremona jaqbel miegħu perfettament. Dwar il-proċess tal-adozzjoni, Cremona ma jaqbilx ma' bosta nies li jaraw dan bħala xi 'att ta' karità'. "Aħna ma salvajniex lil uliedna, u nappella lil kull min se jadotta biex ma jiħux jew ma jżommx ma' dik il-linja ta' ħsieb għax tista' tkun perikoluża.' Hu jaċċerta wkoll lil din il-gazzetta li kieku kellu l-għażla li jadotta llum, b'aktar għażliet milli kien hemm sitt snin ilu xorta jagħmel l-istess għażla. 'L-ewwel nett, aħna dejjem xtaqna li nadottaw tarbija u t-tieni nett aħna qatt ma kellna problemi b'persuni ta' karnaġġjon differenti.' Il-familja Vella maż-żewġ uliedhom Victoria u Craig Il-familja Cremona maż-żewġ uliedhom Ritratt: Roger Azzopardi