Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/863490
illum | Il-Ħadd 20 ta' Awwissu 2017 22 Kummerċjali Il-Festival Mediterranju tal- Letteratura ta' Malta 2017 I TTNAXIL edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta organizzat minn Inizjamed se tittella' l-Ħamis 24, il-Ġimgħa 25, u s-Sibt 26 ta' Awwissu, fil-Forti Sant'Iermu, il-Belt Valletta, fit-8.00pm, bis-sehem ta' awturi ewlenin minn tmien pajjiżi, fosthom ir-rumanziera minn Burma (Myanmar), Ma Thida, l-awtur Palestinjan Mourid Barghouti, u l-awturi ewlenin Maltin Immanuel Mifsud u Alfred Sant.L- attivitajiet ta' qabel il-Festival jibdew il-Ħadd 20 ta' Awwissu. Minbarra l-qari ta' novelli u poeżiji minn 12-il awtur u awtriċi, se jkun hemm mużika, kotba għall-bejgħ, films tal-poeżija Maltin u barranin, l-illegar artiġjanali tal-kotba minn Kotba Calleja, u xorb u ikel magħmul mill-Migrant Women Association Malta. L-awturi mistiedna għall-edizzjoni ta' din is-sena tal-Festival huma Asja Bakić (il-Bosnja Ħerżegovina), Mourid Barghouti (il-Palestina), Lilia Ben Romdhane (it-Tuneżija), Jean Portante (il-Lussemburgu), Zoë Skoulding (Wales), Ma Thida (Myanmar), Arvis Viguls (il-Latvja), Gjoko Zdraveski (ir-Repubblika tal-Maċedonja), u John Aquilina, Mark Camilleri, Immanuel Mifsud, u Alfred Sant. Id-dħul għall-attivitajiet kollha huwa b'xejn u kulħadd jista' jattendi. Xi kitbiet jistgħu jkunu maħsuba għal udjenza matura. Il-qari se jkun l-aktar bil-Malti u bl-Ingliż, imma jinqraw ukoll xi xogħlijiet qosra b'lingwi oħrajn. Il-Festival ta' din is-sena huwa parti minn Cultural Partnership Agreement għal tliet snin bejn Inizjamed u l-Kunsill Malti għall-Arti. Dan il-ftehim jagħti stabbilità finanzjarja u taħriġ lil Inizjamed fit-tmexxija ta' dan il- festival indipendenti. Huwa wkoll parti mill-pjattaforma Literary Europe Live iffinanzjata mill-programm Ewropa Kreattiva u mmexxija minn Literature Across Frontiers. Il-Ħamis 24 ta' Awwissu Il-kittieba li se jaqraw il-Ħamis 24 ta' Awwissu huma l-poeta Malti li jgħix Londra, John Aquilina, li l-ewwel ġabra tiegħu rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb; il-poetessa u attriċi Lilia Ben Romdhane li tuża d-djalett Tuniżin; il- poeta Gjoko Zdraveski mir-Repubblika tal-Maċedonja; u r-rumanzier u drammaturgu magħruf Alfred Sant, li se jintervistah l-awtur u traduttur Mark Vella. Fl-ewwel lejla se jintwera għall-ewwel darba l-film tal-poeżija "Relazzjoni" ta' Maria Grech Ganado maħdum minn Nicky Aquilina u Lyanne Mifsud. Dan huwa wieħed miż-żewġ films ikkummissjonati minn Inizjamed u l-Fondazzjoni Valletta 2018 għall-festival tal-2017. Il-film se jintroduċih il-lettur u direttur Kenneth Scicluna. Għall-ewwel darba fit-tnax-il sena tal- Festival, waqt il-lejla tal-Ħamis se jdoqq il-kitarrist jazz li jgħix Pariġi u jidderieġi l-Malta Jazz Festival, Sandro Zerafa, li se jakkumpanjah fuq il-kuntrabaxx Oliver Degabriele. Il-Ġimgħa 25 ta' Awwissu Il-Ġimgħa 25 ta' Awwissu l-awturi mistiedna huma l-awtur tar-rumanzi polizjeski Mark Camilleri; il-poeta u rumanzier mil-Lussemburgu li jikteb bil-Franċiż Jean Portante; il- poetessa u novelliera Bosnijaka Asja Bakić; u l-kittieb Palestinjan ta' fama internazzjonali Mourid Barghouti, li se jintervistah il-poeta u lettur Norbert Bugeja. Mourid Barghouti huwa l-awtur ta' kotba ta' poeżija u proża fosthom tar- rakkont ta' tifkiriet I Saw Ramallah. Fit-tieni lejla tal-Festival se jintwera l-film tal-poeżija ta' Victor Fenech, "Fuq Għoljiet Dingli," li nħadem mill-artist u lettur Trevor Borg, u se jintroduċih ukoll Kenneth Scicluna. Il-mużiċisti li se jdoqqu l-Ġimgħa huma l-aħwa John Bartolo fuq id-drums u l-kitarrist tal- grupp Brikkuni, Jimmy Bartolo. Għall-ewwel darba, waqt il-qari tal- Ġimgħa bejn it-8.00pm u l-11.00pm, se jkun hemm sessjoni miftuħa tal-arti u l-artiġjanat bl-Ingliż u bil-Malti għat-tfal ta' kull età biswit il-bitħa tal-Festival. F'din l-attività li se tittella' minn More or Less Theatre bi sħab mal-Fondazzjoni Valletta 2018 it-tfal joħolqu stejjer u mudelli tal-kartapesta bbażati fuq il-kulturi ivvintati