Illum previous editions

Illum 2 September 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1021973

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 31

17 17 Il-Ħadd 02 ta' Settembru 2018 | illum Ż ewġ avvenimenti li ġraw din il- ġimgħa jagħtu lok għal ħafna riflessjoni. Fl-ewwel inċident, ġie allegat illi pazjent li soffra attakk tal-qalb u ddaħħal fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ma setax jintbagħat għall-kura aktar intensiva f 'Mater Dei immedjatament minħabba illi l-helicopter ta' Vitals ma kienx qed jaħdem. Akkuża li ġiet miċħuda immedjatament mill- kap tal-isptar u mill-ministru għal Għawdex. Madankollu, il-ministru tas-saħħa, Chris Fearne qal li ordna lis- segretarju permanenti tiegħu sabiex titwettaq inkjesta. Mhuwiex ċar kif ser titwettaq din l-inkjesta. Wieħed kien jistenna illi fid-dawl ta' akkuża daqshekk serja, tinħatar inkjesta uffiċjali skont il-liġi. Dan ma jidhirx illi sar. Hu magħruf ukoll illi dan il- famuż helicopter illi qed jiswa l-kaxxa ta' Malta €1M fis-sena għamel xi żmien ma jaħdimx. L-inċident l-ieħor hu l-ħruq tal-faċilitajiet tar-riċiklaġġ tal-iskart fil-Magħtab. Dan kien it-tieni ħruq f 'faċilità tal- Wasteserv fi 15-il xahar wara l-ħruq f 'Sant'Antnin. Mentri l-isptar t'Għawdex issa suppost qed jitmexxa minn kumpanija totalment privata, il-Wasteserv hi għalkollox kumpanija pubblika. Madankollu, fiż-żewġ postijiet, assistejna għal sitwazzjoni pjuttost katastrofika. X'inhu l-aħjar? Tmexxija tal-privat jew tal-gvern? Din hija mistoqsija illi ilha ssir ħafna minn mindu Margaret Thatcher nediet programm ta' privatizzazzjoni fir-Renju Unit illi ma damx ma ġie immitat f 'ħafna postijiet oħra madwar id-dinja, inkluż f 'Malta. Għalkemm il-Gvern Nazzjonalista kien biegħ l-interess tal-Gvern f 'bosta banek u kumpaniji parastatali oħra, l-ewwel privatizzazzjoni f 'pajjiżna saret minn Gvern Laburista meta biegħ l-impriża tal-ħalib fl-1986. Il-Gvern Laburista ta' wara l-2013 sorprentendement ipprivatizza bosta sptarijiet u anke terz tal-Enemalta minkejja illi dan ma ssemmiex fil-programm elettorali. Għaldaqstant, jidher illi m'hemmx differenzi ideoloġiċi bejn iż-żewġ partiti fir-rigward tal- privatizzazzjoni. Anzi nistgħu ngħidu illi l-Gvern Laburista qiegħed jipprivatizza setturi illi n-Nazzjonalisti l-anqas biss ħolmu illi jipprivatizzaw. Ir-risposta għad-domanda jekk tmexxija mill-privat hix aħjar minn dik pubblika mhix dejjem ċara. Ċertament illi spiss tmexxija mill-privat tkun aktar ekonomika għalkemm dan ma jidhirx illi kien il-każ tal-isptarijiet Maltin li ngħataw lil VGH. Il-ministru Fearne kien stqarr illi l-kumpanija privata ser titħallas daqs kemm l-isptarijiet qed jiġu jiswew lill- Gvern. Għaldaqstant għadu mhux ċar għaliex saret il- privatizzazzjoni tal-isptarijiet għax ma jidhirx illi l-gvern ser jiggwadanja ekonomikament b'din l-operazzjoni. Fir-rigward tal-Wasteser, saru allegazzjonijiet li spiss isiru fir-rigward ta' kumpaniji pubbliċi kemm f 'Malta kif ukoll barra: illi din il- kumpanija kemm taħt gvern kif ukoll taħt ieħor isservi sabiex jiġu pparkjati bosta mpjegati għal raġunijiet strettament klijentari. L-esperjenza tal- privatizzazzjoni f 'pajjiżi oħra hi wkoll imħalta. Riċentement, il-ministeru tal-Ġustizzja tar-Renju Unit ħabbar illi kien neħħa l-ħabs ta' Birmingham minn taħt idejn il-kumpanija privata G4S. Dan wara illi fi żjara għall-għarrieda illi saret mill-Ispettorat tal-Ħabsijiet bejn it-30 ta' Lulju u d-9 ta' Awwissu sabet affarijiet tal-waħx: ħabsin li kienu qed jiġu intimidati, ħabsin li jitfgħu l-awrina u l-ħmieġ minn ġot-twieqi mkissra tal-bibien, ħabsi vulnerabbli li kien qed jorqod fuq il- molol tas-sodda għax xi ħadd seraqlu l-mitraħ, bullying ta' priġunieri, gwardjana mwerwra u b'wieħed minn kull seba' priġunieri jgħidu illi spiċċaw iddrogati kemm kien ilhom il-ħabs. Dan minkejja illi suppost dan il-ħabs kien qed jiġi mmonitorjat kontinwament minn uffiċjali tal-gvern. Din mhix