Illum previous editions

illum 20 August 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/863490

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 20 ta' Awwissu 2017 | illum 19 Opinjoni 19 H emm kelma teknika għat-turiżmu żejjed, overtourism – u ħafna pajjiżi qed ibatu minnha u nieshom qed jirvillaw. Naf li n-numri ma tantx jinżlu tajjeb ma' ħafna, iżda l-fatt li t-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea jiġbdu lejhom 40% tat-turiżmu globali jew nofs biljun ruħ hija impressjonanti u inkwetanti fl-istess ħin. Is-sena li għaddiet l-Ewropa rċieviet 107 miljun turist aktar mill-2008, sena li fiha faqqgħet il-kriżi finanzjarja. Pajjiżi bħall- Italja, Franza u Spanja huma fost il-favoriti u jirċievu mas-sittin miljun turist fis- sena kull wieħed – numri kważi daqs il-popolazzjoni tagħhom. Il-kelma overtourism tirriferi għal dak il-punt li jasal fih pajjiż meta l-pożittiv li jġib miegħu t-turiżmu jingħeleb min-negattiv. Issa f 'Malta lanqas carrying capacity qatt ma ġiet ikkalkulata mill-ebda gvern biex jara kemm gżiritna tiflaħ turisti għax kull gvern il-ħin kollu jiftaħar biż-żieda fit-turisti minn sena għal sena mingħajr ħadd qatt ma' jagħti każ il-konsegwenzi (Jew forsi jafu dan in-numru u ma jridux ixandruh?) Din l-attitudni hija tipikament Maltija. Kull gvern li kien hawn ġie aktar minn darba avżat dwar il- problemi ta' bini bla rażan, traffiku esaġerat, konsum bl-addoċċ t'ilma frisk, il- problemi tal-iskart, nuqqas ta' meded ħodor... u kif tindunaw, dawn il-problemi kollha għandhom x'jaqsmu mal-ambjent u ftit li xejn ittieħdu azzjonijiet effettivi biex jiġu solvuti. Il-mexxejja tagħna dejjem jaġixxu meta d-diżastru jkun seħħ. Qatt ma nilqgħu minn qabel. Dan isejħulu mmaniġġjar bil-kriżi (crises management) u l-istess qed nagħmlu dwar it-turiżmu minbarra l-fatt li dan is- servizz għandu impatt qawwi fuq l-ambjent ta' madwarna. Aqraw x'qal il-Ministru tal-Kultura Taljan Dario Franceschini dwar il- problemi ta' turisti żejda: "Is-siti artistiċi importanti Taljani għandhom bżonn jiġu protetti kontra t-turiżmu żejjed. Ma jistgħux jilqgħu aktar nies. Aħna nafu li l-funtana Trevi f 'Ruma, il-pjazza ta' San Marku u l-Ponte Vecchio f 'Firenze qed isofru minn problemi kbar ta' konġestjoni." Dan it-tip ta' ffullar rajtu fil-Kroazja fejn mort inżur il-Park Nazzjonali ta' Plitvice li fih sensiela ta' għadajjar u kaskati mill-isbaħ, iżda tant hu iffullat li ż-żewġ postijiet tal-ipparkjar li fih mhumiex ilaħħqu u dan qed jissarraf f 'geġwiġija ta' karrozzi, xarabanks u vannijiet ipaqpqu u jagħfsu fuq xulxin u jipperrikolaw l-eluf ta' nies li jridu jgħaddu mill-ġnub tat-toroq. Wara din il-burraxxka, dawn in- nies iridu jidħlu fil-park u jiffullaw minn fuq trejqiet tal-injam wesgħin ftit metri u tant ikun hemm rassa li trid toqgħod attent għax malajr tispiċċa fl-ilma mas- sriep, awwist u l-ħut li hemm jgħumu f 'abbundanza f 'ilma ċar daqs il-kristall. Ħeq, il-post qed iqallagħhom miljuni ta' liri fis-sena lill-Kroati, introjtu kbir għaliex mal- 15,000 viżitatur kuljum