waqt il-programm Oħloq Kultura li jsir fl-iskejjel. It-tfal jistgħu jinkitbu billi tintbagħat email lil info@moreorlesstheatre.com li fiha min japplika jniżżel il-ħinijiet li fihom se jkunu preżenti t-tfal. Is-Sibt 26 ta' Awwissu Il-kittieba li se jieħdu sehem is-Sibt 26 ta' Awwissu huma l-poetessa minn Wales Zoë Skoulding; il-poeta u rumanzier magħruf Immanuel Mifsud; il-poeta mil-Latvja Arvis Viguls; u r-rumanziera u attivista magħrufa minn Myanmar (Burma) Ma Thida, li se tintervistaha l-awtriċi Clare Azzopardi. L-iktar xogħol riċenti ta' Ma Thida huwa d-djarju tagħha tal-ħabs, Sanchaung, Insein, Harvardi, li ħareġ bl-Ingliż madwar id- dinja bit-titlu, Prisoner of Conscience: My Steps through Insein in 2016 (Silkworm, it-Tajlandja). F'din it-tielet u l-aħħar lejla tal-Festival se jintwera l-film tal-poeżija barrani "Off the Trail" (2015) ta' Jacob Cartwright u Nick Jordan, ibbażat fuq il-poeżija "Endless streams and mountains" ta' Gary Snyder, li rebaħ il-Premju ZEBRA tal-2016 għall-Aħjar Film tal-Poeżija mogħti minn Haus für Poesie f 'Berlin. Il-film se jintroduċih Noel Tanti. Il- mużiċisti li se jdoqqu se jkunu John Bartolo fuq id-drums u Jimmy Bartolo fuq il-kitarra. Apparti l-Festival L-attivitajiet ta' qabel il-Festival bis- sehem tal-awturi mistiedna u għadd ta' organizzaturi ta' festivals li bħal Inizjamed huma msieħba f 'Literary Europe Live se jsiru l-Ħadd 20 ta' Awwissu, it-Tlieta 22, u l-Erbgħa 23, dejjem fit-8.00pm. Hemm ukoll attivitajiet il-Ġimgħa u s-Sibt tal-Festival, 25 u 26 ta' Awwissu fis-7.00pm, fil-Forti Sant'Iermu. Il-Ħadd 20 ta' Awwissu, fit-8.00pm, fi Blitz, 68 Triq Santa Luċija, il-Belt, se jkun hemm diskussjoni bl-Ingliż dwar "High Literature / Pop Culture," bis-sehem ta' Immanuel Mifsud, Arvis Viguls, u Asja Bakić. Tmexxi d-diskussjoni l-ġurnalista Ramona Depares. It-Tlieta 22 ta' Awwissu, fit-8.00pm, il-poeta Antoine Cassar se jintervista bl-Ingliż lil Lilia Ben Romdhane, Zoë Skoulding u Gjoko Zdraveski dwar "Poetry as Public Space" fl-Iskola tal-Arti, Casa Brunet, 106, Triq l-Ifran, il-Belt VLT 1458. L-Erbgħa 22 ta' Awwissu fit-8.00pm, se jkun hemm edizzjoni speċjali tal- Palk Ħieles multilingwi (Open Mic), ikkoordinata minn Jean Paul Borg, fil- Maori Bar, Triq il-Lanċa, il-Belt, miftuħa għall-awturi u l-kantawturi. Il-Ġimgħa u s-Sibt tal-Festival, 25 u 26 ta' Awwissu fis-7.00pm, fil-Forti Sant'Iermu, qabel ma jibdew il-lejliet tal-Festival, se jsiru żewġ attivitajiet mhux tas-soltu. Il-Ġimgħa, se jkun hemm sessjoni informattiva minn żewġ konsulenti tal-pubblikazzjoni li jispeċjalizzaw fil-promozzjoni tal-awturi u l-kitbiet tagħhom, Luis Coimbra u Paolo Ferreira mill-kumpanija Booktailors fil-Portugall. Is-sessjoni jisimha, "The Double Agent: Literature for Sale". Is-Sibt fis-7.00pm se jkun hemm sessjoni bl-isem ta' "Speed Dating: Face to face with Literatures in Europe", li fiha dawk li jattendu jkollhom ħames minuti ċans, bil-qanpiena, biex jitkellmu ma' rappreżentanti minn letteraturi Ewropej. Dawn jinkludu Alexandra Büchler u Sian Williams minn Literature Across Frontiers u Literary Europe Live; Mika Buljević minn Kulturtreger|Booksa, Zagreb; Juta Pīrāga mill-International Writers and Translators House, Latvia; u Judit Böröcz mill-Petöfi Literary Museum, Budapest. Fil-ġimgħat ta' qabel il-Festival, l-awturi Immanuel Mifsud u Mark Camilleri ħadu sehem f 'avvenimenti li saru fil-Qala, Għawdex, fir-Residenza San Vinċenz de Paul u fi skola sajf. Din it-12-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta, flimkien mal-laboratorju tat-traduzzjoni tal-Literature Across Frontiers, qed jittellgħu minn Inizjamed bi sħab mal- Kunsill Malti għall-Arti u Literature Across Frontiers u bl-għajnuna tal- Fondazzjoni Valletta 2018, Heritage Malta, l-Għaqda tal-Malti – Università, il-voluntiera Tal-Kultura, u Studio Solipsis. Dan il-Festival ingħata rikoxximent internazzjonali permezz tat-timbru tal-EFFE, Europe for Festivals, Festivals for Europe. Il-logo l-ġdid tal-Festival u l-materjal promozzjonali l-ieħor iddisinjah l-artist Pierre Portelli.