Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1021973
7 Aħbarijiet L-ISTORBJU. F'pajjiżna ħadd ma jridu u kulħadd iħobb jagħmlu, speċjalment f 'xi festa, ċelebrazzjonijiet politiċi, logħba futbol u xi ikla jew tieġ mal-familja. Imma meta l-istorbju jkun il-ħin kollu u tkun tgħix fih u aktar minn hekk meta l-istorbju jsir b'nuqqas ta' rispett lejn il-ġirien jew il-komunità sħiħa, isir inkonvenjent li jkun jeħtieġ jiġi kkontrollat. Wara li fl-aħħar żewġ Ħdud din il-gazzetta trattat il-problema tal-istorbju bi proposti biex farmhouses f 'Għawdex iħallsu aktar, l-eks Deputat Laburista Luciano Busuttil f 'kuntatt mal-ILLUM fakkar f 'abbozz ta' liġi li hu kien ippropona xejn inqas minn 20 sena ilu dwar din il-problema. Għall-mistoqsijiet ta' din il-gazzetta Busuttil jgħid illi minkejja li tkellem ma' diversi Ministri tal-Ambjent, kemm Nazzjonalisti u anke Laburisti, l-abbozz tiegħu qatt ma ġie kkunsidrat. "Jiena mhux qed inġib dan għall-attenzjoni biex niggwadanja jien imma sempliċiment għax ma nixtieqx li x-xogħol kollu li għamilt f 'din it-teżi jitħalla fuq l-ixkaffa," sostna l-eks Deputat. Fil-fatt l-abbozz li kien kiteb Busuttil, illum avukat, huwa pjuttost estensiv bi proposti li hu stess isejħilhom radikali u oħrajn li kienu tajbin biżżejjed, tant li saru liġijiet. Fl-1999 Luciano kien diġà ppropona ħinjiet li fihom ma jistax jinstema' storbju Busuttil kien ippropona, forsi fost l-ewwel li għamlu din il-proposta, biex ikun hemm ħinijiet speċifiċi dwar stabbilimenti u mużika. Kien ippropona li għandu jkun illegali li negozju fin-nofs ta' żona urbana jikkawża storbju permezz ta' mużika jew daqq ta' strumenti bejn il-11:00p.m u s-7:00a.m tal-għada "sakemm ma jkunux qegħdin jindaqqu f 'bini magħluq bil-ħoss ma jinstemax minn barra l-bini." Fl-1999, Busuttil kien ippropona wkoll illi ma jkunx hemm xogħol ta' kostruzzjoni u li allura jinkludi kostruzzjoni u skavar jew tħaffir, bejn is- 6:00p.m u t-8:00 tal-għada filgħodu matul il-ġimgħa. U li ma jsir ebda xogħol nhar ta' Ħadd jew fil-vaganzi. Dwar l-annimali domestiċi, Busuttil kien ippropona illi jkun kontra l-liġi li annimali jitħallew jagħmlu storbju eċċessiv li jiskomoda jew jagħti fastidju. Hu kien ippropona li l-ebda persuna ma tista' toħloq ħafna storbju li ddejjaq lin-nies fit-toroq jew inkella l-bankini jew ħdejn il-binjiet. U mhux hekk biss, ippropona wkoll li jkun kontra l-liġi li persuna permezz ta' vettura (pereżempju) joħloq ħafna storbju sa madwar 30 metru miż-żona ta' sptar jew istituzzjoni fejn ikun hemm nies morda, jew inkella ta' skola (fil-ħinijiet li fihom ikunu preżenti l-istudenti). Tagħmir biex inaqqas jew jikkontrolla l-istorbju Xi ġimgħat ilu ma' din il-gazzetta s-Sindku tal- Belt Valletta Alexiei Dingli ppropona li jitwaħħlu tip ta' 'sound metres' u li jekk stabbilimenti fil-Belt jaqbżu l-livell ta' storbju permessibbli jinqata' d-dawl tal-istess stabbiliment. Imma fil-verità, il-proposta ta' Dingli taf għeruqha wkoll fid-dokument legali li kien ressaq Luciano Busuttil. Fil-fatt hu kien ippropona li meta l-awtoritajiet ikkonċernati jħossu li jista' jkun qed isir l-istorbju jistgħu jitolbu biex ikun installat apparat li jikkontrolla l-istorbju. Jgħid ukoll li fejn ikun hemm bżonn, dan l-apparat għandu jkun mibdul jew irranġat jew inkella li jsir 'sound-barrier'. ...u l-festi? Naturalment jekk qed insemmu l-istorbju ma nistgħux ma nsemmux il-festi li apparti li huma ċelebrazzjoni, huma wkoll kakofonija ta' kull tip ta' storbju. Mal-ILLUM l-eks Deputat Laburista fakkar illi kull bidla jew leġiżlazzjoni jeħtieġ tirrispetta l-kultura u t-tradizzjonijiet tal-pajjiż u allura tirrispetta l-karatteristiċi tal-festi Maltin. Fil-fatt Busuttil kien ħaseb għaliha fl-1999, meta kien ħalla bieb miftuħ u ppropona li l-awtorità lokali tista' tagħti eżenzjonijiet għal "ħsejjes strobjużi ta' mużika, banda, radju, tagħmir li joħloq ħsejjes u mużika, orkestra jew ta' grupp ta' mużiċisti." Huwa ppropona li l-eżenzjonijiet jsiru għal 'okkażjonijiet speċjali', li jinkludu l-festi. Il-Ħadd 02 ta' Settembru 2018 | illum agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham 20 sena ilu l-eks Deputat Laburista Luciano Busuttil kien kiteb abbozz ta' liġi dwar l-kontroll tal-istorbju. 20 sena wara, l-ILLUM tagħti ħarsa lejn dak li kien ippropona... Fl-1999, Busuttil kien ippropona wkoll illi ma jkunx hemm xogħol ta' kostruzzjoni u li allura jinkludi kostruzzjoni u skavar jew tħaffir, bejn is-6:00p.m u t-8:00 tal-għada filgħodu Abbozz ta' liġi dwar l-istorbju: Lest u qed iġemma t-trab