Illum previous editions

Illum 2 September 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1021973

Contents of this Issue

Navigation

Page 29 of 31

Sports 30 illum | Il-Ħadd 02 ta' September 2018 Kif għażilt il-basketball fost tant sport ieħor? Il-fatt li missieri kien involut fil- kumitat tad-Depiro BC u kien kowċ ta' diversi timijiet tal-istess klabb sa minn meta kont tifel kellu influwenza kbira fuq l-għażla tal-isport li għamilt. Bħala familja qattajna weekends sħaħ bejn il-ħitan tal-basketball court ta' Ta' Qali u l-imħabba lejn dan l-isport nibtet f 'età żgħira ħafna. Matul iż- żmien ikkompetejt fi sport ieħor biss iżda l-ewwel għażla dejjem kienet il-basketball. Li jkollok tiddeskrivi l-aħħar stagun għal Hibernians kif tiddeskrivih? Meta tirbaħ il-kampjonat, il- kompetizzjonijiet tan-KO, il-Louis Borg Cup u x-Shield, l-istaġun bilfors irid jitqies bħala wieħed pożittiv. Sfortunatament, tlifna l-ewwel kompetizzjoni - is-Super Cup fl-ewwel logħba tal-istaġun. Biss dik il-logħba kienet ta' tagħlima. Bħala tim konna magħqudin ħafna matul l-istaġun kollu u dan wassal għas-suċċessi li għamilna. Għalija personali kien staġun memorabli għax fl-aħħar irnexxieli nirbaħ l-ewwel kampjonat tiegħi. U x'taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess ta' Hibernians fosthom bir-rebħ tal- Kampjonat u tan-Knock Out? Naħseb li l-ikbar sigriet kien li bħala tim konna magħqudin ħafna u li kulħadd fehem l-irwol tiegħu fit-tim. It-tim kien taħlita tajba ta' nies b'esperjenza kkumplimentat bi grupp ta' żgħażagħ li taħt il-gwida tal-kowċ Mario Tabone kiseb suċċessi importanti. X'tikkummenta fuq l-isfida denja li kellkom minn timijiet ohra fosthom Gzira Athleta u BUPA Luxol? It-timijiet kollha fil-kampjonat kienu validi. Luxol u Athleta huma żewġ timijiet b'talenti lokali u anke barranin ta' livell assolut. Luxol kienu l-isfidanti tagħna fil-finali tat-tazzi kollha matul l-istaġun u għalkemm rebħulna l-ewwel finali fis-Super Cup, minn hemm 'l hemm dejjem sibna l-miżuri biex nirribattu għas-saħħa tagħhom. Gżira Athleta rebħulna tliet darbiet matul l-istaġun u għalhekk kienu l-aktar tim li ħolqilna problemi, biss meta ġejna għall-partiti deċisivi dejjem irnexxielna noħorġu fuq in-naħa rebbieħa. Qabel l-aħħar staġun, qatt kont temmen li kien se jirnexxilkom taslu fejn tabilħaqq wasaltu? Meta bdejna l-ewwel ftit sessjonijiet ta' taħriġ f 'Awwissu tas-sena li għaddiet, mill-ewwel l-għanijiet tagħna kienu li nirbħu l-Kampjonat. Bħala tim kellna ambizzjonijiet kbar u għalkemm kont nemmen ħafna fit-tim li kien qed jinbena, onestament ma kontx naħseb li konna se nirbħu tliet tazzi minn erbgħa u saħansitra l-Kampjonat. Imma hekk kif beda għaddej iż-żmien u t-tim beda jingħaqad u bdew jaslu l-ewwel rebħiet, daħlet fina iktar fiduċja li nistgħu naslu sal-aħħar. B'din il-fiduċja u b'taħriġ kontinwu irnexxielna naslu għal dawn l-unuri. Kif jirnexxilek tlaħħaq max-xogħol tiegħek, u mat-taħrig u l-logħob li jkollok ma' Hibernians? Il-ħajja tagħna bħala plejers mhux professjonali hija waħda kemxejn diffiċli. Il-professjoni tiegħi ta' inġinier teħodli ħafna ħin u għaldaqstant is-sagrifiċċju biex tlaħħaq mat-taħriġ huwa kbir. Biss meta wieħed jagħmel is-sagrifiċċji u jsib lill-familja li tappoġġjah, kollox isir possibli. Ħafna drabi nibqa' sejjer mix-xogħol dritt għat-taħriġ u din is-sena ppruvajt indaħħal sessjonijiet oħrajn qabel ix-xogħol. Nemmen li dawn l-unuri li rbaħna waslu frott ta' dawn is- sagrifiċċji. Ippermettili ngħidlek li matul l-aħħar staġun bħal staġuni oħra żgur li għenkom bis-sħiħ wieħed mill-aqwa plejers barranin jekk mhux l-aqwa plejer barrani li hawn Malta – Chad Patus. Taqbel miegħi? Meta sirt naf li Chad kien se jkun il-barrani tagħna fil-bidu tal-istaġun li għadda, mill-ewwel ħsibt li kienet l-għażla t-tajba. Chad huwa plejer umli ħafna u li għalkemm għandu talent kbir, dejjem ipoġġi lit-tim qabel l-individwu. Din il-mentalità fil-kuntest tat-tim tagħna kienet essenzjali. Min- naħa tiegħi, bħala