Illum previous editions

illum 10 December 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/914281

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

illum | Il-Ħadd 10 ta' Diċembru 2017 Opinjoni 20 I nkomplu nagħtu ħarsa lejn iċ-ċifri u r-riżultati li ħarġu mir-Rapport ta' Implimentazzjoni u Evalwazzjoni tal-faqar f 'pajjiżna. Malta marret tajjeb ukoll fil-klassifika dwar il- prevenżjoni tal-faqar u f 'dik dwar ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fejn issa tlajna fit-12-il post kważi ras imb ras mal-Ġermanja. Malta rreġistrat titjib ukoll kemm f 'dik li hija politika dwar il-pensjonijiet u kif ukoll f 'dik li hija politika dwar il-familja. Fid-dawl li Malta laħqet livelli rekord fl-impjiegi u tbaxxa sew il-qagħad, mhux sorpriża li Malta spikkat sew fil-klassifika dwar l-impjieg u l-qagħad. Fl-indiċi dwar il-qagħad pajjiżna ġie kklassifikat fit-tielet post wara r-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja waqt li komplejna nitilgħu 'l fuq f 'dik li hija r-rata tal- impjiegi fejn qed inqarrbu lejn il-pajjiżi ta' fuq. Statistiċi bħal dawn jgħinuna biex naraw fejn ninsabu, jekk ikunx sar progress jew le, iqabbluna ma' pajjiżi oħra u jiftuħlna għajnejna għal dak li jista' jsir aktar u aħjar. Iżda lil hinn minn dawn l-istatistiċi ġeneralment posittivi, xorta hemm individwi u familji li qed ibatu u jinsabu f 'diffikultajiet. Huwa għalhekk li aktar qabel għidt li filwaqt li l-figuri huma posittivi u jimlewna bil-kuraġġ għax il-faqar naqqasnieh, madankollu xorta għad baqgħalna x'nagħmlu biex nindirizzaw lil dawk li minkejja kollox għadhom f 'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali. Filwaqt li nieħdu pjaċir li naqqasna l-faqar fost it-tfal, fost il-familji bi tfal dipendenti u fost il- familji bla tfal dipendenti, l-istatistika qed turi li anzjani ta' 'l fuq minn 65 sena f 'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali baqa' jiżdied. Madankollu, kif spjegajt qabel, l-aħħar ċifri li ħarġu huma bbażati fuq id-dħul fl-2015 meta l-miżuri mmirati biex titjieb il-kwalità tal-ħajja għall- pensjonanti u l-anzjani bdew deħlin b'ritmu mgħaġġel mill-2016 'l hawn. Wieħed għalhekk jistenna li fis-snin li ġejjin nibdew nirrappurtaw tnaqqis fil- faqar anke fost l-anzjani ta' 'l fuq minn 65 sena permezz ta' miżuri li diġà ddaħħlu u oħrajn li għad iridu jiddaħħlu. Lil hin minn dan kollu, il-missjoni tagħna tibqa' li qabel kollox naraw li on the ground inkunu aktar viċin dawk li qed isofru u nisimgħu l-weġgħat tagħhom biex ngħinuhom itejbu ħajjithom, ikun kemm ikun in-numru tagħhom. Għal dan il- għan konna implimentajna pereżempju l-proġett Leap! li kien sar apposta fl-istess żmien li varajna l-Istrateġija għat-Tnaqqis fil-Faqar u għal Inklużjoni Soċjali bil-għan li nkunu aktar ta' għajnuna għall-persuni li qed jgħixu f 'riskju ta' faqar permezz ta' outreach fost oħrajn. Il-Leap! illum huwa parti integrali mill- politika soċjali tagħna u mill-ġlieda kontra l-faqar għax bih qed nidentifikaw aħjar każijiet fejn familji jew individwi jistgħu jingħataw dik l-imbottattura biex jiġu f 'sensihom u jqumu fuq saqajhom biex jagħrfu jtejbu l-qagħda tagħhom u jkollhom futur aħjar. Però aktar milli nindirizzaw il-faqar tal- lum irridu nkomplu naħdmu, dejjem fil-qafas tal-Politika Strateġika u b'koordinazzjoni mal- ministeri sħab tagħna, biex nipprevenu l-faqar ta' għada, billi nibqgħu nissieltu, fost affarijiet oħra, kontra l-faqar inter- ġenerazzjonali, cioe dak iċ-ċirku ta' faqar li jintiret minn ġenerazzjoni għall- oħra. Naraw li nkomplu ngħinu b'għajnuna soċjali lil dawk li minkejja kollox ġenwinament ma jkunux jifilħu għax-xogħol. Naraw li l-pensjonanti jkomplu jtejbu l-qagħda tagħhom. Li familji bit-tfal ikollhom dħul diċenti biex ikunu jistgħu jgħixu b'dinjità speċjalment mix-xogħol u li madwar dan kollu jkun hemm servizzi edukattivi u mediċi tal-aqwa kwalità, opportunitajiet ta' xogħol dejjem akbar u aħjar u aċċess dejjem akbar għal attivitajiet kulturali fost oħrajn. Biex nikkonkludi, ta' sikwit nisimgħu twissija f 'reklamar dwar prodotti finanżjarji li l-passat mhux garanzija tal- futur. F'dan il-każ nistqarr b'ottimiżu li l-ħidma u r-riżultati ta' dawn it-tliet snin li għaddew, u allura l-passat riċenti, huma garanzija li l-miżuri u l-inizjattivi li għad iridu jitwettqu se jwasslu biex il-miri u l-oġġettivi tal- istrategija jkomplu jintlaħqu u nkomplu nirreġistraw aktar tnaqqis fil-faqar u aktar titjib fil-kwalità tal- ħajja u fl-għixien tan-nies. Tliet snin wara...inqas nies fil-faqar (2) 'Nistqarr b'ottimiżu li l-ħidma u r-riżultati ta' dawn it-tliet snin li għaddew, u allura l-passat riċenti, huma garanzija li l-miżuri u l-inizjattivi li għad iridu jitwettqu se jwasslu biex il-miri u l-oġġettivi tal-istrategija jkomplu jintlaħqu' 'Filwaqt li l-figuri huma pożittivi u jimlewna bil-kuraġġ għax il-faqar naqqasnieh, madankollu xorta għad baqgħalna x'nagħmlu biex nindirizzaw lil dawk li minkejja kollox għadhom f 'riskju ta' faqar' MARK MUSU' (Ikompli minn nhar il-Ħadd li għadda)

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 10 December 2017