Illum previous editions

illum 29 July 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1008887

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 31

Il-Ħadd 29 ta' Lulju 2018 | illum 15 15 Minn Albert Buttigieg 'Irridek tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt'. Din kienet l-ordni li t-tifla ta' Erodias għamlet lil Erodi. Diversi jafuha din l-istorja. Il-pittura ta' Carvaggio turi sew din ix- xena makabra. Għalkemm din il-ġrajja seħħet tant sekli ilu, matul iż-żminijiet diversi persuni spiċċaw b'rashom maqtugħa biex jagħmlu tajjeb għal aġendi personali jew politiċi ta' oħrajn. Preżentament, metaforikament, Simon Busuttil qiegħed f 'din is- sitwazzjoni. Diversi qegħdin jitolbuh jirrezenja minn membru Parlamentari biex jagħmel tajjeb wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar l-Egrant. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Maġistrat Bugeja ma sab xejn, mid-dokumentazzjoni provduta lilu u minn dak li kellu aċċess għalih (id- dokumentazzjoni kollha kienet miġbura?), li kienet twassal għal akkuzi li saru fil-konfront tal-mara tal-Prim Ministru. Ma sabx lanqas ta' min huwa s-sid/sidien ta' Egrant. Dawn l-akkużi saru fil-kuntest li żewġ kumpaniji oħra, Hearnville u Tillgate, instabu li kienu ta' Chief of Staff tal-Prim Ministru u ta' Konrad Mizzi. Din il-verità ħarġet mhux biss għaliex huma stess ammettew dan imma minħabba wkoll kxif mill-famużi Panama Papers. Min jirraġuna jaf li dan mhux aċċettabli. Minħabba dawn il- konklużjonijiet, il-Prim Ministru talab li Simon jirreżenja. Ftit tas-sigħat wara, Adrian Delia għamel l-istess talba, liema talba ġiet approvatha wkoll mill- Amministrattiv tal-Partit. Nistqarr mingħajr tlaqliq li f 'dawn it-talbiet inħoss li kien hemm donnu ċertu element ta' għaġġla politika, biex ma ngħidx ukoll xrar ta' xi aġenda personali, bħal ma kellha Erodias fl-istorja ta' Ġwanni l-Battista. Għaliex qiegħed ngħid dan? Għalkemm naċċetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta, huwa importanti li wieħed jaqra qabel ir-rapport, mill-bidu sa tmiem. Huwa fl-interess nazzjonali li wieħed jara kif il-Maġistrat wasal għall-konklużjonijiet. Meta konna tfal l-iskola mitluba nagħmlu s-somom, l-għalliema ma kinitx taċċetta biss li nagħtuha r-riżultat imma wkoll kif wasalna għal dik iċ-ċifra. Nemmen li huwa ta' serħan il-moħħ għan-nazzjon kollu li jinkixfu l-karti kollha. B'hekk ma jkunx hemm l-ebda lok għal dubji, susspetti u teoriji. Kulħadd jaqbel li din ma kinetx inkjesta normali. Għalhekk l-AĠ qiegħed jiċċensura li nkunu nafu l-verità kollha! Għaldaqstant, wieħed għandu jirriserva d-dritt għal pozizzjoni finali wara li jaqra r-rapport kollu qabel. Adrian Delia, bħala l-Kap l-Oppożiżjoni huwa korrett meta qed jitlob lill- Qorti biex jingħata r-rapport kollu. Il-Prim Ministru jkun aktar kredibbli u konsistenti li fejn uża kejl daqsekk għoli f 'din l-istorja, juża l-istess kejl maċ-Chief of Staff tiegħu u ma' Konrad Mizzi. Jekk Joseph stqarr li jekk il- Maġistrat isib li martu hija s-sidt ta' Egrant għalih din mhix aċċettabbli, allura għaliex hija aċċettabbli għal Keith u għal Konrad? Two weights, two measures? Għalkemm Joseph Muscat rebaħ l-aħħar elezzjoni b'mod konvinċenti, dan ma jfissirx li m'hemmx dell ikrah fuqu, fin-nuqqas tiegħu li jieħu l-passi meħtiega biex jitlob li