iżur il-post fis-sajf u l-park mhux ilaħħaq u ma jdumx ma jibda jbati mill-effetti negattivi, xi ħaġa li tista' tipperikolalu l-istatus li tagħtu l-UNESCO snin ilu. Għalina din xi ħaġa familjari għaliex il-bini tat-tgeġwiġa f 'Tigne kienet se tissuspendi l-istatus li l-UNESCO tat lill- Belt Valletta għaliex pajjiżna la għandu standards u lanqas ippjanar loġiku fuq il-binjiet, speċjalment dak ta' daqs u għoli esaġerat li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent ta' madwarhom. Fl-aħħar artikli li ktibt spjegajt kif numru kbir ta' turisti jistgħu jibdew idejqu lir-residenti, l-aktar jekk dawn ma jarawx benefiċċju mit-turiżmu. Fortunatament, il-maġġoranza tal- poplu Malti jifhem sew l-importanza ekonomika tat-turiżmu u l-effett kbir li jħalli fuq l-oqsma kollha ta' bejgħ u servizzi f 'gżiritna. Dan iridu norbtuh mal-fenomenu tal-kirjiet dejjem jogħlew hekk kif il-popolarità u n-numru ta' turisti jiżdiedu. Hawnhekk ukoll għandna salvawomu fil-forma tal-kmamar tal- lukandi, iżda d-domanda għalihom qed tiżdied bil- qawwi għalhekk kulħadd qed jipprova jżid is-sulari fil-lukandi. L-istorbju huwa problema u dan iridu nżiduħ ma' l-istorbju ta' l-iżvilupp bla rażan li qed isir li mhux talli jdejjaq ir-residenti, iżda anke t-turisti stess u li mhu jsir xejn biex jiġi kkontrollat. It-turist stess ma jiħux gost b'kjuwijiet twal. Biex dħalt bil-familja fil-Park ta' Plitvice domt siegħa u nofs nistenna fix-xemx, u wara ridna nirkbu opra li tbaħħar fuq l-għadajjar biex teħodna min-naħa għall- oħra, u domna siegħa oħra nistennew. Fil-kuntest ta' Malta, għaqdu l-istennija ma' residenti rrabbjati u folol kbar, u tindunaw kemm jistgħu jinqalgħu problemi. Taħsbux li l-fenomenu tat- turiżmu żejjed qed jaħkem l-Ewropa biss. Iż-żibel u l-ħmieġ li qed jinġema' fuq il-Muntanja Everest u diversi muntanji oħra fin-Nepal qed joħolqu l-problemi bħalma qed jagħmlu l-miljuni ta' nies li jimxu fuq il-Ħajt Kbir taċ-Ċina, tant li qed jieklu ġebel li rreżżista l-invazzjonijiet tal-Mongli għall-eluf ta' snin! Il-kundizzjonijiet li jwasslu għal dawn il-problemi huma ħafna. L-aktar waħda ovvja hija li fl-istaġun tas-sajf, ħafna nies jivvjaġġaw lejn l-Ewropa. Ma' dan iridu nżidu l-fatt li n-numru ta' turisti minn kullimkien qed jiżdiedu, u dan jgħodd għaċ- Ċina u l-Indja li qed joħorġu mingħandhom mijiet ta' miljuni ta' turisti kull sena. Hemm ukoll il-mod kif is-suċċess fit-turiżmu huma mkejjel u Malta mhix eċċezzjoni għaliex kull ministru tat-turiżmu dejjem joħroġ jiftaħar bin-numru ta' turisti li jaslu fil-pajjiż li f 'Malta qed imiss iż-2 miljuni. Imma hemm metodi oħra kif tkejjel is-suċċess tat-turiżmu bħal kemm din l-industrija verament tipprovdi xogħol u qligħ fil-kuntest lokali. Dawn xorta ma jgħidulekx kemm verament qed igawdu n-nies tal-post mill-qligħ turistiku. Ħa nagħtikom eżempju: immaġinaw pajjiż kemmxejn fqir li konsortjum barrani fetaħ xeba' lukandi fih u l-gvern qed ibuslu saqajh ta' dan l-investiment, iżda minħabba li s-sidien joqgħodu barra dan il-pajjiż, il-maġġoranza tal-profitt