Illum previous editions

illum 29 July 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1008887

Contents of this Issue

Navigation

Page 2 of 31

3 Il-Ħadd 29 ta' Lulju 2018 | illum Aħbarijiet F'KUMMENTI esklussivi mal-gazzetta ILLUM, id- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Intern Taljan, Matteo Salvini, qal li jinsab dispost li jiltaqa' mal-Gvern Malti biex imorru flimkien quddiem l-Unjoni Ewropea b'soluzzjonijiet komuni dwar l-immigrazzjoni. Din il-gazzetta bagħtet tistaqsi lil Salvini dwar jekk intalbitx laqgħa mal-Gvern Malti dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, anke fid-dawl li għadha ma saret l-ebda laqgħa formali bejn iż-żewġ pajjiżi minn mindu ġie ffurmat il-Gvern ta' Giuseppe Conte. Minkejja li għalissa ma jidhirx li hemm laqgħa skedata, mal-ILLUM Matteo Salvini wera x-xewqa li jaħdem ma' Malta biex permezz ta' soluzzjonijiet konkreti "tkun ikkontrollata l-immigrazzjoni mill-Afrika ta' Fuq anke bil-għan li jitwaqqfu t-traffikanti u jkunu evitati aktar imwiet fil-baħar." 'Ma hemm l-ebda ftehim bejn Malta u l-Italja' Staqsejna wkoll lil Salvini dwar kif inbidlet ir-relazzjoni bejn Malta u l-Italja, anke għax fi żmien il-gvernijiet tal- Partit Demokratiku, partikolarmant taħt l-eks Prim Ministru Taljan, Matteo Renzi, Malta u l-Italja imbuttaw l-istess soluzzjonijiet f 'laqgħat importanti tal-Unjoni Ewropea u anke waqfet ħesrem il-mewġa ta' immigranti li konna mdorrija naraw ġejjin lejn xtutna fuq dgħajjes ippakjati. Tant hu hekk li kien hemm min staqsa u mhux l-ewwel darba li ġew ippubblikati xnigħat, anke fuq midja Taljana, li jeżisti 'ftehim sigriet' bejn Malta u l-Italja. Saħansitra, rapporti allegaw li l-Italja qed tieħu l-immigranti li Malta ma tridx u min-naħa tiegħu l-Gvern Malti qed jippermetti li l-Italja tħaffer għaż-żejt, f 'ibħra territorjali Maltin viċin Sqallija. Il-Gvern Malti dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet bil-Ministru għall-Intern ta' dak iż-żmien, Carmelo Abela, jisħaq li bejn Malta u l-Italja ma hemm l-ebda ftehim imma biss "kollaborazzjoni." Malta dejjem insistiet li l-iżbark tal-immigranti qed isir skont l-obbligazzjonijet u l-liġijiet internazzjonali. Iżda meta tfaċċa l-bastiment Aquarius b'629 immigrant abbord u l-pożizzjoni b'saħħitha ta' Salvini biex Malta tieħu hi l-immigranti, kienu ħafna dawk li staqsew xi nbidel wara li ġie elett il-Gvern ġdid Taljan. Kien f 'dan id-dawl li l-gazzetta ILLUM staqsiet lil Matteo Salvini jekk semax jew inkella jafx b'xi ftehim li seta' kien hemm bejn Malta u l-Italja. Fit-tweġiba tiegħu Salvini kien skjett u insista li "ma jeżisti l-ebda ftehim bejn l-Italja u Malta li jimponi li l-immigranti kollha salvati fil-baħar jidħlu fil-portijiet Taljani mingħajr l-ebda diskussjoni." Imma xi ħaġa nbidlet... Minkejja kollox jibqa' l-fatt li minn meta Matteo Salvini ħa l-ġurament bħala Ministru għall- Intern, il-problema tal-immigrazzjoni reġgħet sabet ruħha fuq xtutna, bl-immigranti jispiċċaw fin-nofs ta' battibekk wieħed wara l-ieħor bejn Malta u l-Italja li fl- aħħar ġimgħat għadhom ma rawx għajn b'għajn. Tant hu hekk li mhux l-ewwel darba li Salvini u l-Ministru għall-Intern Malti Michael Farrugia spiċċaw jattakkaw lil xulxin fuq Twitter. "Ieqaf żeffen lil Malta fin-nofs bla raġuni," kien saħansitra kiteb Farrugia lil Salvini. Dan biex ma nsemmux 'it-theddida' sottili tad- Deputat Prim Ministru Taljan Luigi di Maio li għal xi raġuni ddeċieda li jsemmi l-interconnector ta' bejn Sqallija u Malta meta kien intervistat fuq il-programm popolari Porta a Porta li kien jitratta l-immigrazzjoni. L-unika darba li ż-żewġ pajjiżi qablu fejn tidħol l-immigrazzjoni kien fil- każ tal-bastiment Lifeline. Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte kien ħareġ jgħid li Malta se tkun qed taċċetta l-bastiment, wara aktar minn ħamest ijiem bejn sema u ilma u insista li l-kaptan għandu jiġi arrestat għax kiser il- liġijiet internazzjonali meta ma obdiex struzzjonijiet mogħtija lilu mill- awtoritajiet Taljani. Ftit wara l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat kien ikkonferma li se jaċċetta l-bastiment wara li tmien pajjiżi qablu li jgħinu lil Malta. Kif insista Conte, il-bastiment ġie kkonfiskat u l-kaptan arrestat ftit tal-ħin wara. Apparti minn hekk, bħall-Italja, Malta għalqet il-portijiet għall-bastimenti ta' NGOs, deċiżjoni li ġabet il-kundanna ta' għadd ta' NGOs u anke tal-Isqfijiet Maltin. L-uniku drabi li sa issa l-Prim Ministru Malti u dak Taljan iltaqgħu kien waqt is- summit tal-Kunsill Ewropew li sar ix-xahar li għadda u li ma wassal għal imkien, tant li sa ftit sigħat wara l-istess Matteo Salvini reġa' ddikjara li hemm dgħajsa b'50 immigrant li għandha tidħol f 'Malta, bil-Ministru Michael Farrugia jinsisti miegħu li dawn ġew salvati viċin Lampedusa u għandha teħodhom l-Italja. ycioffi@mediatoday.com.mt Yendrick Cio Salvini lest jaħdem ma' Muscat għal soluzzjonijiet dwar l-immigrazzjoni Fl-ewwel kummenti tiegħu ma' gazzetta lokali, Salvini jgħid mal-ILLUM li jinsab dispost li jiltaqa' mal-Gvern Malti biex jimbuttaw 'il quddiem soluzzjonijiet komuni fuq l-immigrazzjoni Malta, l-Italja u l-immigranti fin-nofs! • 1 ta' Ġunju: Salvini jieħu l-ġurament bħala Ministru għall-Inter • 10 ta' Ġunju: Salvini jagħlaq il-portijiet Taljani għal 600 immigrant abbord il-bastiment Aquarius u jgħid li l-immigranti għandhom jidħlu Malta • 19 ta' Ġunju: Di Maio, waqt intervista fuq Porta a Porta jiddeċiedi li jżeffen fin-nofs l-interconnector (bejn Malta u Sqallija) waqt intervista fuq l-immigrazzjoni • 22 ta' Ġunju: Ifeġġ bastiment ieħor, din id-darba l-'Lifeline' b'234 immigrant abbord. • 27 ta' Ġunju: Il-Gvern Malti jaċċetta li l-bastiment jidħol f 'Malta, bl-Italja u seba' pajjiżi oħra jiddeċiedu li jieħdu xi wħud mill-immigranti. Fl-istess ġurnata Malta u l-Italja jaqblu f 'xi ħaġa! Jiġi arrestat il-kaptan tal- bastiment u jakkużawh li kiser liġijiet internazzjonali • 28 ta' Ġunju: Malta, bħall-Italja, tagħlaq il-portijiet għall-bastimenti tal-NGOs li jsalvaw l-immigranti • 29 ta' Ġunju: Il-mexxejja jiltaqgħu f 'summit tal-UE li minnu ma joħroġ xejn ġdid • 30 ta' Ġunju: Nerġgħu! Ifeġġ il-bastiment 'Open Arms' b'50 immigrant. Botta u risposta bejn Salvini u Farrugia • 13 ta' Lulju: 450 immigrant ieħor salvat. Salvini jsostni li d-dgħajsa tinsab fl-ibħra Maltin iżda Farrugia jisħaq li ġew salvati viċin Lampedusa • 18 ta' Lulju: Malta, l-Italja u t-Tuneżija jagħlqu l-portijiet għal 40 immigrant . • L-istorja tkompli...

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 29 July 2018