Illum previous editions

Illum 4th June 17

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/832506

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 35

illum | Il-Ħadd 04 ta' Ġunju 2017 Opinjoni 14 DIN is-sena ċ-ċelebrazzjoni ta' Jum il-Ħaddiem qed titpoġġa f 'kuntest ta' ekonomija lokali li tidher li hija f 'saħħitha bl-inqas qgħad rekord u għalhekk żieda fl-impjiegi. Mill-banda l-oħra, kull fejn tmur qed tiżdied l-għajta li għandu jkun hemm pagi diċenti u pensjoni adekwata għal kulħadd f 'kull livell. Tinħass sew din il- kontradizzjoni. Għaliex? Bażikament id-distakk bejn min qed jaqla' l-iktar u min qed jaqla' l-inqas kulma jmur qed tiħrax u tkun żbilanċjata kontra l-maġġoranza tal-ħaddiem, liema distakk ma jista' jkun iġġustifikat bl-ebda mod. Analiżi iktar fil-fond turi li hemm l-iktar żieda fl-impjiegi part-time, b'pagi baxxi u b'kundizzjonijiet prekarji. Għalkemm il-Gvern għandu paga minima stabbilità li ilha ma tinbidel mindu ddaħħlet fl-1972, hu ta' tħassib li l-Gvern jinforza din ir-rata għall-impjiegi full-time biss, u għalhekk, impjiegi part-time jafu jħallsu b'rati iktar baxxi. Ta' min jirrikonoxxi xi żviluppi pożittivi mill-Gvern biex itejjeb il-qagħda ta' dawk bi dħul baxx b'diversi għajnuniet. Il-ftehim milħuq ftit ġranet ilu bejn l-imsieħba soċjali hu wieħed pożittiv li joffri bonus fuq il-paga minima. Imma dan il-ftehim kien wieħed kożmetiku għal numru ta' raġunijiet fosthom li din iż-żieda mhux ser tfisser emenda fir-rata statutorja li tistabilixxi l-liġi imma f 'forma ta' bonus marbut b'numru ta' kundizzjonijiet. Iż-żieda maqbula hi ftit wisq, €3 fil- ġimgħa wara sentejn ta' xogħol full-time mal-istess imgħallem u għalhekk dawk jaħdmu part- time u fuq kuntratti qosra huma eskluzi. Fi ftit kliem, il-bonus fuq il-paga minima tfisser li fl-2019 il-fulltimers se jieħdu tmien ewro iktar kull ġimgħa - prezz ta'pizza waħda. Għalkemm is-suq lokali jagħti l-impressjoni li hu wieħed miftuħ u liberalizzat, l-ekonomija ta' pajjiżna hi bbażata fuq żewġ saffi distakkati minn xulxin: dawk ta' fuq u dawk t'isfel. Dawk li joperaw fis-saff ta' fuq igawdu minn salarji għolja bla limitu apparti benefiċċji oħra. Ħafna minnhom huma impjegati fis- setturi tas-servizzi finanzjarji, ICT, iGaming, importaturi u żviluppaturi. Min-naħa l-oħra dawk il- ħaddiema tas-saff t'isfel jaħdmu għall-pagi miżerabbli f 'setturi ġeneralment fil-manifattura, infrastruttura, fl-għoti tas- servizzi essenzjali bħal saħħa u edukazzjoni, jaħdmu għal sigħat twal u b'kundizzjonijiet li huma ta' detriment għas- saħħa u s-sigurtà u d-dinjità tal-ħaddiema. Dan kollu f 'isem sistema meqjusa b'mod sagru bħala s-suq ħieles... Meta ħaddiem jagħmel l-għalmu tiegħu u jaħdem bla heda, jiċċaħħad mill-ħin tal-mistrieħ biex jagħmel xogħol ieħor u xorta bilkemm jirnexxilu jgħajjex familja fis- sod, dan kollu jkattar ansjetà u rabja kontra s-sistema tax-xogħol. Effett ta' dan qed jinħass fiż-żieda ta' ansjetà u mard mentali li dan iġib miegħu imma mhux biss, għax din ix-xejra qed ikollha impatt politiku wkoll. Fl-Ewropa din ir-rabja qed tkun sfruttata għall-interess tal-partiti tal-lemin estrem li jaraw l-immigrazzjoni bħala l-għerq tal-problema. Għalkemm is-swieq Ewropej jiġġudikaw