iġġenerat qed imur f 'banek barranin u mhux jibqa' fil-pajjiż, fejn il-ħaddiema jitħallsu bil-qamel u jaħdmu ħinijiet twal li hija xi ħaġa tipika fit-turiżmu li mhix industrija magħrufa għall- kundizzjonijiet tajbin li toffri lill-ħaddiema u l-pagi għolja. F'pajjiżi kbar hemm ħafna turiżmu intern li anke f 'Malta qed jiżdied hekk kif ikun hemm festa tara serbut jerħilha lejn Għawdex u ħafna Maltin imorru jqattgħu ftit jiem f 'lukanda. Dan kemm qed jikkontribwixxi lejn il-qligħ turistiku f 'pajjiżna? Malta ċkejkna, iżda fortunata għaliex għandha numru mhux ħażin t'attrazzjonijiet, iżda n-numru tat-turisti tant żdied li kulħadd qed jispiċċa jżur l-istess postijiet u għalhekk jittrabbew il- folol. Minħabba li qatt ma kien hawn investiment sura ta' nies fit-turiżmu tax- xitwa bbażat fuq l-isbuħija naturali tal-pajjiż flimkien mal-attrazzjonijiet storiċi, il-maġġoranza tat-turisti baqgħu jiġu fis-sajf u jimlew il-bajjiet, plajjiet u kullimkien bil-folol. U xi ngħidu għall- immarkittjar ta' pajjiżna? Il-maġġoranza tal-miljuni kbar li tonfoq l-MTA jmorru biex Malta tinbiegħ l-aktar bħala destinazzjoni ta' turiżmu tal-massa għaliex l-aċċenn huwa li jimtlew il-kmamar tal-lukandi u dan l-aktar li jista' jsir fis-sajf. Is-saħħa kbira li għandha l-MHRA fit-tmexxija tal-MTA u fit-turiżmu in ġenerali żgur li se tibqa' tagħfas biex Malta tibqa' tinbiegħ bħala destinazzjoni ta' turiżmu tal-massa u peress li l-maġġoranza tal-fondi jmorru għal dan il-għan, ftit fadal biex jiġu mmarkittjati tipi ta' turiżmu aktar sostenibbli. Sempliċiment mhux jifdal fondi għalihom! Bil-miġja tat-titjiriet irħas u bbukkjar bl-Internet sar ferm aktar faċli li ssiefer u dan għandu impatt ukoll fuq destinazzjoni bħalma għandhom il-vapuri tat-tip cruise li jagħżlu l-isbaħ postijiet biex iżuru u jobżqu eluf kbar ta' turisti f 'qasir żmien, tant li destinazzjonijiet bħal Dubrovnik u Venezja qed jaħsbu li jillimitaw id-dħul ta' dawn il-vapuri, tant qed jagħmlu ffullar u ħsara lil dawn il-bliet storiċi u kulturali. Fl-aħħar, nerġgħu naslu fejn bdejn, fil-kapaċità naturali tad-destinazzjoni li sal-lum ta' Malta għandna ma nafuhiex; u qabel mal-gvern jaqbad il-barri minn qrunu u jagħmel studju xjentifiku dwar din il-kapaċita, it-turiżmu se jibqa' jikber u jilħaq jaqbeż il-kapaċità ta' pajjiżna, jekk mhux diġà ġara hekk. Imbagħad meta nibdew nara l-effetti negattivi li diġa qed ifeġġu, nipprovaw nirranġaw xi ħaġa. Jekk nagħmlu hekk jista' jkun tard wisq. David Pace huwa lekturer fit-turiżmu sostenibbli and l-ambjent fl-ITS. Il-maġġoranza tal-profitt iġġenerat qed imur f 'banek barranin u mhux jibqa' fil-pajjiż, fejn il-ħaddiema jitħallsu bil-qamel u jaħdmu ħinijiet twal li hija xi ħaġa tipika fit- turiżmu Il-Problemi tat-turiżmu żejjed Minħabba li qatt ma kien hawn investiment sura ta' nies fit- turiżmu tax- xitwa bbażat fuq l-isbuħija naturali tal-pajjiż flimkien mal- attrazzjonijiet storiċi, il- maġġoranza tat- turisti baqgħu jiġu fis-sajf DAVID PACE

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 20 August 2017