Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/920429
illum | Il-Ħadd 31 ta' Diċembru 2017 22 Rakkont K ont ilni nistenna dan il-festin għal dawn l-aħħar sentejn sħaħ. Mhux għall-ikel bnin u delikat li kien ser ikun hemm, mhux għal-libsa twila u eleganti li kien hemm tistennieni mdendla mal- ispalliera tal-gwardarobba u mhux minħabba li kien ser isir f 'waħda mill-aqwa lukandi li qatt kien hawn f 'Malta. Imma minħabba Simon. Iva. Kont eċitata għal Simon. U iva, mhux għal Simon biss... imma l-kelma hekk iġġib hux. Simon kien ir-raġel tiegħi. Kien wieħed minn dawk li kienu jmexxu l-ikbar kumpanija tat-tessuti li qatt kien hawn f 'dawn il- gżejjer, kumpanija distinta li kellha rabtiet ma' pajjiżi nternazzjonali. U llum... Illum Simon kien ser jieħu promozzjoni! Kien ser jilħaq maniġer! Kemm kont ferħana! Bilkemm ridt nemmen meta kien ġie jgħidli! Promozzjoni f 'din il- kumpanija kienet tfisser aktar flus, aktar investimenti, aktar rigali għalija... aktar djamanti, karozzi, rigali sbieħ, safar... u ħajja eżatt kif dejjem xtaqt. Mhux għax hekk kif kont ma kinitx tajba, tafx, imma jiena dejjem ridt iżjed. Iżjed. U iżjed. Ħriġt mill-kamra tal-banju bix-xugaman oħxon u artab li kelli mdawwar miegħi. Xammejt ir-riħa ta' injam jinħaraq mill-fuklar fis-salott u ħassejt il-kenn li kien ġej mill-arja kundizzjonata tal- kamra. Ersaqt lejn il-ħġieġa l-kbira tal-kamra tas-sodda u ħarist hemm barra. Dan l-appartament kien wieħed mill-aktar rikki u lussużi li kien hawn f 'Malta. Kien hawn veduta taqtagħlek nifsek. Dwal ikkuluriti f 'ambjent mill-aktar sabiħ. X'ridt iżjed? Kelli dak kollu li dejjem xtaqt. Dak kollu li dejjem ridt. Ħajja komda. Raġel sinjur. Flus kemm irrid. U dan l-aħħar kont tfajt għajnejja fuq villa. Villa kbira u sabiħa mdawra bl-għelieqi, fit-tarf tar-raħal għall-kwiet. Kont rajt ir-ritratti tagħha fuq l-internet u ffissajt li la jieħu l-promozzjoni żewġi, konna ser nixtruha. U hu... għalkemm ġieli indunajt li kellu nisa oħra f 'ħajtu, qatt ma kien jonqosni f 'xejn. Ma ridtx niġġieled miegħu. Għax nitlef dan kollu. Tbissimt waħdi, hekk kif ħarist lejn l-arloġġ il-kbir li kien hemm imdendel f 'nofs ħajt modern vojt tal-kamra u tlaqt inħaffef ħalli nibda nlesti. Suppost Simon kien diġà qiegħed hemm, għax qabel il-festin kellu jiltaqa' mal- imgħallem tiegħu li kellu jiġi minn barra, wara li dan tal-aħħar kien għamel xi investimenti kbar u f 'kelma waħda kien sar miljunarju. U llum kont ser niltaqa' magħhom kollha għall-ewwel darba. Illum. Fil-festin tal-ewwel tas- sena. X'ċelebrazzjoni din! Minn meta kont għadni żgħira, dejjem kelli aspirazzjonijiet kbar. Ma kontx nikkuntenta bix-xejn. Trabbejt f 'familja modesta, eżemplari. Però qatt ma kont kuntenta. Minn dejjem ridt iżjed. Għalkemm ommi u missieri ma tantx kien ikollhom flus u kienu jaħdmu lejl u nhar, jiena kont nagħmilha tas- sinjuruna, nippreferi nonfoq il-flus li kienu jagħtuni fi ħwejjeġ sbieħ, ġojjelli u rtokk sabiex nidher aħjar u nagħmilha ma' ħbieb li kienu jkunu ta' kalibru għoli. Meta kont nara lill-ġenituri tiegħi dejjem jitbażwru u jaħdmu bla waqfien, kont