Illum previous editions

illum 15 January 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/773565

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

F ehmiet hawn kemm trid imma kif kien ighid il- fundatur ta' The Guardian, C.P. Scott, il-fatti huma sagri. Xtaqt naqsam ftit l-iskambju ta' korrispondenza illi kelli mal-editur ta' dan il-ġurnal il-Ħadd li għadda wara li fuq dan il-ġurnal ġie ssuġġerit illi fir-Renju Unit qed jikber l-għadab illi l-proċess sabiex il-pajjiż joħroġ mill-U.E. jista' jieħu sa għaxar snin, jekk m'hux aktar. In sostenn ta' dan, l-editur iċċita bħala sors awtorevoli l-istazzjoni televisiv Sky News. Ħassejt illi dan il-kumment huwa nġust u għandu jiġi rettifikat. Sfortunatament, qegħdin ngħixu fi żmien fejn minkejja illi l-aċċess għall-aħbarijiet sar ħafna aktar faċli, speċjalment permezz tal-internet, xorta sploda l-fenomenu ta' aħbarijiet foloz illi jiġu mxerrda għal t'apposta. Dana l-fenomenu rajnieh ikollu effett kemm fir- riżultat tar-referendum tal- Brexit kif ukoll fl-elezzjoni ta' Donald Trump. Rajna ukoll kif il-kampanja bla waqfien u għal bosta snin kontra l-U.E. f 'ġurnali ngliżi bħad-Daily Express, Daily Mail u The Sun ħalliet l-effett tagħha. Wieħed irid ifakkar ukoll illi Rupert Murdoch, il-propjetarju ta' The Sun u The Times hu ukoll l-akbar propjetarju ta' Sky News. Murdoch twieled l-Awstralja imma llum hu ċittadin Amerikan. Hu qatt ma ħeba l-antipatija tiegħu lejn l-U.E. u ddeskriva l-vot tal-Brexit, bħala "jail break". Il-ġurnalist Anthony Hilton darba staqsieh għala jobgħod daqshekk lill-U.E. Ir-risposta ta' Murdoch kienet ċara : meta hu jmur 10 Downing Street, jagħmlu kif jgħidilhom hu imma meta jmur Brussels, ħadd ma jagħti każu. Għaldaqstant, aktar minn qatt qabel, wieħed irid jixtarr is-sors tal-aħbarijiet u x'aġenda jista' jkollu min qed ixandarhom. Il-fatt illi wieħed qara din jew dik l-aħbar fuq xi sit tal-internet ma jfissierx illi b'daqshekk hija s-santissima verità. Huwa fattwalment skorrett ghal ahhar illi twaħħal fl- U.E. għad-dewmien għall- ħrug tar-Renju Unit mill- U.E. Ser nispjega ftit ghala qed nghid hekk. Fl-ewwel lok, wieħed kien jistenna illi r-Renju Unit kien ikun aktar ippreparat għall-eventwalità illi jagħżel illi joħroġ mill-U.E. u illi ma jkunx hemm dan id-dewmien kollu sabiex jibda l-proċess għall-ħruġ. Għaddew seba' xhur mill- vot tar-referendum u m'hux talli l-artiklu 50 tat-Trattat ta' Lisbona għadu ma' ġiex involat, talli ħadd, l-anqas l-ambaxxatur li kellu sa ftit jiem ilu fi Brussel, għadu ma jaf x'tip ta' relazzjoni l-gvern tar-Renju Unit jrid mal-kumplament tal-U.E. wara l-Brexit. Il-kawża illi saret lill-gvern Ingliż sabiex jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Parlament qabel ma jinvoka l-artiklu 50 qed toħloq dewmien ulterjuri. M'hemmx dubju illi l-gvern ta' May ser jottjeni tali awtorizzazzjoni mill- Parlament u allura wieħed bil-fors irid isaqsi għala Theresa May webbset rasha u appellat s-sentenza