din ix- xejra bħala waħda populista, ir-rabja hi tabilħaqq ġustifikata. Madankollu, iI-kaġun għal din is-sistema ta' sfruttament mhux minħabba l-immigrazzjoni imma frott dan il-mit tas-suq ħieles li jagħsar il-ħaddiem bl- iskuża tas-suq! F'kuntest ta' ekonomija inugwali jkun hemm nuqqas ta' mobbiltà soċjali biex ħaddiema b'pagi baxxi javvanzaw. Għalhekk hu importanti li d-distakk bejn dawk ta' fuq u dawk t'isfel ikun imnaqqas u mhux jiżdied. Għaldaqstant, paga minima- li minnha nfisha tfisser l-inqas paga li tista' tingħata, xorta waħda għandha tkun biżżejjed biex wieħed ikun jista' jgħix ħajja diċenti. Hawn ta' min iħares lejn l-għoli tal-ħajja li qed tifni lil dawn il- ħaddiema u l-familji tagħhom bil-prezzijiet tal-iktar affarijiet essenzjali li dejjem jogħlew u bil-kirjiet li qed jiżdiedu b'mod allarmanti. Minkejja li l-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-għoli tal-ħajja qed xorta therri dak il-ftit dħul li qed ikollhom il-ħaddiema. L-istudju li għamlet il-Caritas kien utli ħafna biex jagħti stampa ċara kemm diversi kategoriji ta' familji jkollhom bżonn jonfqu biex jgħixu ħajja diċenti. Madankollu, ta' min wieħed jieħu nota li dan l-istudju kien ibbażat fuq basket ta' bżonnijiet li kien miżerabbli wisq – u għalhekk mhux daqstant reali- biex familja tista' tgħix ħajja diċenti bil-bżonnijiet tal-lum. Eżempju ta' dan hu li l-kategoriji ta' familji kienu meqjusa li joqogħdu f 'post tal- gvern u li għalhekk għandhom kera baxxa u stabbli meta dan jgħodd għal sezzjoni żgħira tal- popolazzjoni. Dawn l-istejjer li ilna nisimgħu fil-gazzetti dan l-aħħar xhur li bosta familji qed jitgħaffġu biż-żidiet allarmanti fil-kera, qed juri biċ-ċar li l-mit ta' 'is-suq isuq' qed ikun ta' benefiċċju biss biex min għandu l-kapital iħaxxen butu askapitu tal-bqija. Agħar minn hekk, meta snin ilu l-Gvern illiberalizza dan is-suq, ma qis xejn li jkun hemm protezzjoni xierqa għal min jagħżel li jikri post. Riżultat ta' dan u fatturi oħra qed iwassal biex parti kbira mill-pagi u benefiċċji soċjali qed imorru biss biex iħallsu l-kera bil-konsegwenza traġika li dawk li ma jlaħħqux jispiċċaw bla saqaf. Minkejja s-sussidji li jgħati l-Gvern. Għaldaqstant l-għajta għal trażżin fil-prezzjiet tal-kera nibtet mill-Forum Komunità Bormliża fejn ħareġ ċar li s-sussidji mogħtija mill-Gvern mhumiex effettivi mingħajr mekkaniżmu li jistabilizza ż-żieda fil-prezzijiet. Għalhekk politika sostenibbli li vera tipproteġi lill-ħaddiem tassigura għajxien diċenti kemm fl-għoti tax-xogħol b'kundizzjonijiet xierqa u aċċess għal residenza adegwata liema spiża ma tnawwarx il-biċċa l-kbira mid-dħul ta' dawn il- ħaddiema. Naqra regolazzajoni mhijiex ħaġa kommunista anzi hija parti mid-doveri tal-gvern responsabbli ta' pajjiż Ewropew. Wara kollox hemm ħafna regoli fuq iż-żgħir għaliex m'hemmx regoli fuq il-kbir? YANA MINTOFF "Il-mit ta' 'is-suq isuq' qed ikun ta' benefiċċju biss biex min għandu l-kapital iħaxxen butu askapitu tal- bqija. Agħar minn hekk, meta snin ilu l-Gvern illiberalizza dan is-suq, ma qis xejn li jkun hemm protezzjoni xierqa għal min jagħżel li jikri post" Lejn ħaddiema b'iktar dinjità

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - Illum 4th June 17