ħlift li nsib raġel tat-tajjeb, raġel li kien ser iżommni fuq wiċċ l-idejn. Ħalli ma nkunx bħalhom. Bħal ommi u missieri. "L-imħabba ma tixtrihiex bil-flus," kienet tgħidli ommi. Imma jiena kont tal-fehma mod ieħor. "X'jiswa li jinħabbu jekk bilkemm għandhom għaxja ta' lejla?" kont naħseb waħdi. "X'imħabba mħabba... qed tara fiex ġejt bl-imħabba!" kont ngħidilha. Kienet tħares lejja b'għajnejha jleqqu u ma tgħid xejn iżjed. Ifhem, mhux għax jiena m'għandix emozzjonijiet. Ara taħsbu hekk! Lir-raġel tiegħi għandi ammirazzjoni kbira lejh. Imnalla kien hu, għax kieku jien m'iniex ngħix ħajja komda! Ersaqt lura lejn il-ħġieġ tal-kamra tas-sodda. Għal mument ridt immur lura fiż- żmien. Ridt niftakar. Trevor. L-imħabba ta' ħajti. Qatt ma ħassejtni aktar maħbuba minn dak iż-żmien li kont għaddejt miegħu. Kien ġuvni gustuż, b'natural ħelu, tbissima li tnessik id-dinja. Jiena kont inħobbu. Kont inħobbu ta' vera. Imma Trevor kien ġej minn familja fqira, bilkemm kellu għaxja ta' lejla. U kif seta' jaħseb li seta' jagħmilni ferħana? Kont għamilt sena sħiħa noħroġ miegħu. Kemm ilu! Għalkemm kienet l-isbaħ sena ta' ħajti, kont ħassejt li kien hemm xi ħaġa nieqsa fir-relazzjoni tagħna. Trevor qatt ma kien jeħodni f 'postijiet lussużi, ma kellux karozza tiswa eluf kbar, qatt ma xtrali ġojjelli, kif kien jagħmel Simon. U ħassejt li kelli nitilqu. Għamilt idi mal-ħġieġ tal-kamra. Ħassejt għafsa ta' qalb. "L-imħabba ma tixtrihiex bil-flus..." smajt leħen ommi jidwi mal-kamra. Ippruvajt ninsih lil Trevor. Ippruvajt narah f 'Simon, ippruvajt... Imma ma rnexxilix. Kemm-il darba ppruvajt infittxu. Ippruvajt insibu. Iżda qatt ma smajt aktar b'aħbaru. Min jaf x'kien sar minnu? Tgħid kien iżżewweġ? Tgħid kien sab xogħol? Tgħid kien siefer? Imma kieku sibtu, kont lesta nitlef dan kollu għalih? U nkun imċaħħda minn din il-ħajja li tant kont drajt? Ilbist malajr, lestejt l-irtokk, iċċekkjajt li xagħri kien tajjeb, tfajt il-kowt bil-pil abjad fuq spallejja, qbadt il-portmoni bl-antaċċjoli u ħriġt inħaffef lejn il-karozza moderna u sewda li kien hemm tistennieni quddiem il-bini prestiġġjuż. "Sala Don Emanuele..." għidt lix-xufier. F'temp ta' inqas minn kwarta, kont dieħla f 'dan il-bini maestuż, miżgħud nies ta' ċertu kalibru. Lil Simon rajtu mill-ewwel. Kien qiegħed fil-ġenb, b'grokk xorb f 'idu, jitbissem u jidher ferħan, akkumpanjat minn xi nies li kienu jaħdmu miegħu. Kien mitluf iparla ma' xi tfajliet u lili ma kienx rani. Għal mument dawwart rasi u bdejt nifli s-sala. Kemm kien hawn sabiħ! Qatt ma kont ġejt festin tal- ewwel tas-sena hekk! Kien miżgħud nisa sbieħ, irġiel puliti, kulħadd liebes l-aqwa lbies, jixorbu, jidħqu, mitlufin iparlaw. Rajt wejter għaddej bi trej u ħtaftlu tazza xorb. Kont qed inħossni eċitata. Aħseb u ara kif kont ser inħossni xħin kienu ser jgħajtu lil żewġi fuq il-palk u jxandru l-aħbar li kien ser jieħu dik il-promozzjoni?! Imbagħad dak il-ħin qalbi għamlet tikk. Għal mument ħassejt is-sala ddur bija, fawra tiela' għal rasi. Għafast it-tazza li kelli f 'id waħda u ċċassajt inħares 'il quddiem. Kien hemm. Wara dawk is-snin