l-ewwel darba illi l-Ministeru tal-Ġustizzja ħa f 'idejh il-kontroll ta' ħabs. Fiż-żewġ każijiet l-oħra, din l-ordni saret fir-rigward ta' ħabsijiet li kienu mmexxija mill- gvern stess. Imma l-qagħda xokkanti illi fiha nstab dan il-ħabs f 'Birmingham kompla jqanqal id-dibattitu fir-Renju Unit dwar is-suċċess tal- politika ta' Thatcher, liema politika tkompliet mill- gvernijiet Laburisti ta' Blair u Brown. Dan speċjalment wara l-falliment ta' bosta konċessjonijiet ta' ferroviji fil-pajjiż illi spiċċaw jittieħdu mill-ġdid f 'idejn pubbliċi wara li l-operaturi privati abbandunawhom minħabba telf kbir. Fil-pajjiż ġar tagħna għadna kemm assistejna għall-kroll tal-pont Morandi f 'Genova. Fl-1999, l-Italja bdiet programm ta' privatizzazzjoni tal-autostrade tagħha. Dan ironikament taħt il- gvern tal-prim ministru eks kommunista Massimo D'Alema, li bosta kienu jqisuh bħala l-aqwa moħħ fil-Partit Kommunista wara Palmiro Togliatti. Il-familja Benetton, li bniet il-fortuna tagħha fuq il-ġersijiet kuluriti, xtrat 30% tal-kumpanija illi tikkontrolla Autostrade per l'Italia, Atlantia. Anke f 'dan il-każ jidher illi kemm il-kumpanija kif ukoll il-ministeru tat- Trasport kienu konxji mill-fatt illi wieħed mill-pilastri ta' dan il-pont ikoniku, id-disa' wieħed, kien iddgħajjef sew. Tant illi ħarġet sejħa urġenti għall-offerti sabiex jissewwa. Li mhuwiex ċar hu għala ma ttieħdet l-ebda prekawzjoni sabiex jitnaqqas it-traffiku fuq dan il-pont. Dan issa trid tistabilixxih il-maġistratura. F'laqgħa li saret f 'Marzu li għadda fil-Ministeru tat- Trasport ġew eżaminati l-konklużjonijiet xejn sbieħ ta' studju tal-Politekniku ta' Milan li għaliha kienu preżenti l-kap tal-ispettorat tal-istess ministeru, Roberto Ferrazza u l-Inġinier Antonio Brencich ta' l-Università ta' Genova li tgħidx kemm ta intervisti fuq it-televiżjoni wara li waqgħa ta' dan il- pont. It-tnejn inħatru mill- Ministru tal-Infrastruttura u Trasport biex jagħmlu parti minn Kummissjoni ta' Inkjesta, Danilo Toninelli. Meta ġew żvelati l-minuti ta' din il-laqgħa mill-magazine "Espresso", Brencich irriżenja u Firrazza tneħħa. Issa fil-Gvern Taljan għaddej dibattitu jekk l-autostrade għandhomx jiġu nazzjonalizzati jew le. Il-kumpanija illi qiegħda tmexxi l-autostrade qiegħda tiġi akkużata illi mhix tinvesti biżżejjed minkejja illi t-Taljani jħallsu l-ogħla tariffa fl-Ewropa għall-użu tal-autostrade. Qed jintqal illi prattikament l-azzjonisti ta' dina l-kumpanija, Atlantia għandhom renditu garantit jiġri x'jiġri. L-idea illi l-privatizzazzjoni hi dejjem tajba ma tistax ma tiġiex iddubitata. Kienu bosta l-okkażjonijiet fejn tmexxija mill-privat tat riżultati aħjar milli fis-settur pubbliku. Dana l-aktar f 'oqsma fejn hemm kompetizzjoni qawwija. Imma fejn monopolju pubbliku jiġi sostitwit minn wieħed privat illi ħsiebu biss hu li jagħmel qligħ billi jqanċaċ fuq l-ispejjeż, ir-riżultati jistgħu jkunu diżastrużi. Kemm il-ħabs f 'Birmingham kif ukoll il-pont Morandi huma każijiet fejn servizz pubbliku beda jitmexxa mill-privat f 'sitwazzjoni monopolistika għal aħħar. Simili għall- qagħda fl-Isptar t'Għawdex u Karen Grech. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, jekk l-awtoritajiet pubbliċi ma jżommux lill-operatur privat taħt skrutinju sħiħ u kontinwu, il-konsegwenzi jistgħu jkunu ferm negattivi. Aktar u aktar meta kif jidher illi hu l-każ fl-isptar t'Għawdex l-influwenza tal- Gvern fuq l-amministrazzjoni tidher li baqgħet ferm qawwija. Ir-riżultat hu illi qed nassistu għal deterjorazzjoni kontinwa tas-servizz mogħti lill-pubbliku minflok it-titjib illi l-poplu ġie mwiegħed illi ħa jkollu. F'każijiet bħal dawn, ir-risposta tkun biċ- ċar illi tmexxija mill-privat hija agħar milli mis-settur pubbliku. Dan hu illi jixraqlu l-poplu tagħna meta din id-deċiżjoni ttieħdet ħabta u sabta mingħajr ħadd ma kien jaf xejn minn qabel ? JOE ELLIS Opinjoni L-aħjar triq

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 2 September 2018