Illum previous editions

ILLUM 20 FEB 2022

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1453704

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 27

16 analiżi IL-ĦADD 20 TA' FRAR 2022 • illum Għaliex il-Kulti perikolużi? L-Ossessjoni (I) DAVID PACE Waqt ir-riċerka li għamilt matul dawn l-aħħar 30 sena fuq kulti u setet f 'Malta bħall-Catholic Revival u Erġa Lura ta' Edward Spiteri, gruppi Kariżmatiċi fosthom Marana mmexxija minn Dr. John Bonnici Mallia u r-River of Love ta' Gordon- John Manche, u d-dibattiti li kelli magħhom matul iż- żminijiet, dawn jemfasiżżaw diversi ossessjonijiet fosthom dik tas-sesswalità li diġà ktibt fuqha, l-iżvalutar tad-drittijiet tan-nisa (l-anti-feminiżmu), il-fejqan permezz tat-tqegħid tal-idejn, il-kult tal-persuna u x-Xitan. Dawn kollha huma mezzi ta' kontroll u fil-kitbiet ta' qabel spjegajt kif l-għan ewlieni ta' setta jew kult ċkejken (kemm jekk ikun independenti jew parti minn Knisja akbar bħalma l-Kariżmatiċi huma grupp fi ħdan il-Knisja Kattolika) jużaw diversi tattiċi biex jagħmlu lill- membri tagħhom totalment dipendenti fuqhom. Dan jista' jsir permezz ta' riġimentazzjoni - talb u qari tal-Bibbja ta' tul esaġerat u ripetizzjoni ta' ċerta partijiet biex jinħasel moħħ il-membri (brain-washing), liġijiet tal-grupp ristrettivi bħal kontroll tal-libertà tagħhom billi jgħidulhom li jistgħu biss ikollhom relazzjonijiet romantiċi ma' membri oħrajn tal-grupp jew inkella jugżaw lil min jikser xi liġi tal-grupp. Inkella sawm biex jiddgħajjef il-ġisem u l-moħħ, u jsir aktar suxxettibbli għall-kmand tal- Pastur, qassis jew mexxej tal- grupp, kxif ta' sigrieti f 'laqgħat fejn il-mexxej iħeġġeġ lill- membri jtennu l-aktar ħsibijiet ħżiena li jkollhom biex ikollu mezz sabiex jirrikattahom emozzjonalment u f 'xi każijiet anke fiżikament u finalment skonġramenti biex jitneħħew spirti ħżiena u dimonji meta xi membri jsostnu li ma' jistgħux jieqfu jagħmlu xi ħaġa li tmur kontra l-kredu tal-kult jew setta. Din tal-aħħar hija espressjoni tas-saħħa kbira li l-Pastur isostni li għandu, jiġifieri li jkeċċi l-akbar qawwa ħażina li teżisti minn persuna. Iżda tista' tkun perikoluża l-aktar jekk il-persuna jkollha problemi mentali u l-infurzar tal-eżistenza ta' spirtu ħażin fuqhom jista' jkollu effett li aktar imarrad u jifferoċja persuna li fil-fatt għandha bżonn l-għajnuna psikjatrika. Irridu nifhmu li jeżistu raġunijiet differenti għalfejn in-nies jiddeċiedu li jingħaqdu f 'setta jew kult. Uħud jingħaqdu magħhom għax iħossuhom weħidhom u jkunu jixtiequ jiffurmaw parti minn komunità - attività li tieħu post il-familja li forsi ma jkollhomx u ġieli anke tieħu post familja li jkollhom. F'każijiet estremi l-persuna ma tkunx trid taf bil-familja għax il-komunità tieħu preċedenza fuqhom u tqis il-qraba tagħha bħalha mexjin fit-triq il-ħażina. Oħrajn jidħlu biex ifittxu l-imħabba filwaqt li xi wħud ikollhom problemi aktar profondi psikoloġiċi u anke psikjatriċi tant li s-setta tgħaddihom mill-proċess li huma jemmnu illi jiskonġrahom mix-Xitan. Dan jiġri għal diversi raġunijiet. L-ewwelnett jista' jkun li l-mexxej tal-grupp ma' jkunx jista' jikkontrollhom jew isib rimedju għal dak li għandu tali membru. Jew inkella l-mexxej li jaħseb li hu r-rappreżentat ta' Alla u għandu poteri mirakolużi jħoss li kapaċi "jfejqu", jew biex juri l-kontroll tiegħu fuq persuna li hija bażikament vulnerabbli ħafna u għandha bżonn għajnuna professjonali, mhux xi ċarlatan jwerżaq bil-Latin fuqha! Il-biżà bħala mezz ta' kontroll Iridu nifhmu li t-twemmin fix- Xitan huwa parti mill-babaw li tintuża mir-reliġjon biex tbeżża' lin-nies ħalli jibqgħu jemmnu fir-reliġjon u r-regoli tagħha. Nistgħu ngħidu li hija għodda wżata mir-reliġjonijiet kollha monoteistiċi ewlenin u mhux kulti u setet biss. Dan għaliex il- biża' hija l-aktar għodda effettiva ta' kontroll. Dawn ir-reliġjonijiet kull mument qed jinsistu mal- membri tagħhom li jekk jemmnu fihom jistgħu jiġu salvati min-nirien tal-Infern u mix-Xjaten li jgħixu hemmhekk, u kapaċi jtellgħuk il-Ġenna wkoll. Dan dejjem jekk tisma' minnhom u tinjora reliġjonijiet oħra, u ġieli anke l-liġijiet tal-Gvern, jekk dawn imorru kontra dik tar-reliġjon jew kult. Bħala eżempju, nistgħu nsemmu lill-membri tax-Xhieda ta' Jehova li ma jħallux lill- membri jagħtu jew jingħataw id- demm f 'operazzjoni, anke jekk ħajjithom tkun fil-periklu. U dil-biża' mix-xjaten u l-Infern ilha tintuża minn ċkunitna. Min jaf kemm qalulna: "Jekk toqgħodu mqarbin tmorru l-Infern!" Fil-Medjuevu, it-twemmin fix- xitan tant kien qawwi li s-soċjetà kollha kienet toqgħod b'seba' għajnejn biex tara jekk xi ħadd hux juri sinjali ta' possessjoni li setgħet tkun sempliċiment xi ħadd qed ikellem it-tiġieġ hu u jitmagħhom, sal-ġbir ta' ħxejjex biex jitfejjaq il-mard u l-ġrieħi fiż-żmien meta l-mediċina lanqas kienet teżisti. David Pace jkompli jagħti ħarsa lejn l-operat ta' diversi kulti u setet u f'din il-ħarġa tal-ILLUM jibda jagħti ħarsa estensiva lejn l-ossessjoni storika u anke kurrenti bix-Xitan... Kull imġieba li kien jidhrilhom li hija kontra r-reliġjon ta' dak iż-żmien kienu jwaħħluha fix-xitan u jispiċċaw jittorturaw, ibiċċru u jkissru l-imsejknin sakemm ikollhom jammettu li verament jaħdmu max-xitan

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 20 FEB 2022