Illum previous editions

ILLUM 7 October 2018

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1037087

Contents of this Issue

Navigation

Page 31 of 31

illum | Il-Ħadd 07 ta' Ottubru 2018 Aħbarijiet Magħrufa 'tal-Kalkara' imma Boxall jgħid li tal-Birgu Meta mina ssir suġġett ta' diżgwid bejn il-ġirien… MAGĦRUFA mal-Kalkariżi u l-madwar bħala l-mina tal-Kalkara. Mina li bħal tieqa toffri togħma żgħira ta' dak li joffri r-raħal tal- Kalkara, apparti l-fatt li twassal direttament għax-xatt tal-Kalkara. Madanakollu, f 'dan ir-raħal u l-belt biswitu, jiġifieri l-Birgu, sikwit iqum l-argument li jdur ma' din il-famuża mina: bil-Kalkariżi jgħidu li hi tal-Kalkara u l-Ġirbin jgħidu li din tagħmel parti mill-Birgu. Mistoqsi minn din il-gazzetta taħt liema lokalità tappartjeni din il-mina, is-Sindku tal- Birgu, John Boxall, kien pront jisħaq li, "il-mina li tagħti għall-Kalkara hi tal-Birgu. Minn dejjem hekk kienet. Il-Kunsill tal-Kalkara qatt ma qajjem argument magħna dwarha." Minkejja d-dikjarazzjoni ta' Boxall, l-ILLUM ħarset ftit lejn il-mappa pprovduta mill-Awtorità tal-Ippjanar li fiha jidher biċ-ċar sa fejn jaslu l-konfini tal-Kalkara. Il-bieb inkwistjoni huwa fil-konfini tal-lokalità tal-Kalkara, xi ħaġa li kienet ikkonfermata minn sorsi differenti fil-Kalkara stess. Iżda dan il-fatt ma tantx jidher li qiegħed jikkonvinċi lis-Sindku Boxall. "Il-Kunsill tal-Kalkara ma jimpurtahx mid-daħla, dak minn xi arblu jimpurtah biss. Però biss jekk xi darba jqajmu dan l-argument," kompla jinsisti Boxall, "inressqu l-każ tagħna, li ċarament jixhed li din hi tal-Birgu." Hu kompla jgħid, li "fil-passat kellna każ ieħor fuq il-mina ta' Bieb is-Sultan fejn fl-aħħar mill-aħħar fil-Qorti kien ġie deċiż li din tagħmel mal- Birgu," sostna Boxall. Din il-gazzetta staqsiet lil Boxall, ġaladarba din il-mina tagħmel parti mill-Birgu, għaliex tinsab f 'sitwazzjoni xejn feliċi? B'ħaxix evidentement ħiereġ minn kullimkien u anke fortifikazzjoni biswit il-mina li qed tikrolla. Fuq din Boxall fakkar kif, "il- manutenzjoni tal-mina u anke l-fortifikazzjoni mhix responsabbiltà tal-Kunsill tal-Birgu imma din taqa' taħt il-Gvern Ċentrali." Għalkemm diversi Kalkariżi li tkellmu mal-ILLUM esprimew it-tħassib tagħhom dwar id-dikjarazzjoni li l-mina tal-Kalkara tista' tkun tal- Birgu, il-furur tagħhom kien iktar jikkonċerna t-telqa li din il-mina u d-daħla tal-Kalkara jinsabu fiha. "Ilha snin għaddejja dil- kwistjoni. Min jgħid li tal- Birgu u min jgħid li tal- Kalkara. Jiena dejjem il-mina tal-Kalkara nafha. Però hi ta' min hi, li hu żgur huwa li tinsab f 'telqa kbira," sostna resident Kalkariż li xtaq jibqa' anonimu. Din il-gazzetta kkuntattjat ukoll lis-Sindku tal-Kalkara, Speranza Chircop, li nnutat kif mill-mappa tal-konfini "jidher li dan il-bieb huwa barra l-Birgu u fil-Kalkara. Il-mina kulħadd jafha bħala l-mina tal-Kalkara," sostniet Chircop. Hija appellat lill-Gvern biex jieħu f 'idejh ir-responsabbilità ta' dan il-bieb storiku "u jagħti lura dak li hu mistħoqq lil-lokalitajiet. Jiena nibqa' nsostni li l-mina għandha tkun tal-Kalkara u l-konfini għandhom ikunu mis-swar 'il ġewwa, bħalma hemm postijiet oħrajn." lcarter@mediatoday.com.mt Liam Carter

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 October 2018