Illum previous editions

ILLUM 15 December 2019

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1192398

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 31

Sentejn wara s-suċċess ta' Jumanji: Welcome To The Jungle, l-erba' ħbieb żgħażagħ li għaddew minn avventuri eċitanti u perikolużi fil-ġungla, wara l-waqfa mill-iskola għall-vaganzi tal- Milied, reġgħu marru lura f 'darhom fi Brantford, New Hampshire. Issa li qegħdin f 'kulleġġi differenti għandhom l-isfida kif se jsiru aktar maturi fil-ħajja. Meta wara l-aħħar avventuri tagħhom wieħed minnhom kisser il-logħba Jumanji, Spencer Gilpin (Wolff ) żamm il-biċċiet kollha u rnexxielu jsewwiha fil-kantina ta' nannuh Eddie (DeVito). Meta beda jħaddimha, Spencer flimkien ma' nannuh u ħabib anzjan ta' Eddie, Milo Walker (Glover), jinġibdu f 'dinja misterjuża. Martha (Turner). Fridge (Blain) u Bethany (Iseman) jingħaqdu biex huma wkoll jidħlu fid-dinja msaħħra ta' din il-logħba video ħalli jsalvaw lil Spencer. Hemmhekk, f 'dan il-lok fantastiku oħrajn adulti jieħdu posthom, però billi din il-logħba hi mkissra se topera kontrihom. Wara li jsibu ruħhom bħal qabel fil-ġungla attakkati minn annimali kbar u feroċi, Dr. Smolder Bravestone (Johnson), Franklin Finbar (Hart), Professor Sheldon Oberon (Black) u Rudy Roundhouse (Gillan), flimkien ma' Minġ Fleetfoot (Awkwafina), ħalliela li jiltaqgħu magħha hemm, se jkollhom jiffaċċjaw perikli kbar mhux biss qalb is-siġar, ħaxix folt u xmajjar, iżda fid-deżert u fuq muntanji għoljin miksijin silġ. Bla dubju ta' xejn, Jumanji: The Next Level fih aktar avventuri spettakulari fantastiċi mimlija umoriżmu u intriċċi maestużi mix-xogħol ta' qabel. Tassew, dan hu film ezileranti, pjaċevoli u li jzommok interessat sal- aħħar. Barra l-azzjoni grandjuża li fih, il-lokalitajiet ta' xenarju superb, wieħed tassew jogħxa fuq l-effetti speċjali viżwali li jpaxxu l-għajnejn. Is-sekwenza twila u li tqanqal meta l-eroj tagħna jinqabdu fuq pontijiet dgħajfa tal-injam attakkati minn riġment ta' xadini feroċi, tispikka fuq kollox. Film tassew addattat għal dawn il-vaganzi li resqin fuqna! Edward Norton, il-protagonist assolut ta' Motherless Brooklyn, kiteb l-iscript, hu wieħed mill-produtturi, kif ukoll id- direttur ta' dan il-film tal-ġeneru noir. L-atmosfera palpabbli ta' New York tas-snin ħamsin, id-dekor, l-ilbies bl-irġiel kważi obbligatorju li jilbsu kappell, il-klabbs bis-suwed u l-mużika jazz, bil-kriminali mas-saqajn flimkien mal-kapijiet korrotti, tassew tirxoxta mill-ġdid perjodu distint ta' ħafna produzzjonijiet ta' Hollywood li saru xogħlijiet klassiċi. Norton jaħdem il-parti ta' Lionel Essog, detective privat ta' għalih waħdu li jbati minn marda li biha jagħmel ħafna movimenti żejda speċjalment b'rasu u anki ħsejjes minn ħalqu, li qed jazzarda ħafna biex isolvi l-qtil tal-uniku ħabib u protettur li kellu, Frank Minna (Willis). Dan ir-raġel kien ħeles lilu u lil sħabu tal-aġenzija nvestigattiva minn orfanatrou msejjaħ Motherless Brooklyn. Bi it ħjiel biss li sab fil-but ta' ġlekk ta' Frank Lionel imur Harlem f 'ħanut tal-jazz u jiltaqa' ma' Laura Rose (Mbatha-Raw) li qed tiġġieled biex ċertu żvilupp ta' bini ma jsirx fid-distrett tagħha, minħabba li l-prezz tal-bejgħ u anki l-kera se jogħlew ħafna. Mill-lokalitajiet fqar ta' Brooklyn sas-swali lussużi ta' New York City, Lionel se jħabbat wiċċu ma' korruzzjoni, gangsters u mal-aktar bniedem li jeżerċita poter hemmhekk. Jiġri x'jiġri, hu jrid isib soluzzjoni biex jonora lill-mejjet ħabibu u forsi anki jsalva lil dik il-mara li sar jammira. Wara bidu eċċellenti u eżileranti fejn Lionel u x-xufier sieħbu Gilbert Coney (Suplee) isuqu bil-karozza wara xi gangsters, qabel jinqatel Frank, Motherless Brooklyn, film pjuttost twil, jieħu traġitt kumpless, jidħlu fin-nofs diversi karattri oskuri u b'hekk wieħed irid joqgħod ħafna attent biex isegwi dak li jseħħ. Kollox ma' kollox, ħaqqu prosit Edward Norton f 'parti diffiċli ta' investigatur li xorta jipprova jirreaġixxi normali minkejja l-marda tat-Tourotte Sundrome li ħakmitu sewwa. Bniedem kważi dejjem iżolat qisu Alain Delon f 'e Samourai (1967). 23 films illum • IL-ĦADD 15 TA' DIĊEMBRU 2019 JUMANJI: THE NEXT LEVEL MOTHERLESS BROOKLYN Films ġodda fis-swali taċ- ċinema minn din il-ġimgħa Carmel Bonnici Atturi Ewlenin: Edward Norton; Bruce Willis; Gugu Mbatha-Raw; Bobby Cannavale; Cherry Jones; Ethan Suplee; Alec Baldwin; Willem Dafore. Direttur: Edward Norton. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 144 min, Ċert. 15 Atturi Ewlenin: Dwayne Johnson; Jack Black; Kevin Hart; Karen Gillan; Nick Jonas; Awkwafina; Alex Wolff; Morgan Turner; Ser'Darius Blain; Madison Iseman; Danny Glover; Danny DeVito. Direttur: Jake Kasdan. Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 123 min. Ċert. 12A

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 15 December 2019