Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1192398
19 editorjal Delia jeħtieġ jistaqsi lilu nnifsu ... I nduru kemm induru magħha bl-għażliet politiċi tal-poplu jibqgħu kif inhuma, fil-Gvern se jkollna Gvern Laburista jew Gvern Nazzjonalista. Jiġifieri huwa fl-interess ta' kulħadd, anke tal-ikbar Laburist, illi l-Oppożizzjoni tkun b'saħħitha biżżejj- ed biex toffri sfidi politiċi lill-Gvern, b'saħħitha biżżejjed biex toffri alter- nattiva serja u b'saħħitha biżżejjed biex iżżomm lill-Gvern kontabbli u attent. F'Malta dan illum mhux iseħħ. Minkejja li għandna Gvern li ffaċċja u għadu qed jiffaċċja l-agħar kriżi politika fl-aħħar snin u minkejja li hawn rabja ġġustifikata u minkejja li qatt daqs illum ma' kellna wħud mill-aktar nies voċiferi favur il-labour, idawru l-kanuni fuqu, xorta s-sondaġġi ma juru ebda ċaqlieq sinifikanti fuq in-naħa tal-PN. Politikament, kieku konna pajjiż normali (biex nużaw espressjoni li jħobb juża ħafna Delia) bħalissa l-Oppożizzjoni mhux biss tinsab f 'qagħda politika tajba, imma qed tagħmel avvanzi politiċi kbar fost l-elettorat u qed issejjaħ għal elezzjoni ġenerali, xi ħaġa li fil-fatt kienet għamlet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fl-1998. Naturalment mhux qed tintalab elezzjoni għaliex il-PN jaf li minkejja kollox, minkejja kull żball, minkejja kull gidba u minkejja kull biċċa ħmieġ li ħarġet, sa issa l-partit għadu ferm 'il bogħod milli jersaq imqar viċin rebħa, aħseb u ara li jirbaħ. Agħar minn hekk, l-ewwel indikazzjonijiet huma li minn qabel ma jsir Prim Ministru, Fearne huwa fdat minn 27.6% tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017, 8.3% tal-istess sezzjoni ta' votanti jippreferu lil Robert Abela u 10% jippreferu lil Ian Borg. Jekk mhux inkwetanti dan għall-PN, ma nafux x'inhu! Wara dan kollu, wasal iż-żmien għall- kontijiet fil-Partit Nazzjonalista wkoll u wasal iż-żmien li jirrealizza illi l-poplu mhux se jerġa' jafdah fil-Gvern, biss għax jaħseb li l-Gvern preżenti mhuwiex tajjeb. Anke jekk sar Kunsill Ġenerali straordinarju, dan mhu se jneħħi xejn mill-fatt illi meta l-PN suppost kien fil- quċċata, baqa' fil-qiegħ, b'distakk ta' 15% kontrih illi huwa distakk akbar minn kull wieħed irreġistrat f 'kull elezzjoni li saret fl-aħħar snin. Is-soluzzjoni mhix li tattakka s-sondaġġ speċjalment meta l-PN stess użah madwar xahar ilu għax kien hemm ċaqlieqa favurih. Is-soluzzjoni żgur mhijiex li jiġu attakkati kmamar tal- aħbarijiet. Is-soluzzjoni hija li jkun hemm realizzazzjoni illi l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk u li hemm sezzjoni kbira ta' Nazzjonalisti, dawk li kienu l-aktar voċiferi dwar Daphne u kontra l-Gvern fl-aħħar snin illi ma jridux jafu b'Delia, li ma jsibuhx affidabbli u li ma jarawhx bħala alternattiva, anke jekk iħossu li dan il-Gvern huwa l-agħar ħaġa li ġrat lil Malta mill-gwerra. Jekk kap ta' partit għandu problema biex jimmobilizza lin-nies tiegħu stess, biex jikkonvinċihom illi jista' jkun alternattiva u biex joħloq l-emozzjoni fihom li tagħtihom is-saħħa biex jimxu warajh, mela allura mhu Kap xejn. Jekk il-PN qed jaħseb li għax il-Labour mess il-qiegħ, it-triq għal Kastilja issa hija lesta sejjer żbaljat u bil-kbir. Jekk min jitla' minflok Muscat jirnexxilu jżomm it- tajjeb li kellu Muscat u jagħti tindifa tajba lill-Gvern Laburista, filwaqt li jieħu ħsieb l-ambjent bis-serjetà u jara li jingħalaq darba għal dejjem il-kapitlu dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, il-PN jista' jkun dieħel għal aktar inkwiet u disfatti elettorali. M'għandniex dubju li l-intenzjonijiet ta' Delia huma tajbin. Lanqas m'għandna dubju li hu verament qed jagħmel dak kollu li jista' biex ikun kap aħjar u jwassal għas-suċċess. Imma dak li qed jagħeml hu, ċarament mhuwiex biżżejjed biex il-vapur jasal sal-port. Sadanittant il-Gvern jibqa' jemmen, għax fil-fatt hekk hu, li jagħmel x'jagħmel se jibqa' fil-Gvern. F'dan il-punt, ir-reżistenza għall-bidla u titubar fil-Partit Nazzjonalista jagħmluh perfettament kompliċi fit-tinwir tad- demokrazija u fil-fatt illi minkejja kollox, il-Partit Laburista kien, għadu u jidher li se jibqa' l-għażla naturali tal-poplu. Delia, jeħtieġ jistaqsi lilu nnifsu; 'Il- preżenza tiegħi qiegħda tgħin lill-partit jikber jew qed tkun ir-raġuni għalfejn il-PN mhux qed jikber?' illum • IL-ĦADD 15 TA' DIĊEMBRU 2019 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Editur: Albert Gauci Cunningham