Illum previous editions

ILLUM 7 May 2023

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1498712

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 23

12 illum • IL-ĦADD 7 TA' MEJJU 2023 analiżi Vi jew Va? Ir-reliġjon IVA – Iwieġeb Dun Bernard M. Gatt, Vigarju Ġudizzjali Nixtieq nibda billi niċċara li għalkemm għandi rwol uffiċċjali fi ħdan il-Knisja f 'Malta, dan li se ngħid huwa biss l-opinjoni tiegħi; mhuwiex indikazzjoni ta' xi pożizzjoni uffiċċjali tal-isqfijiet jew tal- Knisja f 'Malta dwar dan is- suġġett. Meta nikkunsidra din il- mistoqsija nistqarr li nsib ruħi bejn ħalltejn. Fuq livell spiritwali u kulturali nixtieq li Malta tibqa' kattolika, iva. Allaħares ma nemminx li t-twemmin kattoliku huwa wieħed pożittiv u benefiku għall-bniedem għax kieku qed ngħix farsa. U allaħares ma nemminx li l-Knisja Kattolika kienet u għadha forza għat-tajjeb fis-soċjetà (anke dik Maltija), għax kieku nista' nżarma mill- vokazzjoni tiegħi. Iżda mbagħad hemm livell ieħor, u naħseb li dan huwa l-intenzjoni iktar iffukata ta' din il-mistoqsija: mhux jekk il-Maltin għandhomx ikunu Kattoliċi, imma pjuttost jekk Malta għandhiex tibqa' kattolika fuq livell statali u istituzzjonali. Din kwistjoni ferm iktar kumplessa; Ir-realtà preżenti – anki kif tindika l-Kostituzzjoni ta' Malta – tirrikonoxxi r-rwol li kellha l-Knisja Kattolika għal sekli twal fit-tiswir u t-tisħiħ tal- identità Maltija. Tirrikonoxxi wkoll dak li ġie konfermat mill-aħħar ċensiment, jiġifieri li parti kbira mill-popolazzjoni Maltija għadha tqis lilha nfisha Kattolika, jew għallinqas tidentifika ruħha ma' din l-affiljazzjoni reliġjuża. Ovvjament dan ma jfissirx li kull min iqis lilu nnifsu Kattoliku sejjer jipprattika r-reliġjon tiegħu b'mod regolari jew assidwu, jew iħaddan għalkollox it-twemmin kattoliku. Anzi, nafu li r-realtà hija ferm differenti minn hekk. Bosta Maltin fuq il-livell reliġjuż donnhom l-emigranti li jgħixu f 'pajjiż ieħor imma li kultant jerġgħu iżuru art twelidhom (jew art nieshom) għal xi okkażjoni speċjali. Għaldaqstant għandna ħafna li huma komdi jżuru l-knisja għall-festi l-kbar bħall-Għid il- Kbir u l-Milied jew il-festa tar- raħal; jattendu wkoll kultant għal xi tieġ jew funeral. U jkollhom ċerti prattiċi matul is-sena li ma jitilfuhomx bħad-Duluri jew is- Seba' Visti. Faċli li wieħed jitfa' lil dawn in-nies f 'keffa waħda u jgħid li iktar milli fidi dawn iħaddnu kultura Kattolika, iżda ġudizzju bħal dan jaf ma jagħmilx ġustizza ma' dak li hemm f 'qalbhom u fil-kuxjenza tagħhom. Il-kwistjoni ta' jekk Malta għandhiex tibqa' stat kattoliku trid tħabbat wiċċha wkoll mal- fatt li fil-qalb ta' ħafna ċittadini Maltin, l-affiljazzjoni reliġjuża Kattolika tagħhom "tikkoabita" b'mod skomdu ħafna mal- valuri l-oħra jew l-istil ta' ħajja li huma jħaddnu. Bosta Maltin għandhom boundaries ċari ħafna f 'moħħhom dwar il-Knisja x'għandha tagħmel u ma tagħmilx; għalihom il- Knisja ċertament għandha tiċċelebra l-festi, tqaddes il-quddies, u tamministra s-sagramenti (preferibbilment skont il-gosti tagħhom). Iżda mbagħad allaħares issemma' leħinha dwar kwistjonijiet soċjali bħalma huma realtajiet marbutin maż-żwieġ u l-familja; governanza sana u integrità fil-ħajja pubblika; id-drittijiet tal-ħaddiema u l-migranti; il- ħarsien tal-ħolqien, jew ukoll id-dinjità u d-dritt għall-ħajja mit-tnissil sal-mewt naturali tal- bniedem. Malli l-Knisja ssemma' leħinha dwar kwalunkwe wieħed minn dawn is-suġġetti – li dwarhom ilha tħaddan pożizzjonijiet morali u dottrinali għal mijiet kbar ta' snin, ferm qabel inħoloq l-istat Malti – malajr ikun hemm min jiddarras u jsostni li l-Knisja ħatja ta' indħil politiku. U kultant f 'dan il-kuntest jitqanqlu wkoll l-ispettri tal-kunflitti bejn il-Knisja u l-Istat fis-seklu li għadda u li ma jipprovdux art tajba għal diskussjoni serena imma jservu biss bħala sarima u bastun. Ir-rgħajja tal-Knisja spiss ifakkruna li fit-tagħlim tagħhom huma jfittxu li jdawwlu l-kuxjenzi għax il-Knisja tipproponi u mhux timponi. Imma kemm realment tista' taqdi r-rwol kostituzzjonali tagħha li tgħallem "liema prinċipji huma tajbin u liema huma ħżiena" (Kostituzzjoni ta' Malta, Artiklu 2.2) jekk kull darba li jsir dan it-tagħlim, jintlaqa' b'ostilità ċara jew inkella b'indifferenza kkalkulata? Jibqgħalna biss allura l-protokoll u l-folklor. Iktar ma jgħaddi ż-żmien jidher li l-kunċett ta' "Malta bħala stat kattoliku" tfisser biss li jkollna reliġjon kulturali li tbierek il- kalendarju soċjali u politiku b'xi quddiesa fil-konkatidral, bl-istedina ta' xi prelat fil-uħ ta' xi eżibizzjoni, binja pubblika jew avveniment, bil-bews tas- salib fil-ġuramenti tal-ħatra u b'xi funeral statali meta jinqala' l-bżonn. Imbagħad ovvjament hemm l-aspettativa li fil-festi li jiġu ċelebrati fil-parroċċi u l-knejjes, il-politiċi (ta' kull kulur, ovvjament) għandhom jingħataw il-postijiet ta' unur fuq quddiemnett, saħansitra jekk fil-ħidma politika tagħhom ikunu qed jimbuttaw aġendi u pożizzjonijiet totalment inkompatibbli mat-twemmin Kattoliku li jgħidu li jipprofessaw. Irriduċejna r-relazzjoni delikata u importanti bejn Knisja u Stat għal paraventu pulit li la jservi l-ġid ta' waħda u wisq anqas tal- ieħor. Jekk dan huwa dak li jfisser "stat kattoliku", allura forsi jkun aħjar li nagħlqu l-purtiera tal- palk fuq din il-pantomima mdejqa! Dun Bernard Gatt

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 May 2023