Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/914281
Il-Ħadd 10 ta' Diċembru 2017 | illum 17 17 Mediaspot T liet snin ilu, fl-okkażjoni ta' Jum ir-Repubblika, il-President Coleiro Preca għamlet diskors li fih appellat lis-soċjetà ċivili biex din ixxammar il-kmiem u taħdem hija wkoll għall-ġid tar-Repubblika. F'dak id-diskors, il-President saħqet li d-demokrazija tal-pajjiż teħtieġ li s-soċjetà ċivili tkun soċjetà kritika "li tirrifjuta li tkun oġġett tal-istorja, li tinsisti li taqsam mal-politiċi r-responsabbiltà li tittrasforma l-bejta umana." Dan id-diskors servieni ta' pjattaforma għad-diskors li ġejt mistieden nagħmel bħal-lum ġimgħa waqt manifestazzjoni oħra tan- Netwerk tas-Soċjetà Ċivili. Ġimgħa ilu xtaqt nagħti l-fehmiet tiegħi ta' x'nifhem b'soċjetà ċivili, kif nara li għandha tkun ir-relazzjoni bejn iċ- ċittadini u l-mexxejja tagħhom. Oġġett tal-Istorja Dan huwa l-ewwel punt li nixtieq nagħmel. B'"oġġett tal-istorja" nifhmu li s-soċjetà timxi fejn imexxuha l-mexxejja tagħha. B'oġġett nifhmu dik il-ħaġa li titmexxa, li minflok timxi hija tħalli lil min ipoġġiha 'l hemm u 'l hawn. Fi kliem ieħor, soċjetà li tkun oġġett tal-istorja hija soċjetà li m'għandha ebda sehem fit-tmexxija u li bażikament toqgħod passiva għal dak kollu li l-mexxejja jiddeċiedu. F'dan is-sens, jeħtieġ li s-soċjetà tagħna tinbidel minn oġġett għal suġġett: jiġifieri, li tkun hi l-enerġija għall-bidliet li jkunu jeħtieġu li jseħħu; li tkun hi l-ispirazzjoni imma anki r-raġuni għala jseħħu l-bidliet. Biex inkun aktar ċar: għandha tkun is-soċjetà ċivili li tiddetta l-kors tal- Istorja. Tkun hi u mhux il-politiċi. Jidhirli li matul l-istorja qbadna d-drawwa li nħallu f 'idejn il-politiċi biex juruna d-dawl; l-istess bħall- profeti ta' dari. Insejna li dari l-profeti ma kinux il-mexxejja imma dawk li jopponu lill-mexxejja. Aħna bdilna l-mexxejja tagħna fi profeti li jafu kollox, li għandhom il-poter assolut. U b'poter miniex nifhem poter politiku imma anki poter fuq il-ħsieb tagħna: aħna naħsbu b'ħalq il-politiċi u mhux b'moħħna. B'ebda mod m'jien ngħid li m'hemmx lok tal-politiċi. Impossibbli. Qiegħed ngħid li r-relazzjoni bejnna u l-politiċi għandha tinbidel: il-politiċi għandhom ikunu tagħna minflok aħna tagħhom. Il-politiċi għandhom jifhmu li d-demokrazija titlob minnhom li l-poter ikun kondiviż mas-soċjetà nfisha. Is-soċjetà responsabbli Naturalment dan jixħet responsabbiltajiet kbar ħafna fuq l-individwi: ħafna akbar minn vot kull ħames snin. Is-soċjetà ċivili trid tittrasforma ruħha f 'soċjetà kritika li trid tkun lesta tanalizza dak kollu li qiegħed iseħħ fil-pajjiż, tgħarblu u tinvestigah. Inutli li wieħed jikkritika lill-politiċi jekk is-soċjetà ma tkunx lesta tagħmel xogħolha. Soċjetà kritika hija soċjetà li tistaqsi u ma tiddejjaqx tikkritika. Dan l-aħħar smajna u qrajna diversi nies jakkużaw lil oħrajn bi