Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1008887
illum | Il-Ħadd 29 ta' Lulju 2018 W aqt li dan il-Gvern kien mhedi jaħdem biex itejjeb il-livell ta' ħajja ta' kull Malti u Maltija, grupp ta' nies ħżiena u bla skrupli kienu bilqiegħda fuq mejda jfasslu l-akbar frame up politiku ta' kull żmien. Pjan dijaboliku li ma kienx biss intenzjonat li l-Partit Nazzjonalista jaħtaf il-poter minn idejn Muscat, iżda agħar minn hekk ikisser l-unjoni ta' familja u jiddistabilizza s-sitwazzjoni pożittiva fil-pajjiż. Simon m'għadx baqagħlu post fil-politika u dan mhux qed ngħidu għaliex bħalma jaħsbu xi wħud, irridu neħilsu minnu, (għax fil-verità aktar kemm idum hemm aktar aħjar) iżda għax bl-irresponsbalità ta' dak li għamel niżżel il-politika Maltija f 'qiegħ li qatt ma kien intmess. Simon Busuttil kien lest jirbaħ l-elezzjoni b'gidba u kien lest li jmexxi b'gidba akkost li joħroġ bl-unuri u jkun Prim Ministru. Għal Simon Busuttil the end justifies the means, dik hija l-governanza tajba u l-politika onesta li tant ħabbat fuq sidru u tkellem dwarha. Il-mibgħeda twasslek għal kollox u kienet żgur il-mibgħeda li wasslet lil Simon Busuttil u lill-klikka ta' ħażen ta' madwaru biex joħolqu din l-istorja assurda. Nirrifjuta li nemmen li Simon Busuttil kien biss il-pappagall li jirrepeti dak kollu li tgħid DCG. Simon Busuttil kien jaf li l-istorja ta' Egrant kienet gidba, tant hu hekk li qatt ma saħaq li jirreżenja f 'każ li l-inkjesta tal-Maġistrat toħroġ lill-familja Muscat bħala innoċenti. Kuntrarjament għal dan, il-Prim Ministru Joseph Muscat dejjem qal li jirreżenja f 'każ li jinstab li Egrant hija ta' martu, għax ma kellux biża', għax ma kellux x'jaħbi! L-ironija hija li Simon Busuttil ma daħakx biss bil-Laburisti iżda primarjament b'dawk in-Nazzjonalisti ġenwini li temagħhom storja fittizja minn fuq il-platt tal-hekk imsejjħa verità. Ikolli nammetti, l-istorja ta' Egrant minkejja li assurda kienet tajba, maħduma b'reqqa, b'dettall liema bħalu u sa ċertu punt kredibbli. Nammetti, kien hemm żmien fejn jien ukoll daħalli suspett għaliex l-istorja tant kienet maħduma bizzilla li bla ma trid jidħollok dubju. Iżda, jiena u sħabi li għandna x-xorti li naħdmu mill-qrib tal-Prim Ministru, nafuh, bħalma nafu lil martu Michelle. Fdajniehom dejjem u bir-raġun u ma ddispjaċia qatt. L-istorja ta' Egrant immarkat għal dejjem lill- familja Muscat iżda wkoll lili bħala persuna żagħżugħa fil-politika. Minkejja li sfajt vittma ta' attakki assurdi minn DCG, dejjem emmint li fil-politika hemm limitu, dak tal-linja tal-umanità. Sfortunatament wara l-istorja ta' Egrant m'għadnix nemmen li xi limitu jeżisti. Bla ma rrid, għall-ewwel darba kemm ilni fil-politika qed nistaqsi lili nnifsi x'qiegħda nagħmel fiha. Id-diżgust għal dak kollu li ġara huwa kbir u konvinta li ħafna żgħażagħ hemm barra li bħali jaspiraw ikunu fil-politika jinsabu beżgħana għalihom infushom u għal familthom. Fl-istess ħin, dak li ġara jsaħħaħni fil-konvinzjoni tiegħi ta' x'inhi l-politika li rrid nagħmel u liema politika rrid li pajjiżi jgħix fiha. L-istorja ta' Egrant ħadd ma stennieha u dan minkejja li l-Partit Nazzjonalista għandu track record sħiħ ta' modus operandi ta' gideb u kalunji. Niftakar meta Eddie Fenech Adami gideb fuq Alfred Sant, il-gidba ma kinitx fl-estremita' ta' Egrant iżda l-konsegwenzi ta' dik il-gidba kienu fatali tant li tellfet elezzjoni lill- Partit Laburista. Il-problema tan-Nazzjonalisti hija li mingħajr il-poter ma jafux jgħixu, mingħajr il-poter ma jeżistux. Ħsieb li jidwi f 'moħħi u jinkwetani huwa dan, jekk mill-oppożizzjoni bikkew Prim Ministru, x'inhuma kapaċi jagħmlu jekk jerġgħu jkunu fil-poter? Issa li r-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja huwa finalizzat, nixtieq li DCG kienet għadha ħajja, mhux biex titlob apoloġija għax lil DCG nafuha sew, iżda