Illum previous editions

illum 13 August 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/860908

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 35

11 Il-Ħadd 13 ta' Awwissu 2017 | illum Aħbarijiet 'Is-sindki għandhom ikunu full time' Chris Said jipproponi numru ta' bidliet fil-Kunsilli Lokali Minn Liam Carter WAQT konferenza tal- aħbarijiet il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said sostna li għandha tiġi diskussa l-possibbilità ta' sindki full time. Din il-proposta fil-fatt diġà kienet saret mill-kunsillier Laburista Desmond Zammit Marmara f 'artiklu ppubblikat fuq il-gazzetta The Times nhar l-Erbgħa 29 ta' Ottubru 2014. Fl-artiklu huwa kien sostna hekk, "huwa fl-aħjar interess tar-residenti li jkollhom sindki li jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom lil-lokalità li jmexxu." F'Pembroke lbieraħ Said ukoll saħaq li l-possibbilità li sindki jaħdmu full time tgħin biex ikun hemm iktar ħin biex issir ħidma effettiva min-naħa tal-kunsill. Huwa semma' wkoll proposti oħra biex jiġu mfassla skemi ġodda biex kunsilleri u sindki jkunu jistgħu jieħdu ġranet frank mill-impjieg tagħhom biex jiddedikaw iktar ħin fuq ix- xogħol tal-lokalità. "Ix-xogħol qed jiżdied, jekk jiżdiedu r-responsabbiltajiet, irridu naraw il-possibbilità li sindki jkunu full time." Apparti minn hekk Said ippropona numru ta' miżuri ġodda bil-għan li jiżdied il-poter tal-kunsilli lokali, huwa qal li l-kunsill lokali għandhom ikunu iktar relevanti fil-ħajja taċ-ċittadini. "Il-Kunsill lokali għandhom ikunu iktar relevanti, il-ħidma tagħhom trid tiffoka fuq il- bżonn ta' kull familja. Iridu jħallu l-effett fuq il-familja, iridu jibdew jaħsbu mill-bieb 'il ġewwa u mhux biss jaħsbu fuq l-infrastruttura tal-post." Said ilmenta wkoll dwar numru ta' 'diffikultajiet' li numru ta' Kunsilli lokali jiffaċċjaw fosthom huwa qal li ta' spiss numru ta' kunsilliera jilmentaw dwar il-fatt li 'ma għandhomx biex jaħdmu', dwar dan Said sostna li hemm bżonn jiġi mmassimizzat l-użu tal-fondi mogħtija mill-Unjoni Ewropea filwaqt li jiġu introdotti numru ta' skemi oħra li drastikament iżidu l-allokazzjoni diretta ta' finanzi mill-gvern lokali. Said kompla jgħid li l-kunsilli lokali fil-konfront ta' deċiżjonijiet għandu mhux biss jibqa' ta' " pressure groups" li joffri biss l-opinjoni tagħhom iżda li jkollu kontroll assolut fuq deċiżjonijiet li jaffetwaw il-lokalità tagħhom. Il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt mas-sindku ta' San Pawl il-Baħar Graziella Galea u d-deputata Rosianne Cutajar, eks sindku ta' Ħal Qormi sabiex tistaqsihom dwar jekk jaqblux mal- proposti ta' Chris Said rigward il-kunsilli lokali. Chris Said jindirizza konferenza tal-aħbarijiet' 'Ikun eħfef kieku dan ix-xogħol isir fuq bażi ta' full time' 'Il-politika hija ħaġa serja u mhux xi ħaġa ta' part-time' F'KUNTATT mal- gazzetta ILLUM, Graziella Galea sindku ta' San Pawl il-Baħar sostniet li bħala parti minn kunsill, il-ħin li tiddedika għal-lokalità joħodlok ammont sostanzjali mil ġurnata tiegħek, u għalhekk ikun eħfef kieku dan ix-xogħol issir fuq bażi ta' full time. Galea saħqet li l-ħin limitat huwa jinfluenza l-effettività tal-ħidma tas-sindki u kunsilliera, hi qalet li "huwa importanti li sindku jkollu l-ħin biżżejjed li jagħmel dak li veru jkun jixtieq jagħmel." Meta mistoqsija fuq il-proposta li għamel Chris Said, dwar il-ħtieġa li jkun hemm skema fejn kunsilliera u sindki jingħataw ġranet frank dan sabiex jiddedikaw iktar ħin għall-ħidma tal-kunsill. Is-sindku qalet li jeħtieġ ikun hemm studju intensiv dwar dan. Galea sostniet li bis- sistema preżenti ta' Kunsilli hija pjuttost diffiċli biex tlaħħaq mal-familja, karriera u fl-istess ħin ix-xogħol tal-Kunsill. Galea saħqet ukoll fuq il-bżonn li jkun hemm iktar espożizzjoni għax- xogħol li jwettqu l-Kunsilli hekk kif il-maġġoranza taċ-ċittadini rari jkunu jafu d-deċiżjonijiet u x-xogħol li jkun sar wara kull proġett. F'KUNTATT mal- gazzetta ILLUM, il-membru parlamentari u eks Sindku ta' Ħal Qormi Rosianne Cutajar qalet li taqbel li s-sindki għandhom jibdew joperaw fuq bażi ta full time waqt li żiedet tgħid li taqbel ukoll li anke l-ministri għandhom ikunu full time, hekk kif il- politika hija 'ħaġa serja' u mhux xi ħaġa li għandha tiġi prattikata part time. Cutajar sostniet li r-responsabbiltà ta' sindku speċjalment f 'lokalitajiet kbar hija waħda enormi u jistħoqqilha ħafna ħin u enerġija. Id-deputata qalet; "nemmen li l-politiku għandu jkun iffukat u allura iva għandhom ikunu full time" Cutajar saħqet ukoll li wieħed għandu wkoll jikkunsidra kemm hu viabbli li jkollok Kunsill għal lokalitajiet żgħar ħafna. Minkejja li qablet mal-proposta ta' Chris Said, Rosianne Cutajar qalet li Chris Said "ma għandux kompetenza fuq Kunsilli Lokali għaliex ħa għadd ta' deċiżjonijiet żbaljati li bihom affettwa l-operat tal-Kunsill b'mod negattiv."

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 13 August 2017