Illum previous editions

illum 20 August 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/863490

Contents of this Issue

Navigation

Page 33 of 35

illum | Il-Ħadd 20 ta' Awwissu 2017 Sports 34 Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport? Nista' ngħidlek illi l-isport minn dejjem kien ġo fija. Jien li twelidt fis-snin 80 u niftakar programmi televiżivi fuq l-istazzjonijiet Taljani fuq il-futbol b'mod partikolari 90 minuto u Quelli che il calcio. Barra minn hekk l-isport iservi ta' rilassament għalija u fl-istess ħin bħal żvog mill-ħajja ta' kuljum. Tista' tgħid illi kont u għadni assoċjat mal-futbol però dejjem kont ninteressa ruħi fi sports oħrajn. Issa li ġejt elett u ntgħażilt mill-Prim Ministru illi nkun segretarju parlamentari għall-isport se nkun qed nagħmel dak li verament inħobb. Ser inkun qed inwettaq xi liġijiet li ser ikomplu jagħtu mbuttatura kbira fl-iżvilupp tal-isport f 'pajjiżna. Kif dħalt fid-dinja tal-politika? Din il-mistoqsija jagħmluhieli ħafna nies! Il-politika kont insegwiha ta' spiss meta kont żagħżugħ iżda qatt ma kont nagħtiha xi importanza partikolari. Meta mbagħad iddeċidejt illi nikkontesta l-elezzjoni, ridt nieħu dan ir-rwol bis-serjetà filwaqt illi nipprova nwettaq xi objettivi illi xi kultant jidhru xi ftit ambizzjużi. Issa illi ġejt elett u saħansitra ngħatajt kariga ferm importanti, lest li naqdi dmiri mill-aħjar li nista'. Fl-istess ħin, b'umiltà kbira xorta se nibqa' nżomm saqajja mal-art u dejjem niftakar minn fejn tlaqt sabiex dejjem inkun f 'kuntatt man-nies kif dejjem għamilt. Tant hu hekk illi tlett ijiem wara li ħadt il-ġurament, bdejt nerġa' nara n-nies u lill-kostitwenti għax nemmen illi aħna l-politiċi għandna missjoni illi nservu liċ-ċittadini. Qatt kont tobsor illi mid-disa' distrett illi int ikkontestajt fih, kien ser ikollok riżultat daqshekk impressjonanti? Li nista' ngħidlek hu illi mill-2009 'l hawn bdejt inħabbat il-bibien tan-nies filwaqt illi nitkellem magħhom fuq dak illi jkunu għaddejjin minnhom. Apparti minn hekk f 'dawn l-aħħar snin kelli ċ-ċans naħdem f 'diversi dipartimenti illi tawni ċerta esperjenza fil-qasam politiku. Fil-verità meta ġejt biex nikkontesta din l-elezzjoni, kont qed inħoss illi ħa mmur tajjeb. Madankollu kont sorpriż b'dan ir-riżultat sabiħ illi ksibt meta tqis illi fid-distrett illi ħriġt għalih kien hemm jikkontestaw nies stabbiliti u ta' esperjenza kbira li telgħu kemm–il darba fil-parlament. U huwa għalhekk illi nixtieq nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lin-nies illi wrew fiduċja fija u ngħidilhom illi lest naħdem ma' kulħadd irrispettivament mil-liema kamp politiku ġej. Sa ftit ilu int kont qed tokkupa r-rwol ta' viċi-president ta' Sliema Wanderers. Kemm tgħallimt minn din il-kariga li kellek? Tgħallimt ħafna minn dan ir-rwol illi kont nokkupa. Kont ukoll segretarju tal- Wanderers u kelli ħafna għal qalbi wkoll in-nursery tat-tim. Bħala persuna naf x'inhuma r-realtajiet tal-isport Malti b'mod partikolari l-futbol Malti illi jien kelli sehem fih. Ħa nipprova issa nagħti l-parti tiegħi sabiex inkompli ngħin fl-iżvilupp tiegħu mill- aħjar li nista'. Naf illi ser ikolli nieħu deċiżjonijiet, li