point guard, Chad huwa ta' serħan il-moħħ għaliex inkun naf eżatt il-movimenti tiegħu u nkun naf ukoll li jekk se nagħtih il-ballun fil-mument it-tajjeb huwa ħa jiskorja. Barra minnhekk naħseb li fl-aħħar staġun, Chad tana ħafna wkoll fid- difiża u meta tara l-istatistika tiegħu dejjem tkun impressjonanti. Bla dubju huwa plejer li nieħu gost nilgħab miegħu. Ippermettili nirrimarka li d-difiża tagħkom matul l-aħħar staġun kienet strumentali. Taqbel miegħi? Jiena nemmen li fil-basketball id-difiża hija dejjem strumentali. Matul l-istaġun kellna logħbiet fejn iddefendejna tajjeb u f 'oħrajn inqas. Biss meta ddefendejna bħala tim u kulħadd ta sehmu, dejjem ħriġna fuq in-naħa rebbieħa. Kif qed tħares lejn il-futur tat-tim ta' Hibernians? Nispera li ħafna mill-elementi fit- tim jibqgħu u jirnexxilna nibnu fuq it-tim ta' din is-sena. Bir-regolamenti l-ġodda, żgur li se naraw ċerti tibdiliet speċjalment bl-introduzzjoni ta' iktar barranin. Biss nemmen li bħala Hibernians nistgħu nerġgħu nkunu minn ta' quddiem biex niġġieldu għall- unuri. U l-futur tiegħek mat-tim ta Hibernians? Fl-ewwel staġun tiegħi ma' Hibernians sibt klabb li huwa mimli entużjażmu u b'sens kbir ta' appartinenza. Xi ħaġa li lili togħġobni ħafna. Issa li m'għadnix relattivament żgħir, il-probabbiltà hija li ntemm il-karriera tiegħi ma' dan il-klabb. X'inhi r-relazzjoni tiegħek mal-kowċ ferm bravu u ħabrieki ta' Hibernians, Mario Tabone? Ilni naf lil Mario Tabone għal ħafna żmien. Ironikament meta kelli 16-il sena u bdejt nilgħab mat-tim tal-kbar tad-Depiro jiena u Mario konna fl- istess tim. Mario kien il-kowċ tiegħi għal diversi staġuni mad-Depiro wkoll u meta ġejt ikkuntattjat mit-tim tal-Hibernians u qaluli li Mario kien se jkun il-kowċ għal dan l-istaġun mill- ewwel tħajjart biex nagħmel parti minn dan it-tim. Mario huwa kowċ b'passjoni kbira li għalkemm ta' ftit kliem huwa effettiv ħafna u jwassal il-messaġġ b'mod pożittiv. Ninsab kuntent ħafna li kellna nirbħu l-ewwel kampjonat flimkien. U dik mal-kumitat ta' Hibernians? Il-kumitat tal-Hibernians huwa kumitat dedikat ħafna li dejjem huwa viċin tat-tim u jissapportjana l-ħin kollu. Il-president Charles Deguara u s-Sur Ronnie Calleja huma żewġ pilastri li poġġew ħafna mill-enerġija tagħhom f 'dan il-klabb. Dawn l-unuri huma rikonoxximent xieraq għax- xogħol li jagħmlu minn wara l-kwinti. Ovvjament ma nistax ma nsemmix lill- mara tiegħi Nadia li hija s-Segretarja tal-klabb. Hija persuna li tħobb lill- klabb tal-Hibernians u ma niddejjaqx ngħid li fis-snin ta' qabel meta kont ma' timijiet oħra ġieli kellna xi battibekki żgħar! Apparti l-ironija, il-kumitat tal- Hibernians jagħmel minn kollox biex jibni sens ta' familja li tirrifletti tajjeb fis-sens ta' appartenenza li għandna aħna l-plejers lejn dan il-klabb. 'Is-sigriet tas-suċċess ta' Hibernians BC kulħadd fehem l-irwol tiegħu fit-tim' Cristian Antony Muscat Roderick Vella - fost l-aqwa plejers li pproduċa l-basketball lokali f 'dawn l-aħħar snin u li flimkien ma' oħrajn kien strumentali biex matul l-istaġun li għadda, Hibernians BC rebħu titli maġġuri fosthom il- Kampjonat u n-Knock-Out. "Li tilgħab basketball f 'livelli għoljin għandha tkun l-ambizzjoni ta' kull tifel jew tifla li jibda jipprattika dan l-isport. Biex tilħaq dan il-għan jeħtieġ li wieħed jagħmel diversi sagrifiċċji u t-taħriġ irid jittieħed b'serjetà massima. Tul l-iżvilupp tal-karriera, sa minn età żgħira, huwa importanti li wieħed jimxi fuq il-pariri tal-kowċis u ta' plejers ta' iktar esperjenza u minn dawn il- pariri jitgħallem biex itejjeb il-livell tiegħu." "Meta tirbaħ il-kampjonat, il-kompetizzjonijiet tan-KO, il-Louis Borg Cup u x-Shield, l-istaġun bilfors irid jitqies bħala wieħed pożittiv. Bħala tim konna magħqudin ħafna matul l-istaġun kollu u dan wassal għas-suċċessi li għamilna. Għalija personali kien staġun memorabbli għax fl-aħħar irnexxieli nirbaħ l-ewwel kampjonat tiegħi."

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 2 September 2018