Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1021973
19 Il-Ħadd 02 ta' Settembru 2018 | illum Editorjal Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Knisja mheżża IL-KNISJA Kattolika mill-ġdid tinsab mheżża bi skandli u stejjer ta' abbuż jew allegat abbuż fuq tfal. Din id-darba fil-mira mhuwiex kardinal jew qassis f 'xi djoċesi ftit li xejn magħrufa. Il-mira hija lejn il-Papa Franġisku nnifsu bl- akkuża tkun li ilu snin jaf b'allegat abbuż u m'għamel xejn. Fil-verità din l-akkuża mill-aktar dannuża ġejja minn persuna għolja fil- Knisja illi qatt ma kellu xi simpatija wisq lejn il-Papa Franġisku, u allura f 'dan il-kuntest wieħed jagħmel tajjeb li jistenna u jkun kawt qabel jemmen. Jekk, allaħares qatt, din tirriżulta illi hija vera allura tkun verament daqqa kerha ħafna għall-Knisja u għall- Papa li rebaħ ir-rispett ta' ħafna, li huwa maħbub u li dejjem xerred il-messaġġ tal-imħabba, l-umiltà u r-rispett lejn dawk li l-Knisja forsi tathom il- ġenb. Lokalment qamu xi każi wkoll. Illum din il-gazzetta qed tagħti rendikont dettaljat tal-istorja kollha, jew kważi kollha, ta' Dun Felix Cini. Issa aħna stajna komplejna mal-kurrent u tfajna ħafna tikketti fuq dan il-qassis, imma jekk fil-ġurnaliżmu dejjem jgħallmuna biex dejjem tagħti l-verżjoni ta' kulħadd, allura ma stajniex noħorġu stejjer bħal ta' din il-ġimgħa u din tal- lum mingħajr ma nisfidaw lil Dun Cini bil-fatti ċari u nistaqsuh dwar fatti li għadhom xi ftit jew wisq mitlufin fiċ-ċpar tal- legaliżmi. Għall-ewwel darba fi 15-il sena Dun Cini ddefenda lilu nnifsu u aħna se nħallu lill- qarrejja tagħna biex jixtarru u jiddeċiedu huma jekk Dun Cini hux kredibbli jew le. Min-naħa tagħna aħna nfakkru biss fi kliem l-Arċisqof preżenti meta fi Frar tas-sena 2013 kien deskritt hekk fuq il-midja tal- Knisja; "Mons Scicluna kien dak li f 'ħidmietu applika l-politika ta' tolleranza żero għall-abbuż sesswali fuq il- minuri." Issa aħna mhux qed nimplikaw li f 'daqqa waħda l-Arċisqof sar tolleranti għall-abbuż. Qed ngħidu imma, li ħafna u ħafna nies qed jitkellmu u probabilment se jerġgħu jitkellmu ladarba jaqraw din il-gazzetta. U għax ħafna persuni qed jitkellmu l-Arċisqof għandu l-obbligu li jmur lil hinn minn stqarrija li taċċertana li Dun Cini kien maħfur mill-Vatikan (wara li aħna żvelajna dan il-fatt). Inħossu li għandu jiffaċċja lill-mezzi tax-xandir u bħala Arċisqof kif ukoll bħala eks Promotur tal-Ġustizzja fil-Vatikan, jispjega aħjar is-sitwazzjoni ta' Dun Cini u jikkonferma jew jinnega dak li qal lil din il-gazzetta u li qed nippubblikaw f 'paġni 8 u 9. Issa naturalment għal min jara lill-Knisja bħala partit politiku, kemm dan l-editorjal u anke l-istorja tal-lum se jqisuha bħala daqqa lill-Knisja. Nistgħu naċċertaw lill-qarrejja tagħna li din il-gazzetta qattgħet sigħat sħaħ tirriċerka, tibgħat emails u ċċempel Malta u barra. Nemmnu illi dak li qed nippubblikaw illum huwa l-aktar ritratt ġust li stajna nagħtu tal-kwistjoni kollha, bil-fatti u l-kummenti li għandna s'issa. Issa nistennew li min jaf iktar minn din il-gazzetta jitkellem. Ħalli fejn hemm id-dlam ikun hemm id-dawl, fejn hemm bżonn tal- ġustizzja din isseħħ u sabiex is-sewwa jirbaħ dejjem. Biżżejjed naraw li mhumiex il-qarrejja tagħna biss li jħossu illi dan is-suġġett huwa pjaga għall-knisja kollha, stħarriġ onlajn fuq sit tal-aħbarijiet lokali ieħor juri li ħafna jemmnu li l-abbuż huwa inkwiet serju għall- Knisja. Fuq livell internazzjonali, inħossu li wasal iż-żmien li l-Vatikan jeżamina s-sitwazzjoni u jara għaliex qed jiġri dan. Għaliex dawn il-każi qed iqumu u fil- proċess jagħmlu tant ħsara. U biex tagħmel dan, kemm il-Knisja imma aħna lkoll irridu nifhmu li qassis huwa uman. Il-qassis huwa uman li jista' jagħmel tajjeb, imma jista' jagħmel ħażin ukoll. Uman li għandu ġibdiet sesswali, lejn mara, lejn raġel u traġikament, anke jekk il- ftit, lejn it-tfal ukoll. Il-qassis huwa uman allura ħaqqu l-ġustizzja, imma wkoll il- kastig tal-liġi fejn dan huwa meħtieġ. Ċerti illi huwa att diffiċilissimu għall-Knisja li treġġa' lura l-ħażin u tneħħi l-għeruq tas-sikrana, imma hekk jeħtieġ tagħmel. Hemm ħafna lpup lesti biex lil Papa Franġisku iqattgħuh biċċiet. Forzi rigressivi li jridu Knisja esklussiva u li twarrab lin-nies, imma li togħxa fil-pompa u fit-torrijiet tal-avorju. Nemmnu li jkun hu iżda li jifred il-qamħ mis-sikrana, sakemm l-akkużi kontrih mhumiex minnhom. Knisja mheżża, hija soċjetà mheżża. Ma jaqbel għal ħadd li l-awtorità tal-Knisja tiddgħajjef, iktar milli ddgħajfet. Għalhekk wasal iż-żmien tad-deċiżjonijiet. Editur: Albert Gauci Cunningham