Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1008887
illum | Il-Ħadd 29 ta' Lulju 2018 G ħaddiet ġimgħa minn mindu l-montatura Egrant u dwar il-familja Muscat infaqgħet f 'wiċċ il-Partit Nazzjonalista. Għadni qed nistenna lill-protagonisti ta' din il-kalunja jġorru r-responsabiltà għal għemilhom. Imma n-nies li dejjem pinġew lilhom infushom bħala x-xempju tar-retezza u l-governanza tajba, ewlieni fosthom Simon Busuttil li għamel tiegħu din il-kalunja, lanqas l-aktar ħaġa bażika li jġorr responsabiltà għal għemilu mhu lest jagħmel. Anke, meta Adrian Delia, illum kap ta' Simon Busuttil, ordna li jiġi sospiż bil-Kunsill Amministrattiv jappoġġja b'mod unanimu din id- deċiżjoni, ma ħass li għandu jammetti l-iżball li għamel. Dan kollu ġegħelni naħseb dwar kif nies bħal Dr Busuttil u esponenti tal-Partit Nazzjonalista fl-Unjoni Ewropea u anke internazzjonalment għamlu ħsara kemm felħu lil Malta matul l-aħħar xhur u snin u ma ddejqu xejn jirrepetu gidba u litteralment jagħmlu vendikazzjoni minn pajjiżna u l-Maltin u l-Ghawdxin. Kieku kienu rġiel u nisa biżżejjed, u li kieku verament għandhom għal qalbhom ir- reputazzjoni ta' Malta, kieku f 'dawn l-aħħar jiem konna narawhom jibdew jaħdmu biex ipattu għall-ħsara li għamlu. Minflok hemm minnhom li jidhru akkaniti aktar minn qatt qabel biex ikomplu għaddejjin b'din il-ħsara forsi jsalvaw ġildhom. Bħala Maltija, l-ewwel u qabel kollox, u bħala omm li rrid li wliedi jkollhom l-aħjar futur f 'Malta stess, ma nista' naċċetta qatt lil min jagħmel ħsara lil pajjiżi, aktar u aktar meta jkunu Maltin stess li għandhom responsabiltà politika xi jġorru. Aħna umani. U niżbaljaw. Iżda din is-saga mhix żball. Mhix kwistjoni ta' ġudizzju tajjeb jew le. Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista u l-esponenti tiegħu rikbu fuq dokumenti foloz. U rikbu fuq dokumenti foloz fil-mument li lanqas biss riedu jagħtu l-benefiċċju tad-dubju. Fil- mument li ma stennewx għall- konklużjonijiet tal-inkjesta - li ntalbet mal-mument li faqqgħet l-allegazzjoni - iżda marru jxandruha mal-erbat irjieħ u jfesfsu f 'widnejn in- nies. Għamlu l-allegazzjoni tagħhom fit-tweets jgħajtu "barra! barra!" Ma ddejqu xejn matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa jitfgħu l-botti u jistaqsu "ta' min hi Egrant?" Biex jaħtaf il-poter, Simon Busuttil niżżel lin-nies fit-toroq. Bena kampanja elettorali sħiħa fuq kalunja, fabrikazzjoni, frame-up politiku. Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo jħobb jgħid: "Nies li jobogħdu lill-Partit Laburista aktar milli jħobbu lil pajjiżna jagħmlu ħafna ħsara." Għal min ried joħloq instabbiltà politika, raw u semgħu dak li kien idoqq għal widnejhom. Mill-inkjesta ħareġ li l-bażi ta' din l-allegazzjoni kienet dokumenti foloz. Falsifikazzjoni ta' evidenza. Gideb. Kif qal il-Maġistrat Aaron Bugeja, mitt suspett li ma sawrux prova waħda. X'kienet is-suppost evidenza? Is-safe fil-kċina li seta' kien safe jew filing cabinet. Bagalja ffilmjata minn NET TV fejn riedu jagħtu x'jifhem li nħarġet