Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1037087
I ntom in-nisa kollha ser tifhmuni. Bilfors. Għax min minnkom xi darba ma ġratlux id-diżgrazzja kbira li kienu qegħdin b'żarbun sabiħ u li x'aktarx kien għal qalbhom, u hekk, f 'ħin bla waqt jinqala' l-qiegħ...iċċedi l-kolla tiegħu, jew inkella tinqata' xi ċinga minnu? U tispiċċa bla żarbun. Iva, din hija ħaġa li tista' tiġri. Imma forsi għal dawk li jkunu jħobbu jilbsu ż-żraben tat-takkuna iżjed mill-oħrajn, jaf dawn l-episodji, jew ġrajjiet, insejħulhom kif tridu, huma aktar komuni. U biex inkun onesta, jien ġratli kemm-il darba. Nassigurakom li naf xi tħoss. U hekk ġrali f 'ħin bla waqt meta kont għaddejja nimxi fi Sqallija. F'raħal partikolari. Novara di Sicilia. Wieħed mill-isbaħ postijiet illi qatt rajt. Biex tlajna għalih għamilna daqs xi nofs siegħa tilgħin ma' muntanja għolja, muntanja kbira li aħna f 'Malta żgur li m'għandniex b'dan id-daqs ta' għoli. Iżda malli tasal hemm fuq, dik l-arja friska, ir-riħa tal-arja pura u nadifa, il-frisk li jibda jittantalek il-pori... f 'kelma waħda, tħossok tajba. Imma jiena kont qed nara jekk stajtx insib ħanut taż- żraben forsi nbiddel dak l-imbierek żarbun li bih kont qiegħda nagħmel pass wieħed ''il quddiem u erbgħa lura! U hekk malli bdejt indur ir-raħal, ħassejtni li kont qiegħda nagħmel iktar milli nfittex ħanut taż-żraben. Kont qiegħda nara t-toroq dojoq, il-paviment sabiħ tal-art tat- triq magħmul b'tant reqqa, kont qiegħda nara l-muntanji l-oħra minn bejn id-djar, is-siġar kbar u sbieħ li kienu jżejnu dawn l-inħawi, u d-djar sbieħ bis-saqaf aħmar, eżatt kif kont nara fuq l-istampi. Eżatt kif kont inħobbhom jien. Imma ma tantx stajt immur 'il bogħod. Kont qiegħda nsibha bi tqila biex nimxi, meta tikkunsidra l-mod ta' kif kien qiegħed iliegħeb is-sandli ta' taħt saqajja. Kellu dehra ta' kelb mejjet bil-għatx b'ilsienu pied 'il barra! U għaddejt minn quddiem tabelli, imma ħlief ritratti ta' nies fuqhom ma rajtx. Ma kienx hemm tabella waħda li setgħet tindika xi ħwienet partikolari. U bdejt indur u nagħqad. Indur. U nimxi. U nimxi aktar. U fl-aħħar sibt ruħi fi pjazza żgħira, ħelwa, b'taraġ imdawwar maż-żewġ naħat. Ħarist lejn ġenb minnhom u rajt id-duħħan ħiereġ miċ- ċumnija ta' dar minnhom! Mela kien hawn in-nies! Għax kemm kont ilni li wasalt ma kontx iltqajt ma' ruħ waħda! U hekk malli kont sejra lejn dik id-dar, bil-ħsieb ewlieni jberren f 'moħħi biex immur inħabbtilhom u nitlobhom xi nformazzjoni, smajt leħen baxx warajja. Għal minuta ma dortx. Bħal inħsadt. Ma stennejtx li kien hemm xi ħadd warajja! U mbagħad dort f 'salt wieħed. U rajtu. Raġel xwejjaħ. Wiċċ abjad mimli tikmix, ġisem imtertaq bix-xogħol, b'ħotba żgħira fuq dahru, liebes ħwejjeġ kemxejn antiki, imma kellu l-isbaħ par għajnejn li qatt kont rajt! Kien jidher wisq qalbu tajba! Wieħed minn dawk il-persuni li malli tarah, kont tieħu grazzja miegħu. Kont tħoss li kien persuna xempju tal-irġulija. Kont tħoss li stajt tafdah. U kellu l-isbaħ tbissima li qatt kont rajt! Għal mument stħajjiltu nannuwi li tlift daqs xi ħmistax-il sena ilu, imma li t-tbissima tiegħu tibqa' dejjem f 'qalbi. U kellu xagħru abjad qoton, mimxut lura hekk, eżatt bħal tiegħu. "X'għandek bżonn?" staqsieni bil-lingwa tiegħu. U mnalla kont noqgħod nara t-televixin meta kont żgħira, imnalla kont għażilt propju t-Tljan l-iskola, għax dawn in-nies għalkemm għandhom kultura sabiħa u rikka, ma jafux jitkellmu bl-Ingliż. Ejja ngħidu mhux kollha, imma ħej il-biċċa l-kbira minnhom tafx! "Għandi bżonn..." bdejt ngħidlu. U dak il-ħin bħal donnu leħni waqaf għax il- kelma eżatt ta' x'inhi żarbun, kont insejtha. Ħarist lejn saqajja u għollejtha. Ix-xwejjaħ kompla jitbissimli u ndunajt mill-mossa li kien għamel, li kien fehem eżatt x'ridt ngħidlu. "Żarbun. Scarpa," qalli