tal- High Court meta kulħadd qed jistenna illi s-Supreme Court ser tikkonferma s-sentenza appellata. Anzi qed tirriskja illi s-sentenza tagħti d-dritt lill-gvernijiet tal-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta' Fuq illi jkollhom sehem aktar dirett fil-proċess ta' Brexit. Malli r-Renju Unit jinvoka l-artklu 50 tat-Trattat ta' Lisbona kif suppost jagħmel qabel l-aħħar ta' Marzu, jibdew in-negozjati ghat- tluq tiegħu mill-U.E. Dawn in-negozjati ser jittrattaw it-termini tat-tluq bħal x'ser jiġri miċ-ċittadini tal-U.E. fir-Renju Unit u viċi-versa, kif ser jitħallsu d-drittijiet tal-pensjoni tal-funzjonarji brittaniċi fl-U.E. u s-sehem tar-Renju Unit għall-ħlas tal-kontijiet pendenti tal- U.E. L-istima fi Brussels hi illi r-Renju Unit ser jaffaċja kont ta' € 60bn. Jistgħu ukoll isiru taħdidiet paralleli dwar xi tip ta' arranġamenti trasitorji sabiex il-proċess ta' tluq ma' jkunx brusk għaż- żewġ naħat. L-andament ta' dawn it- taħdidiet jiddependi ħafna fuq it-tip ta' relazzjoni illi r-Renju Unit irid mal- U.E. 27 wara l-Brexit. Jekk ir-Renju Unit jagħżel illi jżomm l-aċċess għas-suq waħdieni jew illi jibqa' fl- għaqda doganali, l-affarijiet jissimplifikaw ruhhom hafna. Imma sabiex ir-Renju Unit iżomm l-aċċess għas- suq waħdieni, irid jaċċetta: (1) l-erba' libertajiet inkluż dak tal-moviment taċ- ċittadini tal-U.E. (li tidher ferm problematika għall- gvern ta' May); (2) l-acquis communitaire minkejja li r-Renju Unit ma jibqgħalu l-ebda leħen fit- tfassil tiegħu u jaċċetta illi jibqa' taħt il-ġurisidizzjoni tal-Qorti Ewropea tal- Ġustizzja (probabilment m'hux aċċettabli għall-gvern tar-Renju Unit) u (3) jħallas lill-U.E. (David Davis, is-segretarju għal Brexit diġa ndika illi tali ħlasijiet huma possibli). Dan ikun arrangament simili għal dak illi l-U.E. għandha man-Norvegja, arranġament illi l-Brittaniċi s'issa stqarrew li ma jridux. Il-ftit indikazzjonijiet illi tat Theresa May s'issa kienu illi l-aktar ħaġa mportanti għalija hi t-tnaqqis tan-numru tal- immigranti u għaldaqstant, tali arranġament ma jkunx possibli. Għaldaqstant, jekk ma jintlahaqx ftehim fi zmien sentejn wara li jiġi nvokat l-artiklu 50 illi dwaru jaqblu żewġ terzi tal-U.E.27 u l-Parlament Ewropew, ir- Renju Unit jitkeċċa mill- U.E. mingħajr ma jkollu ftehim dwar il-kummerc mal-U.E.27. Dan it-terminu ta' sentejn jista' jiġi estiż biss bil-kunsens tal-pajjiżi membri kollha tal-U.E.27 imma wara s-sentejn oriġinali, kwalunkwe ftehim milħuq irid il-kunsens tal- pajjizi membri kollha. Dan hu xenarju ferm perikoluż għar-Renju Unit għal bosta raġunijiet. Biex wieħed jagħti eżempju wieħed, huwa ferm probabbli illi Spanja tkun trid tibda teżerċita sovranità konġunta fuq Ġibiltà sabiex taċċetta ftehim ta' kummerċ mar- Renju Unit. Wara li jgħaddu sentejn, Spanja jkollha veto fuq kwalunkwe ftehim bejn l-U.E.27 u r-Renju Unit. U hemm ukoll il-kwistjoni taħraq dwar il-fruntiera bejn l-Irlanda ta' Fuq u r-Repubblika Irlandiża li ħadd ma jridha imma