evidenza importanti bl- inkjesta iżda tikkonferma li ma nħarġu l-ebda dokumenti. L-allegat titjira lejn Baku, fl-Azerbaijan, li spiċċat kienet titjira bla passiġġieri għax kien hemm talba għal titjira minn Baku għall-Dubaj u l-ajruplan f 'Malta nzerta kien l-eqreb biex iwassal ħames passiġġiera. Il-famużi miljun dollaru li suppost għaddew f 'kont fil- Bank Pilatus - tranżazzjoni li qatt ma eżistiet. Id- dokumenti li suppost kellhom jiċċertifikaw li Egrant kienet ta' Michelle Muscat u kienu fi 'cloud'- cloud li Maria Efimova tiċħad. L-inkjesta tal-Maġistrat toħroġ nuqqas ta' qbil u inkonsistenzi fix- xhieda ta' Daphne Caruana Galizia, Maria Efimova u Pierre Portelli. Għal xhur sħaħ, din il- kalunja għaddiet lil pajjiżna u lill-familja Muscat minn martirju. Ħa nitkellem dwar il-ħsara li rajt issir quddiem għajnejna fil-Parlament Ewropew, b'David Casa fuq quddiem nett irewwaħ u lil dawk li llum iriduna nagħlqu ħalqna. Lit-Times of Malta, li fl- editorjal tagħha tgħid li jien vendikattiva, ngħidilhom li m'għandhom l-ebda idea kif tkun vendikazzjoni lejn pajjiż u niesu. Kif tkun vendetta minn nies li ma jistgħux iniżżluha li ma għadhomx fil-Gvern. Għalhekk mhux se nagħlaq ħalqi. Għax il-ħsara li saret lil pajjiżna mhix se titlaq kif ġib u laħaq. Għalhekk jien bdejt billi iva, nemmen li r-rwol ta' Simon Busuttil fil-bord ta' esperti li jevalwaw ġudikatura fil-Qorti tal- Ġustizzja Ewropea mhix tenibbli. Ktibt lill-Membri tal-Parlament Ewropew, speċjalment dawk li jiffukaw fuq kwistjonijiet tas-saltna tad-dritt, biex ninfurmahom b'dak li sab il-Maġistrat. Dawn il-fabrikazzjonijiet ħallew impatt fuq Malta anke f 'aspetti fejn jidħlu s-setturi tas-servizzi finanzjarji u t-tassazzjoni. Għalija l-prijorità hi li nipproteġu dawn is-setturi u l-impjiegi tal-Maltin f 'pajjizna. Lill-MEPs bħal Ana Gomes li trid tattakka lil pajjiżna fuq kollox, ma ddejjaqt xejn għal darb'oħra ngħidilha li l-kelma tagħha dwar Malta ma għadhiex tgħodd, aktar u aktar wara li ppruvat ttappan ir- reputazzjoni tal-ġudikatura Maltija. Dwar il-familja Muscat: nista' biss nibda nimmaġina minn xiex għaddew Joseph, Michelle, Etoile u Soleil f 'dawn il-15-il xahar. Ilhom esposti għall-attenzjoni pubblika imma gidba bħal din esponithom għall-uġigħ li ma jisparixxix mil-llum għal għada. Bħalha omm ta' żewġt itfal, naf li mhux faċli tinsa u taħfer lil dawk li jippruvaw ikissrulek familja. Li taħfer f 'sitwazzjoni bħal din titlob kuraġġ kbir. Iżda l-feriti hemm jibqgħu. Huma dawn l-izviluppi li jagħmluni kommessa aktar minn qatt qabel biex nibqa' niddefendi lil Malta minn dawk li jridu jagħmlulna l-ħsara. Il-Maltin ma jistħoqqilhom xejn anqas minn hekk. 18 MIRIAM DALLI Opinjoni Ġimgħa wara Għamlu l-allegazzjoni tagħhom fit- tweets jgħajtu "barra! barra!" Ma ddejqu xejn matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa jitfgħu l-botti u jistaqsu "ta' min hi Egrant?" "Biex jaħtaf il-poter, Simon Busuttil niżżel lin-nies fit-toroq. Bena kampanja elettorali sħiħa fuq kalunja, fabrikazzjoni, frame-up politiku."