xi kultant jafu jkunu iebsin iżda wara kollox dak li ser nagħmel ser nagħmlu sabiex l-affarijiet ikomplu jmorru għall-aħjar. Jien inħares lejn l-isport mhux biss mil-lenti amministrattiva iżda wkoll minn dik legali fejn nara li għandu jkun hemm ġustizzja sportiva ma' min ħaqqu jeħodha. Meta l-Prim Ministru ġie biex jagħżel id-dekasteri fejn għandhom ikunu l-ministri u s-segretarji parlamentari naħseb illi kellu diġà idea illi jien kelli sehem kbir fil-qasam sportiv u għalhekk il-fatt illi tani fiduċja f 'din il-kariga, ser nagħmel minn kollox sabiex nonoraha mill-aħjar li nista'. Il-fatt illi int bħal qisu dħalt fiż-żarbun ta' Chris Agius, kellek iċ-ċans titkellem miegħu dwar xi temi importanti speċjalment fis-snin illi ġejjin? Chris Agius huwa ħabib tiegħi u bħali għandu għal qalbu l-isports. Huwa bniedem li bħali 'jgħixu' l-isport. L-Onorevoli Agius tani bażi tajba f 'dan is-Segretarjat Parlamentari u se nkun qed inkompli fuq ix-xogħol tant tajjeb illi għamel hu. Bla dubju illi ser inkun qed inżid iktar affarijiet ma' dak li diġà sar u fl-istess ħin noħloq objettivi li fl-aħħar mill-aħħar iridu jsiru sabiex nkomplu mixjin 'il quddiem. U jien bħala karattru iktar ma jkun hemm objettiv iebes, iktar nidħol b'ċertu kuraġġ u determinazzjoni li dak kollu li nippjana jsir realtà. L-ewwel laqgħa tiegħek bħala segretarju parlamentari kien mal-assoċjazzjoni tal-boċċi. Xi tgħidli dwar din il-laqgħa? Iva, l-ewwel laqgħa kienet proprju ma' din l-assoċjazzjoni fejn inċidentalment il- logħba tal-boċċi hija waħda tradizzjonali f 'pajjiżna għalkemm b'xorti ħażina naqqset ftit mill-popolarità tagħha. Minkejja kollox, dawk in-nies illi jiffrekwentaw din il-logħba għandhom ċertu entużjażmu u enerġija biex jżommu din il-logħba għaddejja. Kif tkellimt ma' xi nies involuti f 'din il- logħba, min verament iħobb dan l-isport għandu jaħdem id f 'id ma' Sport Malta u mal-Kumitat Olimpiku Malti sabiex ikun hemm aktar għajnuna fl-iżvilupp ta' din il-logħba. U hawn fejn nidħol jien bħala segretarju parlamentari hekk kif ser inkun ser inservi ta' pont bejn l-għaqdiet sportivi u l-awtoritajiet konċernati sabiex dawk it-temi li għandhom jiġu indirizzati mill-assoċjazzjonijiet sportivi jaslu fejn għandhom jaslu. Filfatt se ssir laqgħa proprju ma' Sport Malta fuq din il-logħba tant tradizzjonali Maltija sabiex jekk hemm xi differenzi u nuqqas ta' qbil fuq xi ħaġa, dawn jiġu rranġati ħa naraw li nkomplu ntejbu l-isport tal-boċċi fil-gżejjer Maltin. X'se jiġri mill-kwistjoni tat-trakka tal- motorsport? Se ssir kif ippjanat? Il-proġett tat-trakka kien imsemmi fil-manifest elettorali tal-elezzjoni illi għaddiet u jien għalhekk se nimxi fuq dan kollu sabiex dak li ħafna segwaċi tal- motorsport ilhom joħolmu, iseħħ. Filfatt f 'dawn l-aħħar jiem tajt xi struzzjonijiet lil dawk in-nies li ser ikunu involuti f 'dan il-proġett sabiex ix-xogħol li ser ikun qed isir jimxi bl-iktar mod effiċjenti possibbli. Xi tgħidli mbagħad dwar is-shooting range f 'Ta' Kandja? Fiex waslu x-xogħlijiet? Bħalissa x-xogħol għaddej għal bini ta' din is-shootingrange u qed nipproponi illi jkun proġett sostenibbli fejn qed inħares lejn diversi aspetti ta' żvilupp. Din