Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1453704
07 aħbarijiet illum • IL-ĦADD 20 TA' FRAR 2022 L-Isptar Boffa reġa' qed jilqa' l-pazjenti minkejja t-telqa, l-abbandun u n-nuqqas ta' servizzi Wara l-pazjenti bil-Covid-19, l-Isptar Boffa, li tbattal fl-2015, reġa' beda jilqa' pazjenti morda b'diversi kundizzjonijiet, anke b'mard terminali, minkejja t-telqa u anke n-nuqqas ta' servizzi li joffri. Paul Pace jisħaq li l-MUMN ma għandha l-ebda infermiera stazzjonati f'Boffa YENDRICK CIOFFI Minkejja l-istat li jinsab fih u anke n-nuqqas ta' standards, l-Isptar Sir Paul Boffa fil- Furjana reġa' qed jilqa' pazjenti, b'mod partikolari anzjani, anke dawk li għandhom mard terminali u li suppost qed jingħataw kura paljattiva. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' qraba ta' pazjenti li bħalissa jinsabu rikoverati f 'dan l-isptar, li lmentaw kemm dwar l-ambjent, in-nuqqas ta' kumditajiet u s-servizzi. Sal-2015, dan l-isptar kien iservi bħala ċ-Ċentru tal- Onkoloġija sakemm dan is- servizz u anke l-pazjenti ġew trasferiti lejn iċ-Ċentru Sir Anthony Mamo, li nbena ġdid biswit l-isptar Mater Dei. Chris Fearne, dak iż-żmien Segretarju Parlamentari tas- Saħħa, kien qal li Boffa se jkun rinovat biex jerġa' jibda jintuża bħala sptar biex ilaħħaq mad- domanda għas-sodod f 'Mater Dei. Kien qal li din kellha tkun miżura temporanja, anke sakemm isiru xogħlijiet simili fl-isptar San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li kienu għaddew f 'idejn il-Vitals Global Healthcare u aktar tard f 'idejn Steward Health Care. Eventwalment, wara żmien vojt, fl-eqqel tal-pandemija, f 'dan l-isptar bdew jiddaħħlu wkoll pazjenti bil-Covid-19, mhux għax kellhom bżonn assistenza medika iżda għax ma setgħux jiżolaw lilhom infushom fi djarhom. 'Poġġewh fuq sodda antika kollha sadid' Madanakollu, fl-aħħar ġimgħat, dan l-isptar reġa' beda jintuża biex jilqa' fih pazjenti, anke anzjani li jkunu ġew rikoverati f 'Mater Dei u li issa jkunu qed jistennew biex jiddaħħlu f 'dar tal-anzjani. L-ILLUM hija infurmata li b'kollox hemm madwar 25 pazjent, inkluż anzjani li għandhom mard terminali, jinsabu fl-aħħar ta' ħajjithom u li suppost qed jingħataw kura paljattiva. Minkejja dan, qraba li tkellmu mal-ILLUM ilmentaw li s-servizzi mogħtija huma foqra ħafna. Ilmentaw ukoll dwar it- tagħmir. Anzjan partikolari, li kien qed jinżamm komdu f 'Mater Dei, anke fuq sodda b'saqqu apposta għax ma jistax jiċċaqlaq, issa jinsab fuq sodda antika tal-ħadid "kollha sadid." 'Ċilindri tal-ossiġnu ma jaħdmux ... lanqas issejjaħlu sptar' "Sakemm kienet Mater Dei kienu jagħmlulha minn kollox. F'daqqa waħda, kemm ilha f 'Boffa, mhu qed jagħmlulha xejn. Titkarrab biex titkellem ma' tabib. Lanqas għadek tista' ssejjaħlu sptar," saħqu l-qraba ta' anzjana marida b'kanċer. "Anke sempliċiment għall-ossiġnu, xi ħaġa bażika, għadhom biċ- ċilindri enormi bejn is-sodod. Meta kellha bżonn l-ossiġnu, dawn ma ħadmux. " Kien hemm drabi fejn l-infermiera sabu ruħhom f 'diffikultà dwar is-saħħa ta' pazjenti u bdew jikkunsidraw jibgħatux pazjenti Mater Dei jew inkella jitolbux tabib minn Mater Dei biex imur malajr. Dan biex ma nsemmux l-ambjent u anke l-ikel. Faħħru biss l-impenn ta' wħud mill- carers imma li xorta waħda ma jistgħu jagħmlu xejn biex jipprovdu kura lill-anzjani. Fil- fatt, anke carers stess jilmentaw mal-qraba dwar is-sitwazzjoni ta' dan il-post. "Kien hemm ġranet fejn il- carers lanqas kellhom minn fejn jimlew it