t-tbissima tiegħu saħansitra tikber. "Ejja, ġejt fil-post eżatt!" U mar żewġ passi fuq in- naħa tiegħu u rajt ħanut taż- żraben warajh! Lanqas flaħt nirringrazzjah biżżejjed! U toqgħod tqis ukoll li sid il-ħanut kien propju hu! Għalkemm kellu xi żraben li ma tantx niżluli għax dehru kemxejn antiki, sibt żarbun eżatt kif xtaqtu u tal-qies tiegħi wkoll! Irringrazzjajtu mill-qalb, ilbistu, ħallejtlu l-qadim li kelli f 'saqajja u tlaqt 'il barra ferħana se ntir! Kont sibt ħanut eżatt kif kelli bżonn, f 'dan ir-raħal ċkejken, hekk malli kont kważi qtajt qalbi! Mort fejn il-kumplament tal-grupp li kont magħhom, urejthom iż-żarbun is-sabiħ li kont xtrajt bi ftit flus u komplejna nduru mar-raħal sabiħ flimkien. Dik is-serata għaddejnieha f 'ħanut li kellu dehra ta' ristorant, imma li donnu ma kienx. Ma kellux lista ta' x'ikel joffri. Ma kellu xejn. Ġiet mara mbaċċa tistaqsina x'riedna nieklu, ħadet nota u marret tgħid lil kok x'ridna! Qatt ma kont ġejt f 'raħal hekk! Donnu hawn, kollox kien differenti! Kilna ikla prima. U xrobna l-inbid magħsur minn dawn in-nies stess, bit-togħma tal-għenba ddub ġo ħalqek, tħallilek togħma tajba f 'ħalqek u għatx għal iżjed minnu. U hekk malli konna lesti, jien ħassejtni b'żaqqi mimlija bil- laħam ta' ħanżir selvaġġ, għax hekk kont ordnajt u ma kien iddispjaċini xejn, staqsewni jekk kellix aptit immur passiġġata magħhom. U jien aċċettajt! Għala le? Konna hawn għal ġurnata waħda, kont ma kumpanija sabiħa, f 'post sabiħ, xi tkun trid iżjed, ħlief li tara aktar minn dan il-post? U mxejna matul dawn it- toroq sbieħ, imserrpin fuq din il-muntanja, nistagħġbu bis-sbuħija tagħha. Sa xħin għaddejna minn maġenb waħda minn dawk it-tabelli li donnhom kienu mferrxin mar-raħal. Għax eżatt malli għaddejt minn hemm, ritratt partikolari minnhom laqatli l-interess. Bħal inħsadt. U tbellaht. Jew forsi ma kienx kif ħsibt! Imma hemm kien. Ir-ritratt ta' dak ix-xwejjaħ li kont kellimt dakinhar stess! U li kien biegħli ż-żarbun! Ħarist lejn l-iskrittura u xi ħadd minn sħabi rrimarka li dawn ir-ritratti kienu ta' nies li kienu mietu propjament dik il-ġimgħa! U dan ix-xwejjaħ, skont din l-iskrittura, kien ilu mejjet jumejn! Ma jistax ikun! Ma jistax ikun! Bdejt inberraq għajnejja u t-tabella flejtha sew u qrajtha iżjed minn darba. "Ma jistax ikun...!" bdejt nhewden. Meta għidt lil sħabi dak li kien ġara, qaluli biex l-għada mmur propjament fejn il- ħanut taż-żraben u nistaqsi għalih. U hekk għamilt. Imma malli wasalt, tbellaht. Il-ħanut taż-żraben kien jidher żdingat u mitluq. Abbandunat. Twieqi antiki ħafna bi ħġieġ imkisser. U għanqbut kullimkien! U ħaġa tal-għaġeb, il-bieb kien magħluq b'kaltnazz! Stennejt. Stennejt iktar milli kien suppost. Kienu daqqu l-għaxra ta' filgħodu. U kien għadu magħluq. U ttantajt xortija. Dħalt fil-ħanut tax-xorb li kien hemm faċċata tiegħu. "Dan il-ħanut taż-żraben fi xħin jiftaħ?" staqsejtu. Dan ir-raġel ħares lejja qisni kont qed inkellmu b'lingwa differenti u mhux bit-Taljan. U kont ċerta li l-vokabularju kont użajtu sew. "Int fejn taf li hemm ħanut taż-żraben?" staqsieni jberraq għajnejh. Għollejt sieq minnhom u bbilanċjajt fuq l-oħra. "Għax ilbieraħ xtrajt dan!" għidtlu, inħossni xi ftit konfuża għal mod ta' kif kien qed iħares lejja. "Ma jistax ikun." Daqshekk. Ma qalli xejn aktar. "U għalfejn qed tgħidli hekk?" staqsejtu, nipprova neħodlu minn rasu. Imma dak il-ħin ma kellux għalfejn iweġibni. Għax kont naf. Kont naf x'kien ser jgħidli. "Dak il-ħanut ilu magħluq żmien! Giuseppe ilu mejjet jumejn! Ilbieraħ kien il- funeral tiegħu!" qalli. Ħarist lejn il-bieb fejn kien daħħalni x-xwejjaħ. U f 'qalbi rringrazzjajtu. Kont xtrajt żarbun. Mill-ħanut taż-żraben. illum | Il-Ħadd 07 ta' Ottubru 2018 20 Opinjoni Sharon Calleja Il-ħanut taż-żraben