Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/920429
illum | Il-Ħadd 31 ta' Diċembru 2017 20 Opinjoni N har il-Ħamis li għadda, flimkien ma' uffiċjali oħra tal- Alternattiva Demokratika, attendejt fil-lokalità ta' San Ġwann għal ċerimonja qasira imma simbolika li tfakkar l-40 anniversarju tal-qtil ta' Karin Grech b'ittra bomba nhar it-28 ta' Diċembru tal-1977. Din iċ-ċerimonja kienet organizzata mill-Partit Laburista, u ilha tkun organizzata sena wara l-oħra sa mill-1978. Iktar kmieni matul dan l-istess xahar għamilt l-istess fil-Gudja fil-wieħed u tletin anniversarju tal- qtil ta' Raymond Caruana, ċerimonja dakinhar organizzata mill-Partit Nazzionalista. Il-parteċipazzjoni tiegħi u tal-Alternattiva Demokratika fiż- żewġ ċerimonji ta' kommemorazzjoni ma saritx biex iżżomm xi bilanċ artifiċjali imma għax hu meħtieġ li dawn il-ġrajjiet infakkruhom flimkien. Possibilment ilkoll flimkien. Huwa hekk biss li jista' jasal ċar u bl-aħjar mod il-messaġġ taċ-ċaħda tal-intolleranza. Sakemm il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista jibqgħu jagħmlu l-kommemorazzjoni għal rashom ser nibqgħu lura. Nittama li ma nistennewx wisq li nħottu l-firdiet partiġjani biex flimkien niftakru f 'dawk li l-intolleranza ħasditilhom ħajjithom. Il-weġgħa tal-familji ta' Karin Grech u Raymond Caruana hi ferm ikbar minn weġgħa privata kkawżata minn telfa ta' bint jew iben, ħajja innoċenti ta' żagħżugħ jew żagħżugħa. Hi weġgħa tal-pajjiż kollu. Hi għalhekk weġgħa tagħna lkoll. Ilkoll flimkien għandna l-obbligu li niftakru f 'dak li wassal għall-qerda ta' ħajjithom bit-tama li nagħmlu ħilitna biex ma jkunx hemm ripetizzjoni. Hu għalhekk importanti li bil-preżenza tagħna f 'dawn il-kommemorazzjonijiet nagħtu xhieda taċ-ċaħda tal-intolleranza billi nħottu biċċa oħra, anke jekk żgħira, tal-ħajt li jifred dan il-pajjiż fi tribujiet ostili. Dan hu pajjiż li kapaċi jalterna bejn mumenti ta' solidarjetà eċċezzjonali ma' mumenti ta' ostilità bla qies. Mumenti ta' sensittività għal dak li għaddej minnu ħaddieħor u waqtiet ta' vjolenza bla qies. Kuntrarjament għal dak li jgħidu, din hi r-realtà tal- pajjiż. Iż-żewġ avvenimenti li kkommemorajna dan ix-xahar huma differenti fis-sens li huma frott ta' ċirkustanzi kompletament differenti li żviluppaw fil- pajjiż fuq spazju ta' għaxar snin bejn l-1977 u l-1987. Il-qtil ta' Karin Grech hu bla dubju assoċjat mat- tilwima industrijali tal- Gvern mat-tobba, liema tilwima damet tkarkar snin twal. Il-qtil ta' Raymond Caruana min-naħa l-oħra hu frott it-tensjoni politika li żviluppat fil-pajjiż fil- bidu tas-snin tmenin u li bħala riżultat tagħha kien hawn ġgajtiet ta' bulijiet li ppretendew li jagħmlu li jridu. Is-similarità bejn il-każi hi l-ħasda ta' ħajjiet innoċenti u l-fatt li l-investigazzjoni tal-Pulizija baqgħet mhux konkluża. Mhux għax il- Pulizija ma ppruvawx! Tant ippruvaw li f 'każ minnhom anke ppruvaw frameup bħalma jixhed il-każ ta' Pietru Pawl Busuttil. Imma fortunatament dak hu passat, li fuqu għaddew iktar minn 30 sena! Nittama li jibqa' passat u li niftakru fih biss biex nippruvaw nifhmu fejn wasslet l-intolleranza fostna. Differenzi fostna ser jibqa' jkollna. Uħud naslu biex insolvuhom imma oħrajn jibqgħu jkarkru. Irridu nagħmlu sforzi ikbar biex dawn id-differenzi ma nħalluhomx jikbru u nippruvaw insolvuhom b'metodi ċivili. Id-differenzi fil-fehmiet jissolvew biss bid-djalogu u d-diskussjoni li għandhom ikunu u jibqgħu l-pern tal-proċess demokratiku. Il-vjolenza u azzjonijiet li jwasslu għaliha qatt ma jistgħu jitħallew jgħollu rashom. Ċaħda tal-intolleranza Il-weġgħa tal-familji ta' Karin Grech u Raymond Caruana hi ferm ikbar minn weġgħa privata kkawżata minn telfa ta' bint jew iben, ħajja innoċenti ta' żagħżugħ jew żagħżugħa. Hi weġgħa tal-pajjiż kollu. Dan hu pajjiż li kapaċi jalterna bejn mumenti ta' solidarjetà eċċezzjonali ma' mumenti ta' ostilità bla qies. Mumenti ta' sensittività għal dak li għaddej minnu ħaddieħor u waqtiet ta' vjolenza bla qies. Kuntrarjament għal dak li jgħidu, din hi r-realtà tal- pajjiż. CARMEL CACOPARDO carmel.cacopardo@alternattiva.org.mt • http://carmelcacopardo.wordpress.com Raymond Caruana u Karin Grech, żewġ vittmi ta' qtil politiku