illi tidher inevitabbli. Għadu ħadd ma jaf eżatt x'ser jiġri imma l-proċess tal-Brexit jista' jimmina l-ftehim tal- Ġimgħa l-Kbira illi temm l-inkwiet settarju fl-Irlanda ta' Fuq u illi tiegħu l-U.E. hija garanti. Xenarju aktar improbabbli imma possibli hu illi l-Irlanda ta' Fuq toħroġ mir-Renju Unit u tingħaqad mar-Repubblika. Jekk ir-Renju Unit jippreferi il-kontrolli fuq l-immigrazzjoni għall-aċċess għas-suq waħdieni, ir- Renju Unit ikollu jinnegozja ftehim kummercjali mal- U.E. kif ukoll mal-pajjiżi l-oħra illi llum il-kummerċ magħhom hu regulat bil- ftehim li għandha l-U.E. Altrimenti japplikaw ir- regoli tat-W.T.O. li huma ferm punittivi f 'bosta setturi. Dan huwa l-ftehim illi Sir Ivan Rogers, l-ex- ambaxxatur tar-Renju Unit fi Brussels, jingħad li qal lill-kapijiet politiċi tiegħu illi jista' jieħu sa għaxar snin biex jiġi negozjat u ratifikat. Għab-bażi tal- esperjenza tal-ftehim mal- Kanada illi ħa għaxar snin sabiex jintlaħaq u kważi nkalja fl-aħħar fl-iskoll tal-Parlament reġjonali tal- Walloons, Sir Ivan ma kienx pessimist imma realist. U ta' dan spiċċa mgħajjar mill- Konservattivi u Brexiteers oħra li hu pessimist wisq dwar il-Brexit. Fl-ittra tiegħu ta' riżenja ftit jiem ilu, Rogers akkuża l-gvern tar-Renju Unit li ma jafx xi jrid u li għandu idejat imħawdin u ħżiena. Kif wieħed qed jara, l-affarijiet m'humiex sempliċi kif x'uħud iħobbu jpinġuhom, mingħajr ma jkunu nfurmati sew fir- rigward. Kif dan il-ġurnal poggieha nhar il-Ħadd li għadda, qisu l-U.E. trid ittawwal kemm tiflaħ biex iżżomm lir-Renju Unit milli johrog mill-U.E. Dan ċertament m'hux il-kaz. Ir-Renju Unit, u kwalunkwe pajjiż ieħor, jista' jitlaq x'hin irid imma m'għandhux jippretendi l-privileġġi illi jiġu biss bis-sħubija fl-Unjoni. L-atteġjament tar-Renju Unit kważi apertament hu illi it wants to have the cake and eat it. Dan m'hu aċċettabli ghal ebda pajjiz tal-U.E.27 u kull pajjiz, inkluz Malta, għandu l-interessi tiegħu x' jissalvagwardja. Kif qal Joseph Muscat kemm-il darba u stqarrew bosta osservaturi, l-U.E.27 hija ferm magħquda dwar il-Brexit. Din l-għaqda ssorprendiet lil bosta u l-isforzi kollha brittaniċi sabiex jibdew negozjati nformali qabel ma jiġi nvokat l-artiklu 50 fallew. Dan kompla jżid il-konfużjoni fil-kamp brittaniku u r-Renju Unit għadu ma rnexxielhux jidentifika l-istrateġija li jrid jadotta. M'huxta' b'xejn illi Theresa May stqarret illi Brexit iżżomha mqajma bil-lejl. Għandha tassew fuq hiex imma hija għandha ġġorr parti mir-responsabilità għas- sitwazzjoni illi llum jinsab fih ir-Renju Unit. illum | Il-Ħadd 15 ta' Jannar 2017 'Ir-Renju Unit, u kwalunkwe pajjiż ieħor, jista' jitlaq x'hin irid imma m'għandhux jippretendi l-privileġġi illi jiġu biss bis-sħubija fl-Unjoni' Wieħed kien jistenna illi r-Renju Unit kien ikun aktar ippreparat għall-eventwalità illi jagħżel illi joħroġ mill-U.E. Opinjoni 18 Fehmiet ħielsa, fatti sagri JOE ELLIS

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 15 January 2017