Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/773565
illum | Il-Ħadd 15 ta' Jannar 2017 Opinjoni 20 2017 – Il-patrijiet ta' Ġieżu jitimgħu lill-fqar G ħas-sena 2017, il- patrijiet ta' Ġieżu, fil-Belt Valletta, ħasbu li jvaraw proġett karitattiv kbir li tassew ħaqqu l-attenzjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni. Konxji li l-faqar qiegħed dejjem jiżdied, il-patrijiet ħabbru li lesti jirriservaw parti mill-kunvent tagħhom u anki joffru ikla sħuna kuljum lil dawk in-nies li sabu ruħhom "fl-aħħar skaluna tas- soċjetà". Il-proġett se jibda l-ewwel għal 30 persuna u mbagħad jitla' għal 80 jew 90. Il-patrijiet qed jgħidu li qed ikun hemm nies jiżdiedu li qed imorru jħabbtu l-bieb tal-kunvent jitolbu għal xi ħaġa tal-ikel jew post għall- kenn. Donnha li l-istorja qed tmur lura u r-reliġjużi kunventwali qed jerġgħu jiskopru l-missjoni karitattiva tagħhom mal-poplu. Żgur li dak li se jagħmlu din is- sena l-patrijiet ta' Ġieżu jista' jkun ikkupjat. Missjoni fl-Etjopja Grupp ta' sitt personalitajiet f 'dawn il-jiem telqu b'missjoni lejn l-Etjopja biex joħolqu proġett sostenibbli. Il- programm Il-Proġett wera kif dawn in-nies, b'entużjażmu kbir, telqu lejn l-Etjopja biex jibnu razzett, maħżen u borehole għall-ilma nadif. Kollha qalu li riedu jkollhom esperjenza diretta tal-faqar fi nħawi fl-Etjopja, sewwasew f 'Adrigat, belt fqira ta' madwar 60,000 ruħ. Ir-realtà li sabu ma' wiċċhom kienet bil-wisq agħar milli stennew. Il-faqar u l-mard (l-aktar l-HIV) huma inkredibbli, imma xorta waħda l-abitanti jibqgħu jitbissmu u jidħqu. Dan fenomenu li rajnieh kemm-il darba bit-telekameras. Il-miżerja ma tmewwitx ir-rieda u t-tama. Il-Maltin li telgħu Adrigat esprimew l-esperjenzi li raw: il- faqar, il-miżerja, il-ħmieġ u l-mard, anki f 'dik li tissejjaħ il-kapitali. Il-vjaġġatur fl-orjent imbiegħed Programm differenti dwar l-ivvjaġġar hu Il-Vjaġġatur, mibni fuq id-djarji ta' Patrick Vella, eksreġista tat-teatru. Il-preferenzi ta' Vella jxaqilbu lejn inħawi orjentali u Il-Vjaġġatur fetaħ tieqa li t-televiżjoni lokali ftit ażżarda jiftaħ. Dan hu programm eżotiku li mess il-kultura tal-Lvant Imbiegħed. Id-djarju ta' Vella inkluda l-arti, it-teatru, iż-żooloġija, l-ortikultura u l-ikel tradizzjonali f 'dawk l-inħawi mbiegħda li anki l-Maltin saru jitħajru jżuru għall-esperjenza ta' ħajjithom. L-arka ta' Noè Fi Twelve to 3 (TVM) kien intervistat wieħed mill-koordinaturi tas-santwarju tal-annimali Noah's Ark, li kien infetaħ 12-il sena ilu, l-aktar biex jieħu ħsieb il-klieb abbanduanti. Is-santwarju jieħu ħsieb ir- riabilitazzjoni tal-klieb mitluqin u jidħol biex jistudja u jifhem is- soċjoloġija u l-psikoloġija ta' dawn l-annimali intelliġenti u ħbieb tal-bniedem. Is-santwarju jaħdem fuq bażi volontarja u dak li deher jitkellem fil-programm, minbarra li fisser kemm sar xogħol mix-xejn, għamel appell biex l-awtoritajiet joħorġu jdejhom biex jgħinu lis- santwarju jikber u jilqa' aktar klieb abbandunati. Iż-żaqq tal-Maltin Bilkemm titwemmen, imma lanqas laħqu għalqu l-festi tal-Milied li l-programmi ta' filgħodu fuq id-diversi kanali lokali ma bdewx għaddejjin bit-tisjir. Kważi taqbdek nawsja tara dak l-ikel kollu wara l-bonanza esaġerata tal-festi: u rġajna bir-riċetti tal-kejkijiet, torti, kremi, cupcakes eċċ. U l-ironija hi li programm minnhom ġab esperta fid-detox, biex wara l-iffangar tal-festi jitnaddaf il-fwied. Dan tagħna pajjiż tal- kontradizzjonijiet. Il-gazzetta żminijietna Mhu ċar xejn min huma dawk li jippubblikaw il-gazzetta Żminijietna li toħroġ kull tliet xhur. Il-gazzetta tgħarraf biss lill-qarrejja tagħha li tirrappreżenta "leħen ix-xellug". L-editur/i joħorġu b'materjal tajjeb ħafna, dejjem b'enfasi favur dawk fl-iskala ta' taħt tas-soċjetà u l-faxxa f 'riskju ta' faqar reali. Fl-aħħar edizzjoni għall-2016 (Ottubru-Diċembru) hemm artiklu b'saħħtu dwar il-prekarjat fix- xogħol, artiklu sensittiv dwar The Invisible Homeless ta' Mary Anne Zammit u studju fuq l-Intellettwali tax-Xellug bil-firma ta' Patri Mark Montebello. Fil-faċċata ta' quddiem hemm intervista mal-Brażiljan Marcel Gomez, li jaħdem ma' organizzazzjoni li tiġġieled kontra l-iskjavitù f 'pajjiżu. Gomez, li kien mistieden f 'Malta mill-Friends of the Earth, ikkollabora permezz ta' intervista fuq il-prodotti li nikkonsmaw. Dejjem fil-faċċata ta' quddiem, taħt ir-ras "Ġustizzja Soċjali mhux Karità", il-gazzetta tfakkar li f 'Malta 16.3% huma fil-faqar filwaqt li 22.4% huma f 'riskju ta' faqar. Żgur li din il-gazzetta sensittiva jistħoqqilha li tkun esposta għall- analiżi medjatika kif isir ma' gazzetti / ġurnali oħrajn fuq il-mezzi tax- xandir. Lanqas laħqu għalqu l-festi tal-Milied li l-programmi ta' filgħodu fuq id-diversi kanali lokali ma bdewx għaddejjin bit-tisjir MARIO AZZOPARDI Xena tal-faqar fi triq fl-Etjopja