dawn iż- żewġ persuni biex huma wkoll jerfgħu r-responsabbiltà politika. Allura fejn jaqbel, wieħed għandu jerfa' r-responsabbiltà u fejn ma jaqbilx, le. Żgur li din hija nuqqas ta' konsistenza. Jekk il-Prim Ministru u l-Partit Laburista qegħdin tant jagħtu importanza lil dan ir-rapport, għaliex imbagħad mhumiex qegħdin jagħmlu l-istess mod għal rapport ieħor maħruġ mill-European Banking Authorities (EBA) li fit-23 ta' Mejju li sab 'general and systematic shortcomings' fl-FIAU u l-Ministru Scicluna għadu ma għamel xejn fuqu? Min-naħa l-oħra, Adrian Delia bħala Kap leġittimu tal- Partit Nazzjonalista kellu kull dritt li jieħu l-pass li jneħħi lil Simon minn shadow minister. Din hija l-prerogattiva tiegħu bħala Kap. Imma nistqarr li xi ħadd jitlob li xi Deputat iċedi s-siġġu tiegħu/tagħha mill- Parlament hija prerogattiva tad-Deputat stess (dan japplika għal kull deputat/ kunsillier) u ta' dawk li vvutawlu biex jippreżenthom fil-Parlament. Simon Busuttil diġà refa' r-responsabbiltà politika tiegħu tat-telfa meta huwa rriżenja minn Kap, kontra x-xewqa ta' ħafna. Li wieħed jitlef l-elezzjoni u jitlef argument politiku ma jfissirx li wieħed għandu jirrizenja mill-Parlament. Mintoff, Eddie u Alfred Sant ilkoll tilfu elezzjonijiet u argumenti politiċi jaħarqu u ma rreżenjawx mill-Parlament! Tajjeb li wieħed ukoll jiġbed l-attenzjoni li Simon Busuttil ma kienx waħdu fil-kampanja elettorali. Diversi min dawk li issa jinsabu madwar Adrian Delia kienu jħufu ma' Simon u kienu ta' ġewwa sew fl- istrutturi interni tal-Partit. Hija diżonestà jekk wieħed jipprova jagħti l-impressjoni li ma kellhomx x'jaqsmu! Jekk wieħed ser jitlob għal rizenja, allura kull min kien involut b'xi mod jew ieħor (u hemm lista sħiħa) għandhom jirreżenjaw huma wkoll! U b'riżenja jfisser li ma jiħdux xi post ieħor u jagħmlu biss musical chairs. Nemmen li din id-deċiżjoni wasslet biex b'mod l-aktar urġenti fil-Partit Nazzjonalista jkun hemm esperjenza qawwija ta' rikonċiljazzjoni. Prosit lil min offra l-id tal- għaqda. Ftit tal-ġimgħat ilu ktibt żewġ artikli fejn stqarrejt li huwa fl-interess ta' kulħadd li jkun hemm ir-rikonċiljazzjoni ġenwina. Is-suppervja politika, bħal kull suppervja oħra, ma twassal għal imkien. Fil-firda m'hemm l-ebda qligħ. Huwa fl-interess, mhux biss tal-Partit Nazzjonalista, imma anke tal-Partit Laburista u tal-pajjiż kollu li jkun hawn oppozizzjoni b'saħħtiha. Jekk pajjiżna jrid jibqa' pajjiż b'saħħtu demokratikament, allura għandha bżonn oppożizzjoni (ikun liema partit ikun) b'saħħitha. Ma nistgħux nispiċċaw 'one party state'. Jekk jiġri dan, illum jew għada, ser inkunu qegħdin inġibu l-ġebla fuq saqajna! Il-ħtieġa ta' rikonċiljazzjoni mhux biss meħtieġa fil-Partit Nazzjonalista imma bejnietna lkoll. Aħna lkoll Maltin. Għalkemm tajjeb li jkollna fehmiet differenti imma niftakru li bil-qtugħ ta' rjus ma naslu mkien u ma nsiru nafu qatt min huwa/huma s-sid/ sidien ta' Egrant u skandli oħra! Opinjoni "Jekk Joseph stqarr li jekk il- Maġistrat isib li martu hija s-sid ta' Egrant għalih din mhx aċċettabbli, allura għaliex hija aċċettabli għal Keith u għal Konrad?" Ras fuq platt "Simon Busuttil diġà refa' r-responsabbiltà politika tiegħu tat- telfa meta huwa rriżenja minn Kap, kontra x-xewqa ta' ħafna"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 29 July 2018