Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/860908
Aħbarijiet 8 illum | Il-Ħadd 13 ta' Awwissu 2017 IL-MINISTRU għal Għawdex, Justyne Caruana, u l-membri Għawdxin fi ħdan l-MCESD, qablu li għandu jitfassal pjan strateġiku fit- tul għal Għawdex minnufih biex il-proġetti relatati mal-ħolqien tax-xogħol, it-titjib fil-konnettività u l-infrastruttura fil-gżira Għawdxija jkunu assigurati u sostenibbli. Dan biex ikun immassimizzat il-potenzjal t'Għawdex. Saħqet dan il-Ministru għal Għawdex f 'laqgħa ta' konsultazzjoni ta' qabel il- budget mal-istess membri tal-MCESD, meta rreferiet għad-diversi proġetti u inizjattivi li kienu mwiegħda lill-Għawdxin fil-passat, iżda li qatt ma kienu implementati. Il-Ministru Caruana aċċennat li meta l-proġetti jiġu individwati, għandu jkun hemm qbil fuq il-prijorità li jingħataw u jkun stabbilit iż- żmien li fih għandhom ikunu kompluti. Fl-indirizz tagħha waqt il-laqgħa, Justyne Caruana, saħqet ukoll fuq l-importanza li l-politiku jkun aktar viċin in-nies u l-komunità kummerċjali, biex il-politika tal-Gvern verament tindirizza l-isfidi preżenti. Għan li fi kliemha jista' jintlaħaq permezz ta' djalogu soċjali kontinwu mal-imsieħba soċjali. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, li kien preżenti għal-laqgħa, faħħar il-proposti inizjali mressqa mill-imsieħba soċjali Għawdxin għall-Baġit 2018 u tenna li dawn huma mibnija fuq il-programm elettorali li bih ġie elett il- Gvern. Farrugia qal li l-pjan ta' Gvern Laburista għal Għawdex se jibda jkun implementat fil-baġit li jmiss u li r-riżultati tiegħu se jibdew iħallu l-frott f 'qasir żmien. Huwa għalhekk li permezz ta' djalogu kontinwu mal- imsieħba soċjali se jinstabu l-aħjar metodi biex l-entitajiet Għawdxin, kemm privati u kif ukoll pubbliċi, igawdu mill-investimenti, strumenti finanzjarji u fondi Ewropej. Filwaqt li afferma l-wegħda ta' Gvern Laburista, dik li Għawdex tkun prijorità, Farrugia sostna li permezz ta' klima pożittiva u sinerġija aħjar bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern, mhux se jkunu biss l-Għawdxin li jibbenefikaw, iżda l-pajjiż kollu kemm hu. 'Il-pajjiż se jkompli b'surplus ta' 0.5% tal-PGD' Tkompli minn paġna 1 L-aġenzija ta' kreditu internazzjonali Fitch kompliet ittejjeb ir-rating ekonomiku ta' pajjiżna minn A għal A+, waqt li għamlet previżjonijiet stabbli dwar ir- rating ekonomiku tal-pajjiż. L-analisti tal-aġenzija tkellmu b'mod pożittiv dwar id-dejn pubbliku, u sostnew li dan qed jonqos b'rata mgħaġġla, waqt li huwa mistenni li jkompli jonqos għal 50% tal-PGD fl-2019. Dan flimkien ma' tkabbir nominali b'saħħtu tal-PGD u s-surpluses rikorrenti. L-obbligazzjonijiet ta' garanziji tal-gvern huma mistennija li jonqsu wkoll, minn 13.6% tal-PGD fl- ewwel kwart tal-2017, għal 11.9% tal-PGD sa tmiem l-istess sena. L-istess aġenzija ta' kreditu tkellmet ukoll favur is-surplus li rnexxielu jikseb il-pajjiż, waqt li qed ibassru li l-bilanċ ġenerali tal-Gvern se jibqa' b'surplus ta' 0.5% tal-Prodott Gross Domestiku fuq il- perjodu 2017-2019. Fitch qalet ukoll li dan is-surplus jirrifletti t-titjib fil-ġbir u d-dħul mit-taxxi, it-tnaqqis f 'infiq mhux neċessarju f 'benefiċċji u t-titjib fis- sostenibbiltà tal-pensjonijiet kif ukoll it-tkabbir ekonomiku robust. Intant, rigward il-futur tal-ekonomija Maltija, Fitch qed tbassar li din se tkompli tikber b'rata iktar mgħaġġla minn pajjiżi oħra b'ratings simili, u dan wasal minħabba prestazzjoni pożittiva fl- esportazzjoni fis-suq tax- xogħol u fl-investiment. Dwar l-investiment Fitch iżżid li mistenni jkompli jiżdied fl-2019 permezz tal- Fondi Ewropej u l-proġetti fit-trasport, fis-saħħa u fl- edukazzjoni. It-tbassir għall-kummerċ estern għas-snin li ġejjin ukoll hu sodisfaċenti, u Fitch qed tistenna li s-surplus fil-kont kurrenti ikun 'il fuq minn 7% fil-perjodu 2017-2019. Anke fis-settur tal-banek kummerċjali, l-esperti ta' Fitch kellhom kliem ta' tifħir Fi stqarrija, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna laqa' b'sodisfazzjon dan iċ-ċertifikat ieħor pożittiv li aġenziji indipendenti internazzjonali taw dwar l-andament ta' kif qed jitmexxa l-pajjiż. Dan wara li f 'Ottubru tas-sena li għaddiet l-aġenzija Standard and Poor's tejbet rating dwar Malta. Scicluna ddeskriva r-rapport bħala "konferma oħra tas-suċċess ekonomiku ta' pajjiżna." Il-Ministru tal-Finanzi kompla jsostni li dan ir-rapport, "jikkonferma li l-viżjoni ta' dan il- gvern għal Malta qed issir realtà hekk kif Malta qed tiġi meqjusa fost l-aqwa fit-tkabbir ekonomiku, fit-tkabbir tal-impjiegi, fil-finanzi pubbliċi u issa anke fir-rating tal-kreditu tal-pajjiż. Dan qed jawgura ferm tajjeb għall-investiment barrani f 'pajjiżna li jgħin biex il-ġid ikompli jasal għand kulħadd." Qbil li jeħtieġ pjan fit-tul għal Għawdex Laqgħa ta' konsultazzjoni ta' qa- bel il-budget mal-imsieħba soċjali Għawdxin