biex twieġeb għal għemilha u iva taffaċċja l-ġustizzja. Ħa nkun ċara, xejn ma jneħħi mill-kruha tal-qtil brutali tagħha iżda l-istorja ta' Egrant hija xhieda oħra ċara ta' min hi DCG, mara differenti ħafna minn dik il-persuna li pinġew wara mewtha. DCG kellha aġenda ċara, perikoluża, b'mibgħeda lejn il-Laburisti iżda fuq kollox irresponsabbli f 'kitbietha għaliex il-maġġoranza tal- affarijiet li kienet tikteb ma kinux ikunu verifikati iżda kienet tippreżentahom bħala fatt u tkompli żżejinhom bl-immaġinazzjoni fertili tagħha. Il-gidba ta' Egrant ma ħallitx biss impatt negattiv fuq il-familja Muscat, fuqna l-politiċi inġenerali u fuq l-pajjiż iżda wkoll fuq il-Partit Nazzjonalista. Simon Busuttil qed jintalab iwarrab għaliex sar mażra m'għonq il-partit tiegħu stess. Fl-opinjoni tiegħi għandu ċ-ċans isalva ġildu iżda milli jidher se jkompli jħaffer il-ħofra li qiegħed fiha. Oħroġ il-għaġeb, minkejja li tilef daqstant elezzjonijiet, għadu jaħseb Ii huwa indispensabbli, li aħjar minnu m'hemmx! L-arroganza tiegħu minn dejjem spikkat u minflok baxxa rasu u aċċetta d-deċiżjoni tal-Kap u tal-Amministrattiv, ta' narzisst li hu beda joħloq alleanzi interni u jipperikola ulterjorment l-istabbilità tal-Partit Nazzjonalista. Qed jagħmel tant ħsara lill-Partit tiegħu stess, mhux ta' b'xejn illi allura wasal li jkun protagonist ewlieni fil-gidba Egrant. Matul dawn l-aħħar xhur, il-kantaliena tal-Oppożizzjoni kienet li għandna problema fl-istituzzjonijiet, fosthom il- Qorti. Il-gidba Egrant turi biċ- ċar li l-qrati tagħna jiffunzjonaw b'mod tajjeb u rigoruż. Ironikamemnt huma tnejn l-istituzzjonijiet li iddgħajfu, l-Oppożizzjoni nnifisha u l-midja li wara l-gidba Egrant ikolli ngħid ħadet daqqa ta' ħarta kbira. Il-Partit Laburista fil-Gvern dejjem ħalla l-midja tgħid li trid f 'libertà sħiħa, liema libertà però ġiet abbużata bil-goff. Pierre Portelli li dak iż-żmien kien ġurnalist u llum l-id il-leminija ta' Delia, ippubblika konġura bħala verità, ġurnalisti minn gazzetti oħrajn għamlu l-istess mingħajr qatt ħallew benefiċċju tad- dubju. Huma ħafna n-nies li qed jitkellmu miegħi u li qed jistennew li jittieħdu passi kriminali fil-konfront ta' min iffalsifika d-dokumenti u kien protagonist f 'din il-gidba kodarda. Tkellmu miegħi dwar kif passi kriminali għandhom jiittiehdu wkoll fil-konfront ta' David Casa, li ppubblika rapport mhux konkluż tal-FIAU u mmanipulah għall-iskopijiet ħżiena ta' moħħu. Naf fiċ-ċert li l-MEP David Casa jixtieq ukoll li jittieħdu passi kriminali kontrih ħalli jilgħabha tal- vittma, iħambaq mal-erbat irjieħ tad-dinja li l-Gvern qed jippersegwitah għaliex is-saltna tad-dritt bħal donnu għal- Laburisti biss teżisti. Faċilment tkun ajkla f 'sitwazzjoni hekk, tħalli lill-emozzjonijiet ta' rabja jiġru bik u tfittex vendetta. Iżda għandna nkunu kokka, naħdmu b'moħħna, infittxu ġustizzja mingħajr ma naqgħu fin-nasba tal-Partit Nazzjonalista. Irrid li ssir ġustizzja mhux biss għall-familja Muscat iżda f 'ġieh il-ġenerazzjoni attwali u bħala legat għall-ġenerazzjoni ta' warajna. Id-dmugħ tal-Prim Ministru hu l-wirt xejn sabiħ ta' poplu sħiħ, inħoss li aħna li qegħdin fil-politika għandna d-dover li nassiguraw li dak li seħħ, ma jerġax jirrepeti ruħu. Ma rrid nimmaġina lill-ebda persuna oħra tgħaddi minn dak li għadda l-Prim Ministru u xxerred dak id-dmugħ, anqas jekk ikun xi ħadd Nazzjonalist. Lin-nies hemm barra u lil dawk iż-żgħażagħ ta' 16-il sena li se jivvutaw għall-ewwel darba ngħidilhom li l-politika tagħna mhix dan il-ħmieġ iżda strument li bih inwettqu l-ġid u nagħmlu l-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi aħjar. 20 ROSIANNE CUTAJAR Rakkont L-akbar frame up politiku fl-istorja Nixtieq li DCG kienet għadha ħajja, mhux biex titlob apoloġija għax lil DCG nafuha sew, iżda biex twieġeb għal għemilha u iva taffaċċja l-ġustizzja.