Illum previous editions

illum 29 October 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/893953

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 35

5 Il-Ħadd 29 ta' Ottubru 2017 | illum Aħbarijiet Kulħadd jaqbillu li jissolva fuqu kull forma ta' suspett, akkuża, dubju jew konspirazija li jtaqqluh u jkompli għaddej bl-aġenda governattiva. Naturalment jibqgħu mistoqsijiet leġittimi dwar jekk il-Gvern għamilx biżżejjed u wettaqx biżżejjed biex jikkumbatti ċerta tip ta' traffikar u kriminalità, imma dwar il-qtil innifsu jkun hemm konklużjoni. Iktar kemm il-qtil ikun 'il bogħod u lil hinn mill-politika, anqas ikunu r-riperkussjonijiet politiċi. Delia: Iddur fejn iddur se joħroġ id-demm Minkejja r-riperkussjonijiet li jista' jkollu dan il-każ fuq il-Gvern, il-qtil ta' Caruana Galizia seħħ fi żmien sfortunat ħafna għall-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Minkejja li l-akkużi li saru fil-konfront tiegħu ma tantx issemmew fil- midja internazzjonali, Caruana Galizia ippublikat allegazzjonijiet gravi fil- konfront ta' Delia. Akkużatu li kellu kont f 'Jersey, xi ħaġa li hu qatt dejjem ċaħad u agħar minn hekk allegat li dan il- kont kienu qed jgħaddi minnu qligħ minn prostituzzjoni li għaddejja f 'Londra. Dan apparti li Caruana Galizia ta' sikwit poġġiet l-integrità ta' wħud min-nies madwar Delia fid-dubju, akkużat lil wħud minn dawk madwar Delia li kienu jmexxu briedel u li kienu jmexxu ċrieki ta' prostituzzjoni. Dan kollu jpoġġi lil Delia taħt mhux 'il fuq mid-dell tas-suspett, anke jekk għal darb'oħra jista' jkun suspett kompletament infondat. Il- Kap tal-PN mhuwiex 'il fuq mid-dubju u fil-verità jekk il-każ ma jkunx solvut il-każ jibqa' mdendel fuq rasu wkoll. Għax jekk se jitqajmu suspetti fuq Gvern li Caruana Galizia dejjem fittxet li tqatta' f 'elf biċċa, se jitqajjem suspett ukoll fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni li Caruana Galizia għamlet prattikament kampanja qawwija waħedha kontrih. Dan ifisser li r-riperkussjonijiet fuq Delia huma gravi wkoll. U f 'somma politika ta' dubji fuq iż-żewġ mexxejja politiċi, ir-rebbieħ eventwali probabilment ikun Muscat. Il-ftira sħuna tajba... Il-politika ma fihiex diplomazija u l-kalkoli li jsiru, jsiru fil-ħin propizju. Il-fatt li Delia ma setax ikun preżenti għad-dimostrazzjoni ta' nhar il-Ħadd li għadda għax probabilment beża' li se jkollu swaba' ppuntati lejh minn numru ta' persuni, jekk mhux mill-familja Caruana Galizia wkoll, xegħlet ħafna bozoz. Bosta fil-PN li ħadmu kontra Delia u li akkost ta' kollox ma jriduhx imexxi lill-istess partit, minkejja kull riżultat li kiseb permezz tal-vot, ħadu l-opportunità. Il-ftira sħuna tajba... Fil-fatt din il-ġimgħa u sakemm kien qed jinkiteb dan l-analiżi jidher illi x-xquq saru konsenturi u li hemm ribelljoni interna sħiħa b'uħud mid-Deputati Nazzjonalisti lesti biex jagħtu daqqa ta' sieq 'il barra lil Delia. Fil-forma ta' ġbir ta' firem mid-Deputati, jekk tibqa' għaddejja din l-'inizjattiva' apparti li hija bla preċedent, tista' tkun l-ewwel żvilupp politiku drammatiku fil-kuntest tal-qtil ta' Caruana Galizia. Iddur kif iddur magħha dawn l-iżviluppi jistgħu litteralment iġibu lill-PN għarkopptejh. Jew Delia jċedi u jkollu l-aktar ħruġ inglorjuż ta' kwalunkwe mexxej lokali. Jew inkella żżomm sod u timmaterjalizza t-theddida ta' uffiċjal għoli tal-PN illi jittieħdu passi kontrihom u jitkeċċew mill- partit. F'liema każ jifforma t-tielet grupp politiku fil- Parlament. Iddur kif iddur, jidher illi l-ewwel vittma politika fil- kuntest tal-qtil ta' Caruana Galizia jista' jkun Adrian Delia, li fir-realtà mhux qiegħed fl- aħjar pożizzjoni politika biex jiġġieled il-battalja ta' Daphne Caruana Galizia. Ir-riperkussjonijiet fuq il-PN, definittivament f 'termini immedjati huma pjuttost miżerabbli. Anke jekk min qed idur għal Delia għandu intenzjonijiet tajbin, mossa politika bħal din tista' tkun fatali għal partit. Il-Kummissarju tal-Pulizija: L-investigazzjoni tħoll u torbot Fil-lenti matul dawn l-aħħar jiem kien hemm il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Minkejja li fost bosta