kollha, kien għadu l-istess. Stenna, mhux eżatt. Kien jidher aktar sabiħ, eleganti, xagħru mimxut pulit lura, wiċċu ruxxan... Trevor. Bla ma kont naf kif, mort quddiemu. Waqaft bilwieqfa nħares lejh. "Int m'inti ħadd, fhimt!" ftakart fl-aħħar kliem li kont għidtlu meta kont tlaqtu u qatt ma erġajt rajtu b'għajnejja. Il-memorji reġgħu ġew kollha quddiemi; tagħna niġru wara xulxin fuq il-bajja tar-raħal, nidħqu fuq affarijiet żgħar, nitimgħu l-ikel lil xulxin waqt li konna nkunu b'wiċċna kollu mċappas... "Trevor?" leħni bilkemm stajt insibu. Qalbi bdiet tħabbat mija mija. Ma jistax ikun. Żgur ma kontx għadni nħobbu. Issa kelli lil Simon. Simon kien sinjur. Simon kien jixtrili d-djamanti. Simon kellu karozza sabiħa. U dan... Dan qatt ma kellu xejn... "Leila..." qalli, hekk kif resaq lejja. Għajnejh kienu għadhom kulur il-baħar, xufftejh imlaħħmin, wiċċu daħqan... imma kien serju. Imbellah li kien rani. "X'inti tagħmel hawn?" staqsejtu. "Int, kif qiegħed hawn?" Tbissem. U dak il-ħin eżatt, rajt lil Simon ixejjirli u ġara kollox f 'temp ta' minuta. Telgħet preżentatriċi fuq il-palk, bdiet tagħmel diskursata fuq il-kumpanija u għajtet lill-imgħallem ta' żewġi ħalli jitla' jagħti l-aħbar tal-promozzjoni li kien ser jingħata żewġi. "Nistieden hawn fuq lis-Sur Trevor Cassar!" għajtet dik minn hemm fuq. "Il-missier ta' din il-kumpanija, fundatur..." Saqajja ħassejthom jirtogħdu. Trevor... Trevor kien l-imgħallem il-kbir li kellu żewġi? Kif jista' jkun? Trevor, Trevor li kien tiegħi? Trevor? "Int m'inti ħadd, fhimt!" "Illum ser tingħata l-promozzjoni lil wieħed mill-aqwa mpjegati tiegħi..." kien qed jgħid Trevor hemm fuq il-palk, iżda jiena ma stajtx nisma' jew narah sew. Kont imbellha. "Simon Micallef!" qal Trevor. Rajt lil żewġi tiela' fuq il-palk u għamel id- diskors tiegħu. Semmieni quddiem kulħadd u xejjirli minn hemm fuq quddiem Trevor. Stennejtu jinżel minn fuq il-palk u mort quddiemu. "Trevor... int?" bdejt ngħidlu. "Jien qiegħed hawn minħabba fik." "Minħabba fija?" Issammart. "Iva, Leila minħabba fik. Jien ħdimt, batejt, rajt il-ġuħ, rajt l-għaks... iżda rnexxieli. Sirt dak kollu li jien illum bi frott ħidmieti. Fil-bidu kont naħseb li ssir sinjur, issir nies. Iżda mbagħad indunajt li l-imħabba hija l-iżjed importanti f 'din id-dinja. Kliemek kien weġġagħni wisq." "Trid noħorġu xi darba jien u int?" ħtaftu fil-pront. "Jien għadni... inħobbok." Trevor għamilli le b'rasu. U eżatt dak il-ħin resqet lejh mara pulita, li kellha ċurkett ikbar minn tiegħi, isbaħ u aktar distint. Qabditu labranzetta. "Din il-mara tiegħi Deborah..." qalli, jidher kburi biha. "Din emmnet fija meta jiena ma kont ħadd. Għalhekk indunajt li l-imħabba hija iżjed importanti..." Kont tliftu. Iva, kont tliftu. Dak il-ħin dawwart rasi u rajt lil Simon iparla ma' sħabu. Lanqas kien ta kasi. Lanqas kien ġie ħdejja. U bdew ikantaw mat-tokki tas-sena l-ġdida u jixorbu x-xampanja. Għalkemm kont f 'sala mimlija nies, bdejt inħossni waħdi. "L-imħabba ma tixtrihiex bil-flus." Leħen ommi. Smajt leħen ommi jidwi fis-sala. L-imħabba ma tixtrihiex bil-flus Sharon Calleja