Illum previous editions

illum 15 January 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/773565

Contents of this Issue

Navigation

Page 2 of 35

Il-Ħadd 15 ta' Jannar 2017 | illum 3 Aħbarijiet Qed jinħoloq sens ta' biża' fost ir-residenti' Residenti ta' San Pawl il-Baħar sostnew li parti kbira mill-problema m'għadhomx l-Afrikani iżda Ewropej stess minn Veronica Lynn Mizzi ISSINDKU ta' San Pawl il-Baħar Graziella Galea, sostniet mal-gazzetta ILLUM li qed jinħoloq sens ta' biża' fost ir-residenti ta' San Pawl il-Baħar. Dan fid-dawl ta' taħżiż u graffiti ma' ħitan bi kliem barrani, li iktar tard ġie identifikat bħala Serb, imma wkoll fid-dawl ta' diversi stqarrijiet minn bosta individwi kemm fuq il-mezzi soċjali u anke mezzi tax- xandir, dwar is-sitwazzjoni f 'żoni differenti fil-lokalità. Fil-fatt, huwa sigriet magħruf li ħafna residenti ilhom jilmentaw dwar diversi żoni fil-lokalità. Primarjament fuq kwistjonijiet ta' sigurtà, kriminalità, sokor, vandaliżmu u storbju. Fil-fatt, residenta partikolari li tkellmet ma' din il-gazzetta sostniet li hemm diversi żoni, partikolarment fejn hemm bars li spiss huma frekwentati minn barranin "li tibża' tgħaddi minn ħdejhom speċjalment filgħaxija. Il- problema llum il-ġurnata, m'għadhiex minħabba l-Afrikani, imma minħabba l-Ewropej. Nippreferi ngħaddi minn triq b'10 Afrikani milli b'xi żewġ Serbi." Il-kummenti ta' din ir-residenta mhumiex l-ewwel tat-tip tagħhom u żgur mhux uniċi, tant hu hekk, li numru ta' residenti kellhom iduru għal mezzi soċjali fi gruppi għar-residenti sabiex jesprimu l-għadab tagħhom. 'Tiftaħ il-bieb u ssib in-nies jixorbu wara biebek' Resident ieħor ferm inkwetat minn San Pawl il-Baħar li wkoll tkellem ma' din il-gazzetta dwar is-sitwazzjoni ta' sigurtà fil-lokalità, insista li f 'diversi bars qed jinġabru għadd ta' barranin, li jintefgħu quddiem il-bar fuq il- bankina, għad-detriment tar-residenti u l-persuni fit-triq, u "jibdew ipejpu, jixorbu u jagħmlu l-istorbju, u lanqas tkun tista' tiftaħ tieqa." Dwar dan it-tħassib, meta mistoqsija minn din il-gazzetta, is-sindku Galea sostniet li anke jekk wieħed jara l-aħbarijiet, "ta' spiss naraw li l-persuna li tkun akkużata jingħad li toqgħod San Pawl il-Baħar, f 'diversi drabi jirriżulta li l-persuna lanqas tkun Maltija. B'hekk fost ir-residenti, qed tikber l-opinjoni li l-ħażin kollu, jew kważi kollu, qed isir mill-barranin, anke jekk dan mhux dejjem ikun il-każ. Inċidenti bħal dawn ikomplu jnaqqsu s-sens ta' sigurtà li wieħed kien ikollu, għaliex anke jekk mhux ġustifikata, jinħoloq sens ta' biża' fost ir-residenti." 'Ħafna Maltin jużaw lill- barranin bħala skuża' Dwar din il-kwistjoni, il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt ukoll mal-eks sindku u kunsillier ta' San Pawl il-Baħar, Raymond Tabone, li qal li l-lokalità inbidlet sew fl-aħħar snin u semma kif fil-passat wieħed kien jazzarda jħalli biebu mbexxaq jew miftuħ, iżda llum lanqas tgħaddi minn ras ħadd li jagħmel dan. Filwaqt li żied jgħid li huwa minnu li r-residenti huma iktar imħassba, sostna li huma diversi l-Maltin li jużaw lill-barranin bħala skuża fejn jidħlu l-ġlied u anke ħmieġ fil-lokalità. Graziella Galea, min-naħa l-oħra kompliet tgħid li minħabba dawn il-każi, jeħtieġ li tiżdied il-preżenza ta' pulizija fil-lokalità, għaliex, "m'hawnx biżżejjed biex verament joffru s-sens ta' sigurtà mixtieq f 'din il-lokalità. Minħabba f 'dan, mhux dejjem hu possibbli li l-pulizija jsegwu każ immedjatament jew inkella li tara pulizija jagħmel rondi spontanji fit-toroq." Galea żiedet tgħid, "żgur li jekk wieħed jara pulizija fit-triq, jiżdied is-sens ta' sigurtà u jitnaqqas iċ-ċans li jsiru reati bħal atti vandali, u li min qiegħed jikser il-liġi fil-fatt jinqabad." Is-sindku temmet b'appell biex tittieħed azzjoni sabiex dawn id-diffikultajiet soċjali li qegħdin jinħolqu, jonqsu jew jigu eliminati, "u dan qabel ma jikbru iktar u jkun tard wisq." Intant, filwaqt li kienu bosta dawk il-persuni li joqogħdu fil-lokalità li esprimew id- diżappunt u saħansitra r-rabja tagħhom għas-sitwazzjoni u dik li jaraw bħala deġenerazzjoni tal-lokal permezz tal- mezzi soċjali, uħud ħadu l-inizjattiva li jkunu huma li jnaddfu l-ħitan u jneħħu l-graffiti li ġew imħażża riċentament. Din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll li matul l-aħħar sena, kienu anke saru petizzjonijiet kontra negozji partikolari, li dwarhom, il-Kunsill Lokali kien qed jirċievi lmenti kontinwi. Huwa fatt magħruf fost ir-residenti u l-aġenti tal-proprjetà, li f 'ċerti żoni hemm numru ta' Maltin li qed ibigħu l-proprjetà tagħhom u jitilqu minn hemm. Ħafna minn dawn il-proprejtajiet imbagħad qed jinbiegħu għall-kiri. Numru ta' residenti ilbieraħ neħħew il-graffiti li tħallew mal-ħitan

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 15 January 2017