fil-Korp huwa rispettat, Cutajar huwa kollox imma mhux persuna tal-midja. Dan ifisser li għandu problema serja fil-mod kif jikkomunika mal-mezzi tax-xandir, bir- riżultat li ma jgħin xejn fil- messaġġ li jkun irid jgħaddi. Ir-riperkussjonijiet fuq il-Kummissarju naturalment se jvarjaw. Caruana Galizia kienet kritika ħarxa tal- Kummissarju kif kien u għadu l-PN. Uħud mill-mumenti xejn glorjużi tal-Kummissarju preżenti jinkludu l-famuża ikla (fenkata) mal-ħbieb waqt li Caruana Galizia kienet għadha kif ippubblikat allegazzjoni serja ħafna illi mart il-PM kienet is-sid tal-kumpanija fil-Panama, Egrant u li ntuża bank f 'Malta (Pilatus) biex allegatament għaddew $1 miljun fil-kont. Intefgħu wkoll dubji fuqu fir-rigward rapport tal-FIAU u kif il-Pulizija ddeċidiet li ma tipproċedix. Il-Kummissarju preżenti, biex tkompli tgħaxxaq, jiġi wara erba' kummissarji oħrajn. Il-bidliet li saru fit-tmexxija tal-Korp, tant bidliet fi żmien qasir apparti tliet bidliet fil-Ministru, ikkumplikaw aktar l-affarijiet . Filwaqt li lokalment u anke barra minn pajjiżna, kulħadd xegħel b'din it-traġedja, ħafna mill-membri tal-midja stennew li l-Pulizija titkellem u tinforma lill-midja dwar, pereżempju, x'ġara eżatt jew x'kienu l-ewwel indikazzjonijiet fil-Bidnija. Minflok, xejn għal tlitt ijiem. Fil-verità din hija prassi illi l-Pulizija jidher li qed timxi biha, kemm ilu Cutajar bħala Kummissarju. Imma l-midja għandha dritt tkun taf, jew għallinqas tkun taf il-bażiku ta' każ daqstant sensittiv. Ma tistax tippretendi li żżomm lill-midja fid-dlam, imbagħad (sopra corne bastonata) tħares lejha bl-ikrah għax tagħmel xogħolha u tindaga. L-akbar, jekk mhux l-unika, tama tal- Kummissarju li r-riħ idur favurih huwa li fil-fatt dan il-każ mill- aktar diffiċli jkun solvut. Jekk jiġri hekk, il-mistoqsijet dwar l-attitudni tiegħu lejn il-midja minkejja li jibqgħu rilevanti, isiru inqas sinifikanti jew għallinqas ikunu f 'kuntest iktar ċar. Jekk ikun solvut dan il-każ, xi ħaġa li ħafna qed jaraw bħala diffiċli, tkun l-akbar bidla fil-fortuna għall-Korp tal-Pulizija u għall-Kummissarju li jmexxih. Jekk le, bħal fil-każ ta' Muscat u Delia, jibqgħu d-dubji u l-mistoqsijiet. U s-swaba' jibqgħu ppuntati lejn il- Kummissarju bl-akkuża li ma kienx proattiv u kompetenti biżżejjed. Il-midja li magħha ma tantx bena pontijiet tiftaħ iktar il-kanuni fuqu u l-futur tiegħu fit-tmexxija tal-korp ikun serjament mċajpar. L-immaġini ta' pajjiżna; għall- magħmul ftit hemm kunsill Każ solvut jew le, l-immaġini ta' pajjiżna ħadet daqqa kerha. L-aħbar inxterdet mal-erbat irjieħ. BBC, CNN, Euronews, l-aħabarijiet Taljani. Insomma llum bil-Facebook u l-midja soċjali l-aħbar tiġri ħafna iktar malajr. Żmien li xi ħadd isiefer barra b'xi Malta Files ilu li ndifen. Ir-riperkussjonijiet inħassu mill-ewwel, kienu instantanji. Minkejja l-gravità tal-każ tpinġiet stampa xejn pjaċevoli ta' pajjiżna, fosthom ta' pajjiż riesaq lejn dittatorjat fuq l-istess forma tal-Gvern Tork li jmexxi Erdogan. Bosta ħadu l-opportunità biex jaqbżu fuq bosta miżuri u/jew suċċessi li kiseb il-pajjiż f 'ċerti oqsma, primarjament l-iskema tal- Passaport u l-movimenti ta' flus lejn pajjiżna permezz tal- gaming. Dawn flimkien mas- sitwazzjoni tal-kriminalità madwarna taw ir-riħ fil-qala lil min ried isejjaħ lil Malta stat tal-mafja u lil min ilu biex jagħti l-aħħar daqqa lil setturi ekonomiċi ta' pajjiżna. Ir-riperkussjonijiet hawnhekk jistgħu jkunu gravi għax huma politiċi u ekonomiċi. Hawnhekk se jkollu jkun il-Gvern li jidħol b'qawwa biex jassigura lill- investituri li l-pajjiż għandu mhux biss sistemi legali u approvati imma wkoll li hemm, jew li se jkun hemm, sistemi rigorużi li jaċċertaw illi Malta ma tkunx ċentru minn fejn kriminali jaħslu flushom. Fil-verità hawn jistgħu jkunu l-akbar riperkussjonijiet tal-qtil ta' DCG. U hawn huwa fejn il- Gvern se jkollu jaħdem qatigħ, għax qed nitkellmu dwar postijiet tax-xogħol, dħul għall-pajjiż u isem Malta bħala post fejn tista' tinvesti. Għall-magħmul m'hemmx kunsill, għall-futur hemm ħafna xi jsir.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 29 October 2017