Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1021973
10 illum | Il-Ħadd 02 ta' Settembru 2018 Aħbarijiet Renzo Gauci, skultur, restawratur u disinjatur li x-xogħlijiet tiegħu se jibqgħu jfakkruh f 'kull belt u raħal… Minn Yendrick Cioffi NHAR il-Ħamis li għadda, ħafna, b'mod partikolari d-dilettanti tal-festi u l-arti sagra, qamu maħsuda bil- mewt tal-artist Renzo Gauci, li x-xogħlijiet tiegħu huma mifruxa f 'Malta u Għawdex. Gauci, li kien Tarxiniż kellu 59 sena u għal dawn l-aħħar xhur kien qed jissielet mal- marda tal-kanċer. Huwa kien magħruf għall- iskulturi tiegħu fl-injam, kemm statwi kbar għall- knejjes u anke oħrajn għall- kollezzjonijiet privati. Kien jaħdem ukoll xogħol fil-kartapesta, tant li ħadem għadd ta' statwi li jżejżnu t-toroq Maltin u Għawdxin fil-ġranet tal-festi. Renzo kien magħruf l-aktar għad-disinji, mhux biss ta' pavaljuni, bandalori, ornamenti tal-istatwi u anke xogħol fil-ġebel, iżda anke dawk fl-injam, bħal bradelli, planċieri, pedistalli, skudetti u oħrajn. Il-funeral ta' Renzo Gauci se jsir għada fil-Knisja Arċipretali ta' Ħal Tarxien, fit-3:00pm. 'Il-ġenwinità ta' Renzo hija riflessa fix-xogħlijiet tiegħu' "Hemm bżonn aktar artisti bħal Renzo Gauci" Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-artist Għawdxi Adonai Camilleri Cauchi, li ddeskriva lil Renzo Gauci mhux biss bħala bniedem umli, iżda bniedem ġenwim. "Din il-ġenwinità u s-sempliċità tiegħu kien jirriflettiha fix-xogħol li jaħdem," saħaq Adonai. Kompla jgħid li mhux l-ewwel darba li meta kien ikun Għawdex kien jgħaddi sal-bottega fejn jaħdem hu u missieru Michael Camilleri Cauchi u kien jieħu interess f 'dak li kienu jkunu qed jaħdmu. "Kien jgħidli li japprezza ħafna x-xogħlijiet tal-familji Camilleri Cauchi, kemm tiegħi u ta' missieri u anke taz-ziju Alfred u ibnu Aaron Camilleri Cauchi." Mhux l-ewwel darba lanqas li ħadmu flimkien. Fil-fatt, dan l-aħħar, Renzo Gauci kien ħadem raġġiera u ornamenti oħra li kienu ddisinjaw Camilleri Cauchi għal statwa ta' San Bert li ħadmu huma stess għall- Għargħur. Mistoqsi jekk hemmx xi xogħol partikolari ta' Renzo Gauci li jammira l-aktar, Adonai Camilleri Cauchi saħaq li hemm ħafna xogħlijiet, iżda jogħġbuh ħafna d-disinji sempliċi li ħadem għal diversi pedistalli u anke planċieri tal-banda, fost oħrajn. "Hemm bżonn aktar artisti bħal Renzo Gauci," saħaq Adonai waqt li fakkar ukoll f 'artisti oħra bħal Salvu Bugeja, li bħal Gauci kien popolari ħafna għad-disinji. "Meta jmut artist jitlef il-pajjiż kollu" Tkellimna wkoll mar-restawratriċi professjonista Valetina Lupo li faħħret ħafna x-xogħlijiet ta' Renzo Gauci, b'mod partikolari l-bankun u l-bradella ta' Santa Marija ta' Ħal Għaxaq. Lupo saħqet li kienet tammira ħafna lil Gauci għax fix-xogħlijiet tiegħu ma kienx biss iħares lura u jikkopja l-barokk li mdorrijin bih fil-knejjes tagħna, iżda kien jirnexxielu jdaħħal ukoll dik id-daqqa kontemporanja li tagħmel ix-xogħlijiet tiegħu partikolari. Għalkemm Valentina qatt ma ltaqgħet miegħu personalment, ħadmet ma' ħafna nies li jafuh u fi kliemha kollha faħħru mhux biss ix-xogħol iżda l-karattru tiegħu. Fuq nota aktar ġenerali, Valentina Lupo qalet mal-ILLUM li filwaqt li kull mewta ġġib magħha telfa, għall-qraba u l-ħbieb, meta jmut artist tħoss li jkun tilef il-poplu kollu. Fi kliem Valentina, l-artisti huma bħal għasfur protett li l-ispeċi tiegħu tista' tkun estinta. "Il-kreattività ta' artist hija unika. Meta jmut artist, qatt ma tista' toħloq bħalu. Għalhekk, telfa ta' artist, hija kważi kważi telfa nazzjonali," saħqet Lupo. Uħud mix-xogħlijiet ta' Renzo Gauci Jekk tibda ssemmi x-xogħlijiet ta' Renzo Gauci trid gazzetta sħiħa. Dawn ta' hawn taħt huma ftit mix-xogħlijiet li ħadem u li se jibqgħu jżejnu l-knejjes Maltin u Għawdxin u t-toroq tal-ibliet u l-irħula tagħna fil-ġranet tal-festa: • Il-pedestall tal-vara titular ta' San Sebastjan ta' Ħal Qormi • Il-bankun u l-bradella tal-vara ta' Santa Marija ta' Ħal Għaxaq • Il-bankun u l-bradella tal-vara tal-Madonna ta' Lourdes tal-Qrendi • Il-bankun u l-bradella tal-vara tal-Madonna tal-Karmnu tal-Fgura • Il-planċier li jintrama fil-pjazza ta' Ħal Tarxien fil-festa tal-Lunzjata • Il-gastri tal-fjuretti tal-artal maġġur tal-parroċċa ta' Ħal Tarxien • In-niċċa tal-vara ta' Marija Reġina tal-Marsa • Sopraporta għal fuq il-kwadru inkurunat tal-Katidral ta' Għawdex • Ħadem u rrestawra vari tal-Ġimgħa l-Kbira, fil-Għargħur, Ħal Luqa u oħrajn • Għadd ta' statwi li jintramaw fit-toroq fil-ġranet tal-festa • Statwi ta' Kristu Rxoxt għall-knejjes Agostinjani f 'Ħal Tarxien u r-Rabat • Disinji ta' pavaljuni u bandalori għal diversi festi • Artal medja għall-knisja ta' Lapsi f 'San Ġiljan • Konservazzjoni fuq diversi statwi fil-knejjes Maltin Il-bradella ta' Santa Marija ta' Ħal Għaxaq. CREDIT: Sebio Aquilinia