is-shooting range kienet imsemmija wkoll fil-manifest elettorali u għalhekk qegħdin naħdmu sabiex ix-xogħlijiet ikomplu jżidu fil-livell tagħhom sabiex dak li wegħdna nwettquh. Bosta assoċjazzjonijiet sportivi jesprimu x-xewqa tagħhom illi jinbnew aktar faċilitajiet sportivi. Naf illi d-domanda hija waħda ferm qawwija. X'taħseb? Ifhimni dawn illi qed insemmu huma kollha proġetti ambizzjużi u wara kollox ukoll bżonjużi. Riċentement kelli laqgħa ma' persuna fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni illi jieħu ħsieb proġetti partikolari kif ukoll anke mas-CEO ta' SportMalta sabiex naraw ftit dawn l-istess proġetti fejn iddiskutejna anke diversi possibiltajiet u tajna l-fehma tagħna f 'dan ir-rigward. Ftehemna wkoll dwar xi ħaġa ferm importanti li kienu l-kuntratti illi l-Kumitat Olimpiku Malti kien qed ikollu mal-gvern. Dawn kienu jsiru kull sena u għalhekk l-ironija kienet li hekk kif tiffirma l-kuntratt ftit taż-żmien wara kien ikollok tinnegozja ieħor u dan kollu ma kienx tajjeb. Għalhekk issa l-kuntratti ser jibdew isiru kull erba' snin ħalli dak li jkun se jieħdu jkun jista' jfassal pjan għal tul ta' żmien u jipprepara u jidentifika x'hemm bżonn isir f 'dawn l-erba' snin. Tant hu hekk illi għamilt enfasi kbira illi jkolli r-riżultati minn dawn il-kuntratti u kulħadd jiġbed ħabel wieħed u bl-almu ta' kulħadd naslu għall-objettivi mixtieqa. Mhux qed nesaġera meta ngħidlek illi kemm ili li lħaqt segretarju parlamentari diġà ltqajt ma' mijiet ta' nies li huma affiljati ma' xi għaqdiet sportivi partikolari. Issa xogħli huwa illi nara illi ċerti proġetti kapitali jitwettqu filwaqt illi kif diġà għedt ikunu sostenibbli. Qed naħdem anke fuq il-kummerċjalizazzjoni tal-isport illi jista' jkun bżonjuż sabiex isir l-iżvilupp f 'kull sens ta' binja sportiva partikolari. Aħna ser inkunu qed nagħtu l-għodda lill-għaqdiet sportivi Maltin sabiex anke l-istess post li jkollhom jieħdu minnu ċertu introjtu. Hemm liġi illi tagħti direzzjoni x'għandu jsir u ma jsirx f 'dan ir-rigward fejn hemm regolamenti iebsin illi wieħed għandu josservahom. Importanti illi wieħed qatt m'għandu jitfa' l-aspett sportiv fuq livell sekondarju. L-enfasi għandha dejjem tkun fl-iżvilupp tal-isport partikolari. Jekk insemmi metafora partikolari ngħid illi aħna mhux qed nagħtu biss il-ħuta lill-assoċjazzjonijiet sportivi iżda anke l-qasba. Jiġifieri tista' taħseb kemm aħna nixtiequ naraw livell aħjar f 'kull sport f 'pajjiżna. Jien għandi rispett kbir lejn dawk in-nies involuti fl-isport f 'pajjiżna għax apparti illi jagħtu ħafna mill- ħin tagħhom lejn il-logħba, jagħmlu sagrifiċċji kbar xi wħud minnhom b'mod Għall-akbar ġid tal-isport Cristian Antony Muscat Dr Clifton Grima - persuna midħla sew tal-isport u l-fatt ġie fdat bir-responsabbiltà ta' Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Organizzazzjonijiet Volontarji, liema responsabbiltà qed jaqdiha bl-aħjar mod possibbli. "Jien bħala persuna kont dejjem qrib in-nies u ser nibqa' hekk għax nemmen illi għandi nilqa' lil kulħadd. B'sempliċement email jew telefonata wieħed jista' jagħmel appuntament biex niltaqgħu."

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 20 August 2017