ilma tajjeb għax-xorb biex jagħmlu it te sura lill- anzjani. Anke biċċa ħobż. Bil- butir biss għax la kellhom perżut u lanqas ġobon," komplew jgħidu l-qraba. "Dawn l-anzjani diġà qed iħallsu mill-pensjoni għax qed jistennew li jiddaħħlu f 'dar tal-anzjani. Nistennew aħjar." L-ILLUM rat ritratti ta' kurituri antiki mimlija għamara, ħġieġ imkisser u anke madum jiċċaqlaq. Fil-fatt, fi żmien meta l-isptar kien qed jilqa' l-pazjenti bil-Covid-19, anke dawn kienu lmentaw ma' ġurnali oħra dwar l-istat tiegħu, l-ambjent u saħansitra l-wurdien. 'L-MUMN ma għandha l-ebda infermier f 'Boffa' Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma' Paul Pace, President tal-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN). Pace insista li l-MUMN ma għandha l-ebda infermier li huwa stazzjonat f 'dan l-isptar, tant hu hekk li lanqas kien jaf li wara l-pazjenti bil-Covid-19, l-isptar Boffa beda jilqa' pazjenti u anzjani. Għal Pace, din kienet informazzjoni ġdida. "L-isptar la hu attrezzat u lanqas hemm servizzi għall- anzjani jew biex tingħata kura paljattiva," insista Pace. Tant kemm ma jingħatawx servizzi speċjalizzati, li l-ILLUM tista' tikkonferma li l-pazjenti huma mħallta, mhux bħal ma jiġri f 'Mater Dei fejn il-pazjenti jitqassmu fis-swali skont il- kundizzjoni. F'kamra, kapaċi jkollok pazjenti bil-kanċer, anzjani li qed jistennew post f 'dar ta' kura u anke persuni oħra li sempliċiment ikunu waqgħu u ma jistgħux jimxu. Ġaladarba l-MUMN ma għandha l-ebda infermiera jaħdmu f 'Boffa, l-ILLUM staqsiet lil Pace min huma l-infermiera li bħalissa jinsabu stazzjonati hawn. Pace insista li dawn x'aktarx ikunu infermiera "miġjuba minn kuntrattur." 'Standards baxxi u kwalità baxxa' Insista li dawn ma jkollhomx l-esperjenza jew ikunu speċjalizzati biex jaħdmu mal- anzjani, bħalma huma dawk li jintbagħtu f 'San Vinċenz de Paule, jew inkella biex jipprovdu kura paljattiva bħalma għandhom dawk taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. B'ton irrabbjat għall-aħħar, Pace ilmenta kif id-Diviżjoni tas-Saħħa qed tħares biss lejn in-numru u mhux lejn il-kwalità. "Standards baxxi u kwalità baxxa," insista Pace. "Meta jkollok infermiera ta' kuntratturi, anke s-superviżjoni ssir diffiċli." Il-Ministeru jikkonferma li Boffa reġa' qed jilqa' l-pazjenti... Intant, il-gazzetta ILLUM bagħtet sett ta' mistoqsijiet lill- Ministeru għas-Saħħa. Fost oħrajn staqsiet għaliex l-Isptar Boffa reġa' qed jilqa' pazjenti, inkluż dawk morda b'kanċer. Staqsiet min qed ikunu l-pazjenti li qed jintbagħtu hawn u anke x'inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru għas-Saħħa għal dan l-isptar. Kelliema għall-Ministeru ikkonfermat li l-isptar reġa' qed jilqa' pazjenti, b'mod partikolari anzjani, meqjusa bħala "long- term-patients,' sakemm dawn jinstabilhom post f 'home. Minkejja l-informazzjoni li għandha l-ILLUM, il-Ministeru ċaħad li l-Isptar Boffa qed jilqa' pazjenti li għandhom bżonn kura paljattiva. Insista li fl-isptar saru xogħlijiet ta' manutenzjoni u tisbiħ u b'mod regolari isir manutenzjoni tal- post. L-isptar infetaħ fl-1922 u kien magħruf bħala King George V Hospital, b'tiira tas-suldati Ingliżi li mietu fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Il-binja kienet ġarrbet ħsarat kbar fl-1942 fi żmien it- Tieni Gwerra Dinjija anke jekk l-Isptar baqa' jiffunzjona. Fl-1984, fi żmien il-Prim Ministru Pawlu Boffa, dan l-isptar kien inbena mill-ġdid u eventwalment, wara mewtu, ssemma għalih.