Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/846772
Il-Ħadd 09 ta' Lulju 2017 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Trasport u Infrastruttura F 'intervista ppubblikata l-ġimgħa l-oħra l-Ministru tal- Finanzi Edward Scicluna saħaq illi minkejja t-tkabbir ekonomiku l-infrastruttura inġenerali ta' pajjiżna ma mxietx biżżejjed 'il quddiem biex tirrifletti l-istess tkabbir qawwi ħafna li ra pajjiżna. U hekk hu. Minkejja li r-rota ekonomika tal-pajjiż qiegħda ddur b'ħeffa kbira u minkejja li l-ġid li qed jinħoloq fil-pajjiż qiegħed dejjem jikber, għadna qed noffru prodott infrastrutturali ta' pajjiż medjokri u ta' ekonomija li tant mhux qed tiġġenera flus li t-tisbieħ u t-tiswija saru kważi lussu. Dan l-editorjal xeba' jġib għall-attenzjoni tal-Gvern il-fatt illi huwa totalment u assolutament inaċettabli, apparti li turi wkoll nuqqas gravi ta' ppjanar fit-tul, illi għad għandna żoni turistiċi f 'pajjiżna illi huma fi stat diżastruż. Huwa veru illi n-negozju fl- inħawi ta' Buġibba/Qawra kien tajjeb fix-xitwa li għaddiet kif stqarr ma' din il-gazzetta l-intraprenditur u Kunsillier tal-PL Pawlu Buġeja. Imma l-istess Bugeja ma waqafx hemm, u fakkar illi minkejja l-investiment qawwi li qed jagħmel il-privat dan ikun għalxejn, "jekk imbagħad toħroġ barra u ssib diżastru." Ejja ngħiduha kif inhi. Meta mqabbel mal-infrastruttura tal- kompetituri tagħha Ewropej, San Pawl/ Buġibba/Qawra bħala l-aktar lokalità b'sodod għat-turistri, hija konsiderevolment inferjuri. Bankini mkissrin, ħafna toroq li għadhom qed jibku għal laqgħa tarmak u infrastruttura madwar il-baħar li l-aħħar li sar investiment fuqha kien 20 sena ilu, fl-1997. Dan meta pajjiżi kompetituri, ibiddlu, iġeddu u jaqilgħu kull tant snin. Vera li saret it-triq madwar il- baħar, imma anke dan juri illi l-inizjattivi huma waħedhom u mhuma marbutin ma' ebda pjan serju ta' riġenerazzjoni infrastrutturali. Il-pjan bħalissa huwa li nagħmlu triq u meta titkisser sal- punt li tkissirlek karozza, nerġgħu nibnuha. Tafu kif niddeskrivu din l-attitudni? Medjokrità. Bħalma hija medjokrità illi fl-2017, f 'pajjiż modern, b'ekonomija li qed tiġri daqs dik tal-Ġermanja għadu ma kellniex attentat serju u innovattiv biex insolvu l-problema dejjem tiżdied ta' traffiku. Minflok mina li tieħdok miċ-Ċirkewwa sal-Imġarr, dan il-pajjiż għandu bżonn ta' infrastruttura serja, moderna u li tixraq lill-pajjiż li jiftaħar bil- progress, biex minn post għall-ieħor tasal f 'ħin raġonevoli. Għax biddilna s-sidien tat-trasport pubbliku u minkejja t-titjib qawwi li sar, xorta għdek tisma' wisq bi vjaġġi li jaslu tard, vjaġġi li lanqas biss jaslu u issa fis-sajf, sigħat ta' stennija għax l-influss tat-turisti jkun ifisser li kull xarabank tkun mimlija. Jeħtieġ nibdew naħsbu jekk hux se mmorru għall-proġett ta' trasport fuq l-art jew taħt l-art u jeħtieġ nibdew illum. Jeħtieġ li jitfassal żmien stipulat ta' kemm se jdumu l-istudji, ssir diskussjoni wiesgħa dwar il-possibilitajiet u wara l-pajjiż jibda jwettaq. Hija xejn inqas minn pastażata, li biex tmur minn post għall-ieħor f 'din ir-roqgħa ta' art ġieli ddum sagħtejn, daqs kemm iddum biex tmur l-Italja. Irridu ninqalgħu mill-medjokrità u proġetti infrastruttali li jsiru jew jkunu mwiegħda biss għal skopijiet ta' voti u naħsbu lil hinn minn dak li diġà ġie pruvat li mhux soluzzjoni. Dan kollu ma jneħħix mill-fatt li huwa pożittiv li proġett bħal dak tal- Kappara għaddej ġmielu u ż-żmien li se jkun ħa biex jitlesta minnu nnisfu huwa pożittiv ħafna wkoll. Bħalma hija pożittiva l-wegħda tal-Partit Laburista li f 'temp ta' seba' snin se jsiru t-toroq kollha tal-pajjiż. Naturalment issa nistennew li mill-kliem u l-wegħdi ngħaddu għall- fatti forsi fl-aħħar nieqfu naraw u nsuqu fuq toroq li qishom wiċċ il-qamar. Malta qed tagħmel progress u wasal iż- żmien li dan il-progress ikun rifless b'mod qawwi wkoll fl-infrastruttura tal-pajjiż. Biex min jiġi f 'pajjiżna jħoss li qed isuq fuq toroq Ewropej u li qed juża trasport pubbliku Ewropew. F'pajjiż li huwa u jidher organizzat u inovattiv. Dan għandna nagħmluh issa, kif l-ekonomija sejra tajjeb, issa ħalli l-ġid nużawh biex nibnu pedamenti importanti u neċessarji denji ta' pajjiż bl-ambizzjoni tal-aqwa fl-Ewropa. Imma biex inkunu l-aqwa fl-Ewropa jeħtieġ nieqfu niskużaw u naċċettaw il- medjokrità (għax dejjem hekk ġara) u nesiġu l-azzjoni. Il-poplu jeħtieġ jaġixxi ta' konsumatur rett u esiġenti, anke fejn jidħlu servizzi pubbliċi, wara kollox hu qed iħallas għat-tali servizzi mit-taxxi tiegħu. Editur: Albert Gauci Cunningham 21