tradiment minħabba kritika lejn il-pajjiż. Kritika u tradiment huma żewġ affarijiet totalment differenti minn xulxin. Ejja niftakru li l-poeta nazzjonali mhux biss kiteb l-innu nazzjonali imma kiteb numru ta' poeżiji li fihom jikkritika u jċanfar lill-istess nazzjon. Nittama li ħadd mhu se jibda jqis lil Dun Karm bħala traditur ta' pajjiżu. L-istess kif għamlu ħafna kittieba oħrajn, ibda mis-soltu Juan Mamo u spiċċa fil- kittieba tal-lum. Ħadd minn dawn mhu traditur. Il-kritika lill-pajjiż, jekk xejn, turi l-impenn tal-individwi, il- ġarr tar-responsabbiltà. Mingħajr kritika mhemmx progress. It-tribù La qegħdin insemmu lill-kittieba, ħalli niftakru li kienu huma li ħarġu bil-metafora tat-tribù. Fl-agħar mumenti tas-snin tmenin, uħud mill- kittieba tkellmu u xeħtu t-traġedja Maltija f 'ħoġor is-sistema politika Maltija. Biex dan li ktibt s'issa dwar is-soċjetà kritika jkun jista' jseħħ, jeħtieġ li narmu l-mentalità tribali li għadna nħaddnu. B'xorti tajba m'għadniex ingaraw il-ġebel u nixħtu l-bottijiet biż-żebgħa fuq il-faċċati u l-bibieb tad-djar tan-nies, imma t-tgħajjir fuq il-mezzi soċjali għadu għaddej fl-aqwa tiegħu, xhieda tal-fatt li l-mentalità 'taż-żewġ naħat' għadha hemm bla mittiefsa. It-tribù huwa l-anatema tal-kunċett ta' soċjetà kritika u allura ma nistgħux nittamaw fil-progress tas-soċjetà ċivili jekk il-mentalità tibqa' tribali. Mill- banda l-oħra, ma nistgħux nittamaw li t-tribù jintrema darba għal dejjem jekk għad hemm l-imriewaħ tal-partiti jrewħu u jekkbsu l-ġamar. Il-poplu (li għad m'għandniex) ma jinqasamx waħdu imma jinqasam għax hemm xi ħadd b'interess li jaqsmu. Propju l-ġimgħa li għaddiet għamilt intervista lil Haris Pasovic, teatrologu Bożnijakk, li miegħu tkellimt dwar l-assedju ta' Sarajevo meta minflok ċeda kompla għaddej bl-attività teatrali tiegħu. Fost il-ħafna ħsibijiet sbieħ li Pasovic għadda, kien hemm l-insistenza tiegħu li l-Jugoslavja qatt ma kienet tispiċċa fi traġedja li ma kienx għal dawk il-politiċi li riedu jfarrku l-pajjiż (kif fil-fatt għamlu). Il-politiċi għandhom jagħrfu r-responsabbiltà tagħhom f 'dan kollu u jersqu fil-ġenb huma u jressqu lill-partit magħhom. Ilna ħafna ħafna ngħiduh dal-kliem, imma, sfortunatament għadu diskors topiku. Veru, qegħdin fi żmien il-Milied, u kull sena jseħħ il-miraklu li kulħadd jibda jitkellem dwar l-għaqda u kemm il-poplu Malti huwa altruwist eċċetra eċċetra. Il-ħasra hi li ma' Jannar il-miraklu, mhux mirakolożament, jisparixxi. It-tribù, it-tradiment u t-tradizzjoni IMMANUEL MIFSUD Il-politiċi għandhom ikunu tagħna minflok aħna tagħhom. Il-politiċi għandhom jifhmu li d-demokrazija titlob minnhom li l-poter ikun kondiviż mas-soċjetà nfisha B'xorti tajba m'għadniex ingaraw il-ġebel u nixħtu l-bottijiet biż-żebgħa fuq il-faċċati u l-bieb tad-djar tan-nies, imma t-tgħajjir fuq il-mezzi soċjali għadu għaddej fl-aqwa tiegħu Opinjoni